Merħba fil-librerija ta’
Kotba fil-But!
L-iskop ewlieni ta’ dan is-sit huwa li jipprovdi materjal tal-qari bil-Malti li jkopri letteratura klassika internazzjonali b’format elettroniku li jkun jista’ jinqara faċilment fuq PC jew tablet, imma anki fuq smartphone li tista’ żżommu fil-but: għalhekk Kotba fil-but.
Għalkemm dan l-aħħar l-ilsien Malti ħa spinta eċċezzjonali fejn għandu x’jaqsam il-pubblikazzjoni ta’ kotba bil-Malti, kemm għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar, ftit li xejn minn dan għadu jidher fid-dimensjoni diġitali. Illum il-ġurnata tista’ ssib miljuni ta’ kotba f’format ta’ ebooks fuq l-internet bl-Ingliż u anki b’ħafna lingwi oħra. Fejn jidħol il-Malti għad hemm nuqqas kbir. Dan il-proġett jipprova jimla ftit minn dan il-vojt.
- Qari ta’ dawn il-kotba huwa bla ħlas.
- It-testi huma adattati għal qarrejja minn 10 snin ’il fuq: Livelli 2 jew 1 tal-MQF; jew mil-livell intermedju ’l fuq; jew il-livelli 9 - 11 tal-Agenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
- Il-kotba huma adattamenti qosra bil-Malti ta’ rumanzi klassiċi, ħrejjef, leġġendi, stejjer tradizzjonali kif ukoll xi episodji storiċi. Mhumiex traduzzjonijiet kelma b’kelma tax-xogħlijiet oriġinali.
- Uħud minnhom joffru wkoll bijografija qasira tal-awtur oriġinali.
- Jidhru wkoll ħoloq għal xi ftit illustrazzjonijiet. Dawn qegħdin biss fejn ikun hemm bżonn ta’ spjegazzjoni biex l-istorja tiftiehem aħjar, u n-numru ta’ stampi huwa miżmum mill-inqas kemm jista’ jkun biex il-qarrejja jiffokaw aktar fuq it-test.
- Il-kotba fil-librerija jidhru alfabetikament skont it-titlu (mingħajr l-artiklu).
- Fil-lista Kotba fil-komma jidhru kotba li se joħorġu fil-ġejjieni. Mhux bilfors joħorġu fl-ordni kif qegħdin fil-lista.
- Fil-lista Agħti daqqa t’għajn jidhru biss siltiet, mhux kotba sħaħ, biex iħajru lill-qarrejja jfittxu il-ktieb fil-libreriji pubbliċi jew tal-iskola jew jixtruh mill-ħwienet lokali jew onlajn.
- Il-Glossarju li jinsab fil-paġna tat-Tiftix jiġbor flimkien in-noti kollha li jidhru fil-qiegħ ta’ ċerti kotba u li jagħtu definizzjoni jew spjega ta’ kliem diffiċli, frażijiet u idjomi, jew tagħrif ieħor li jgħin lill-qarrejja jifhmu r-rakkont aħjar.
- Is-sezzjoni Ħaddem rasek! toffri ftit logħob interattiv marbut ma’ uħud mill-kotba jew vokabolarju li jidher fihom.
- Il-kotba kollha fil-Librerija għandhom verżjoni onlajn biss, u m’għandhomx verżjoni stampata.
- Huwa ppjanat li joħroġ mill-inqas ktieb kull xhar.