
Ħrafa minn “L-Iljieli Għarbin”
Madwar 1,800 kelma
Adattament ta' Norman C. Borg
© Norman C. Borg
***** ***** ***** ***** *****
Daħla
Ħadd ma jaf eżatt minn kiteb L-Iljieli Għarbin. Il-leġġenda tgħid li Xeħerażad, mart is-Sultan tal-Persja, bdiet tivvinta storja differenti għal kull lejl. Wara elf lejl, is-Sultan kien sar iħobbha mhux biss għas-sbuħija tagħha, imma wkoll għall-għerf li kellha.
Għalkemm l-istejjer kienu oriġinaw fi żmien l-għaxar seklu, kien biss fit-tmintax-il seklu li saru popolari fl-Ewropa, meta nqalbu mill-Għarbi għall-Franċiż għall-ewwel darba.
L-aktar stejjer famużi mill-ġabra huma bla dubju ta’ xejn dawk ta’ Ali Baba, il-baħri Sinbad u Aladdin, iżda hemm ħafna oħrajn daqstant interessanti. Din hija waħda minnhom.
***** ***** ***** ***** *****
Il-Festa tal-Ewwel tas-Sena kienet l-aktar waħda maħbuba u popolari fost il-festi fil-Persja, u kienet kważi qorbot lejn it-tmiem. Raġel mill-Indja resaq lejn ir-re b’żiemel mogħni b’xedd mill-isbaħ u mżejjen minn rasu sa saqajh. Dan ma kienx żiemel komuni, għax fil-fatt ma kienx żiemel ta’ veru.
L-Indjan għamel inkin quddiem ir-re. “Sire,” lissen, “għalkemm wasalt tard għal dawn il-festi, naċċertak li l-għeġubijiet kollha li rajt f’dawn il-jiem m’huma xejn ħdejn dan iż-żiemel li qiegħed noffrilek.”
“Ma jien nara xejn speċjali fih,” wieġeb ir-re. “Tassew huwa kopja eċċellenti ta’ żiemel veru, imma kull bniedem tas-sengħa jista’ jagħmel wieħed.”
“Sire, mhix id-dehra tiegħu l-aktar importanti, iżda x’nista’ nagħmel bih. Kull ma għandi nagħmel hu li nirkbu u naħseb f’post speċjali, u joħodni hemm f’leħħa ta’ berqa, ikun kemm ikun ’il bogħod.”
Dan il-kliem kattar l-interess tar-Re. Talab lill-Indjan jirkeb iż-żiemel, u pponta lejn il-muntanja għolja li kienet qrib il-palazz. “Mur ġibli werqa mis-siġra li tikber taħt dik il-muntanja,” qallu.
L-Indjan rikeb iż-żiemel u tbaxxa ’l quddiem fuq għonqu. Dawwar skorfina li kien hemm f’għonq iż-żiemel. Minnufih iż-żiemel qomos fl-arja u tar lejn il-muntanja b’tant ħeffa li n-nies bilkemm setgħu jżommu għajnejhom fuqu. Fi ftit minuti, iż-żiemel wasal lura, u l-Indjan ta lir-Re l-werqa li kellu f’idu.
“Dan huwa tassew żiemel maraviljuż,” lissen ir-Re, mistagħġeb. “Trid tbiegħu? Għidli l-prezz.”
“Iż-żiemel ma bnejtux jien,” wieġeb l-Indjan. “Tahuli l-inventur tiegħu bi tpartit ma’ l-unika bint li għandi. Ġegħlitni nwegħedha li ma nitilqu qatt jekk mhux għal xi ħaġa li jkollha l-istess valur. Għalhekk lest li nbiegħu jekk tħallini niżżewweġ lil bintek.”
In-nies ta’ madwar ir-Re stagħġbu bil-wiċċ tost tal-Indjan, u l-Prinċep Firuż, bin ir-Re, deher tassew rrabjat.
“M’iniex qed ngħid li qed naqbel,” lissen ir-Re, “imma naħseb li tista’ tagħti ċans lil ibni jara personalment x’jista’ jagħmel iż-żiemel.”
L-Indjan għen lill-Prinċep jirkeb iż-żiemel, u wrieh kif seta’ jikkontrollah. Iżda qabel ma l-Indjan laħaq spiċċa, il-Prinċep dawwar l-iskorfina fuq għonq iż-żiemel, u żiemel u rikkieb għosfru minnufih.
Ir-Re u niesu stennew u stennew, imma l-Prinċep ma tfaċċax lura. “La tibżgħux,” qal l-Indjan, “Il-Prinċep mhu se jiġrilu xejn.”
“Jaqbillek għax b’rasek idur,” qabeż ir-Re fil-pront. “Jekk ma jiġix lura fi żmien tliet xhur nikkundannak għall-mewt.” Wara dan, ir-Re ordna lis-suldati biex jixħtu lill-Indjan il-ħabs.
Sadanittant, il-Prinċep baqa’ jtir ’il fuq u ’l fuq. Meta dawwar l-iskorfina lura biex mingħalih jinżel, ma ġara xejn. Beda jfittex fuq il-ġisem taż-żiemel sakemm fl-aħħar sab skorfina oħra. Malli dawwar din, iż-żiemel beda jtir ’l isfel lejn l-art.
Malli fl-aħħar niżel, kien dlam ċappa, u sab ruħu f’palazz. Dan żgur ma kienx il-palazz ta’ missieru, u kien jaf li jekk l-għassiesa kienu jsibu ’l xi ħadd mhux magħruf, kienu jarrestawh jew saħansitra joqtluh. Għalhekk beda miexi bil-qajla fil-kurituri sakemm fl-aħħar laħaq bieb imbexxaq minn fejn kien ħiereġ xi dawl. Daħal inkiss inkiss, u qalb ħafna nisa reqdin lemaħ waħda li seta’ jobsor kienet il-prinċipessa tal-palazz.
Mar għarkopptejh maġenbha, u qajjimha bil-mod. Malli stembħet stagħġbet bid-dehra tal-Prinċep, sabiħ u liebes kollu ħwejjeġ fin. Mingħajr ma lissnet kelma, baqgħet tisimgħu hekk kif spjegalha min kien u kif ġie hemm. Wara dan, urietu post fejn seta’ jistaħba sal-għada filgħodu.
Fi żmien ftit jiem it-tnejn saru jħobbu ’l xulxin, iżda l-Prinċep beża’ jitlob lir-Re jiżżewweġ lil bintu. “Jaħseb li jien sempliċement raġel komuni jekk nidher quddiemu waħdi mingħajr is-sefturi li għandu jkollu miegħu prinċep.”
Għalhekk baqa’ jitnikker, moħbi fil-palazz tal-Prinċipessa għal xahrejn sħaħ, sakemm fl-aħħar qatagħha li ma setax jistenna aktar. Lill-Prinċipessa talabha tmur miegħu, u fid-dalma tal-lejl, waqt li kulħadd fil-palazz kien rieqed, rikbu ż-żiemel imsaħħar u taru lejn il-Persja.
Niżlu ħdejn waħda mill-vilel tal-Prinċep, fejn ħalla lill-Prinċipessa tistrieħ f’għadd ta’ kmamar lussużi, waqt li hu telaq lejn il-palazz ta’ missieru biex jagħtih l-aħbar u jipprepara merħba kif kien jistħoqq lill-għarusa tiegħu.
Ir-Re, li kien ħaseb li kien tilef lil ibnu għalkollox, issa kien fis-seba’ sema. Ordna li jeħilsu lill-Indjan u jġibuh quddiemu. “Kieku ibni ma ġiex lura, kont titlef ħajtek,” qallu. “Imm’ issa inti ħieles. Aqbad iż-żiemel tiegħek u itlaq minn dan il-pajjiż.”
Malli telaq il-palazz, l-Indjan malajr sab fejn il-Prinċipessa kienet qed tistenna lill-maħbub tagħha, u mar hemm minnufih. Qalilha li kien bagħtu l-Prinċep biex jiġi għaliha u jwassalha l-palazz. Għalhekk, kollha ħerqana, il-Prinċipessa fis rikbet warajh fuq iż-żiemel l-imsaħħar.
Tabilħaqq l-Indjan mexxa liż-żiemel lejn il-palazz tar-Re. Imma ma niżilx. Baqa’ jtir fil-għoli sakemm ir-Re u l-Prinċep rawh mal-Prinċipessa. Malli raw li ma kienx biħsiebu jinżel, wiċċhom bjad u bdew iħarsu bl-ikrah lejh, imma ma setgħu jagħmlu xejn. L-Indjan ħares ’l isfel lejhom bi tbissima sodisfatta, kuntent li kien qiegħed ipattihielhom. Dawwar ras iż-żiemel u baqa’ jtir sakemm waslu fil-pajjiż tal-Kaxmir.
L-Indjan niżżel liż-żiemel ħdejn xmara biex ikunu jistgħu jistejqru. Kien f’dak il-waqt li l-Prinċipessa semgħet xi żwiemel resqin lejhom. Mingħajr telf ta’ żmien, telqet tiġri lejhom.
Inzerta li l-mexxej tar-rikkieba ma kien ħadd ħlief is-Sultan tal-Kaxmir, li kien għadu ġej lura mill-kaċċa. Għalkemm il-Prinċipessa m’għarfitux, inxteħtet quddiemu u talbitu jsalvaha.
“Dan il-bniedem huwa impustur! Huwa saħħar u ħatafni mingħajr ir-rieda tiegħi minn idejn il-Prinċep tal-Persja, li biħsiebni niżżewweġ.”
Minħabba s-sbuħija tagħha u l-mod kif tkellmet, is-Sultan emminha minnufih, arresta lill-Indjan, u ħadha miegħu, fejn taha kamra u xi qaddejja biex iduru biha. Ħallieha tistrieh hemmhekk, u talabha tgħidlu l-istorja kollha l-għada filgħodu.
Il-Prinċipessa serrħet rasha li ladarba s-Sultan jisma’ l-istorja tagħha kien se jibgħatha fil-pront lura għand il-Prinċep.
Iżda b’xorti ħażina għall-Prinċipessa, kienet se ssib ruħha f’aktar inkwiet. Is-Sultan tant issaħħar bis-sbuħija tagħha li qatagħha li jiżżewwigha llum qabel għada.
***** ***** ***** ***** *****
l-għada filgħodu qajjimha l-istorbju ta’ ħafna tnabar u trumbetti.
“Għalfejn din il-mużika kollha?” staqsiet lil waħda mis-sefturi tagħha.
“Dik hija parti miċ-ċerimonja tat-tieġ,” weġbitha s-seftura, “Iż-żwieġ tiegħek mas-Sultan.”
Bil-ħasda, il-Prinċipessa ntilfet minn sensiha u waqgħet mal-art. Għadda ftit żmien qabel ma ġiet f’tagħha, u ħalfet li tagħmel minn kollox biex ma tiżżewwiġġx lis-Sultan. Ġietha idea.
Bdiet tgħid ħafna kliem bla sens, u xxejjer idejha ’l hawn u ’l hinn bħal waħda miġnuna. Is-Sultan ġie biex jaraha, iżda kull meta beda jkellimha bdiet twieġbu b’ħafna kliem bla sens, u għamlet tabirruħha li m’għarfitux.
Il-“ġenn” tagħha baqa’ sejjer il-jum kollu, u l-jum ta’ wara u dak ta’ wara wkoll. Fl-aħħar is-Sultan sejjaħ lill-aqwa tobba tiegħu, u ordnalhom jagħmluha vista wieħed wara l-ieħor biex jiddeċiedu minn xiex kienet qed issofri.
Il-Prinċipessa kienet ippreparata għal dan, u hekk kif kull tabib daħal biex jeżaminaha, saret aktar vjolenti, bdiet tgħajru u tfajjar idejha lejh, tant li ma ħalliet lil ebda wieħed minnhom jaraha sew. Kull tabib taha mediċina differenti, u dawn ħadithom għax kienet taf li ma kienu se jagħmlulha l-ebda effett.
Meta s-Sultan ra li l-mediċini tat-tobba tiegħu ma għamlu xejn, sejjaħ għal tobba oħra minn madwar il-belt, u wara dan minn bliet oħra, u wara dan minn madwar pajjiżi oħra. Kull darba beda joffri kemxa flus lil min kien jirnexxilu jfejjaqha. Imma naturalment, dan kien kollu għalxejn.
Sadanittant, Il-Prinċep Firuż kien qiegħed jiġġerra minn post għal ieħor ifittex lill-maħbuba prinċipessa tiegħu. Fl-aħħar wasallu l-għajdut dwar prinċipessa li kienet iġġennet leljet iż-żwieġ tagħha mas-Sultan. Minnufih ġera lejn il-Kaxmir, u malli sar jaf bid-dettalji kollha tal-istorja ntebaħ li fl-aħħar kien sab llil-prinċipessa tiegħu.
Issa kellu bżonn isib pjan biex jeħlisha minn hemm.
L-ewwel ħaġa li għamel xtara l-ilbies ta’ tabib. B’dawk, u bid-daqna li kienet kibritlu waqt it-tiftix tiegħu, kien ikun jista’ jgħid li kien tabib. Malli kien lest, mar il-palazz tas-Sultan.
“Smajt li hawn prinċipessa li għandha marda li l-ebda tabib fil-pajjiż ma jista’ jfejjaq,” qal lis-Sultan. “Ġejt mill-bogħod biex noffri s-sigrieti tal-mediċina tiegħi – rimedji li s’issa qatt ma fallew.”
Naturalment is-Sultan emmnu mall-ewwel bid-disprament li kien fih, u ħa lit-“tabib” fil-kamra fejn kien hemm il-Prinċipessa. Sabuha mimduda fuq sufan, imbikkma u tgħanni għanja dwar il-maħbub mitluf tagħha li qatt ma kienet se tara aktar. It-“tabib” talab li jeżaminaha waħdu, u qorob lejha bil-mod.
Fil-mument li lemħet l-ilbies tat-tabib, il-Prinċipessa nfexxet f’rabja liema bħalha, u bdiet tgħajjar li-“tabib”. Il-Prinċep ma tax kas il-kliem aħrax tagħha. Minflok, kompla miexi lejha bil-kalma sakemm qabdilha idha.
“Ħares lejja sew,” qalilha minn taħt l-ilsien. “Jien m’iniex tabib. Jien il-Prinċep Firuż, u ġejt biex neħilsek minn hawn.”
Il-Prinċipessa berrqet għajnejha mbellha. Ma setgħetx temmen dak li kienet qed tara u tisma’. Il-Prinċep spjegalha li mal-ewwel jum li kienet għebet beda jiġri madwar il-pajjiżi kollha biex isibha. Wara, spjegalha kif setgħu jaħarbu mill-palazz tas-Sultan.
L-ewwel mar għand is-Sultan u qallu li kien sab kura għal ftit jiem, iżda li kien hemm bżonn isir aktar xogħol biex il-prinċipessa tfiq għalkollox. Kien hemm xi ħaġa li kien għadu ma jistax jifhem. Waqt it-taħdit, il-prinċep fettillu jsaqsi:
“Għidli, Sire. Għaliex il-Prinċipessa tinsab daqshekk ’il bogħod mill-palazz ta’ missierha? Kif waslet hawn?”
Is-Sultan spjega dwar iż-żiemel stramb li kien jista’ jtir. Qal li ħadd ma kien jaf kif kien jaħdem, u li f’dak il-waqt kien jinsab fl-imħażen tat-teżori tal-palazz.
“Sire,” kompla l-Prinċep. “Naħseb naf għalfejn il-Prinċipessa ma tistax tfiq sew. Jidher ċar li ż-żiemel għandu xi seħer, u x’aktar dan is-seħer mess b’xi mod lill-Prinċipessa wkoll. Imma bil-misturi tiegħi naħseb li nista’ nħassar dak is-seħer.
“Jekk tħallini, nista’ noħroġ liż-żiemel fil-pjazza fejn inti u l-poplu tkunu tistgħu taraw spettaklu liema bħalu. Biex insebbħu l-effett, nissuġġerilek iġġib lill-Prinċipessa liebsa bl-ifjen ħwejjeġ u mogħnija bl-aqwa ġojjelli u djamanti li tista’ ssibilha.”
M’għandiex xi ngħidu s-Sultan aċċetta minnufih. Ġabar lil niesu fil-pjazza u ħareġ liż-żiemel. Is-Sultan u n-nobbli tiegħu qagħdu fuq palk speċjali, u dlonk il-Prinċipessa tfaċċat, kollha mżejna b’ilbies u ġojjelli tal-għaġeb u mdawra bil-qaddejja kollha tagħha.
Għenuha tirkeb iż-żiemel, u t-“tabib” dendel ftit braċieri mqabbdin madwarha, u raxxilha ftit fwieħa. Wara dan, sallab idejh fuq sidru, u dar tliet darbiet madwar iż-żiemel, il-ħin kollha jgedwed minn taħt l-ilsien taparsi qiegħed jgħid xi kliem maġiku.
Bil-qajla, duħħan beda tiela’ mill-braċieri, sakemm fl-aħħar għatta liż-żiemel u lill-Prinċipessa għalkollox. Il-Prinċep kien qed jistenna dan. Mingħajr ma seta’ jarah ħadd minħabba d-duħħan, rikeb bil-mod wara l-Prinċipessa, dawwar l-iskorfina fuq għonq iż-żiemel, u minnufih taru fl-arja. Qamet għagħa kbira fost il-folla hekk kulħadd baqa’ mbellah.
Iż-żiemel waqaf fuq is-Sultan. “Sultan ta’ Kaxmir,” sejjaħlu l-Prinċep minn fuq iż-żiemel, “meta tkun trid tiżżewweġ lil xi prinċipessa li titolbok l-għajnuna, l-ewwel kun ċert li titlob il-permess tagħha!”
F’qasir żmien, iż-żiemel ma kien xejn għajr dabra ċkejkna fis-smewwiet. Iż-żiemel tar dritt lejn il-Persja, u dlonk niżel fil-bitħa tal-palazz tar-re. Ftit jiem wara, il-Prinċep Firuż iżżewweġ lill-maħbuba prinċipessa tiegħu.
***** ***** TMIEM ***** *****
Noti
Braċieri: (singular braċiera). Speċi ta’ plattina żgħira tal-metall fejn tpoġġi l-ġamar (biċċiet tal-faħam jaħraq biex iżomm is-sħana). [Lura]
***** ***** **^** ***** *****
|