
Kitba ta' Patrick Sammut
Madwar 1,400 kelma
Pubblikazzjoni: Horizons 2020
***** ***** ***** ***** *****
Il-Ġurdien tal-Imramma Makakk
Iz-zija Żarena kienet waħda minn dawk li fl-antik kienu jaħżnu l-ikel ġo kamra apposta fejn ma kienx ikun hemm la ħafna sħana u lanqas umdità. Dak kien żmien meta l-imberkin fridges u freezers kienu għadhom ma ġewx ivvintati, u b’hekk missirijietna u ommijietna kellhom mod ieħor kif jaħżnu l-ikel tagħhom.
Din il-kamra speċjali taz-zija Żarena kienet tinsab fuq in-naħa ta’ ġewwa tad-dar tagħha. Ġewwa kienet armata b’għadd ta’ xkaffi tal-injam li fuqhom kont issib il-barka ta’ Alla. Kien ikollha maħżunin ġobon ta’ kull tip, ħobż, laned tal-bulubif u tal-lanċimmit, xkejjer tad-dqiq u taz-zokkor, vażetti bil-basal tal-pikles, bit-tadam imqadded, bil-kappar u biż-żebbuġ, u ħafna iktar. Imbagħad kien ikollha wkoll bħal grampuni mas-saqaf li magħhom kien ikun hemm imdendlin qfieli differenti li magħhom kien ikun hemm imwaħħla zliezet ta’ kull tip u daqs. Hemm ġewwa kien kollox nadif u pulit, u dan biex iz-zija Żarena taċċerta ruħha li l-ikel tagħha jkun dejjem mill-itjeb. Il-kamra kienet tingħalaq b’bieb oħxon tal-injam mastizz li hija kienet issakkar b’muftieħ kbir minn dawk li llum ftit għadna naraw.
Ġara li fid-dar tagħha z-zija Żarena ma kinitx waħedha. Bla ma taf kellha lil xi ħaddieħor joqgħod magħha. Kien ġurdien tal-imramma li minn xi xhur qabel kien jgħix ġo toqba mwarrba qrib il-kamra fejn iz-zija Żarena kellha l-maħżen tal-ikel. Ġiġi, il-ġurdien tal-imramma, kien ilu li xamm xi ħaġa u għalhekk għal ġimgħat sħaħ kien joqgħodilha attent biex jistudja kull mossa li tagħmel. Ġiġi kien ġurdien makakk u kien jaf li jekk jidħol fil-maħżen tal-ikel u jingħalaq hemm ġewwa jkun qed iqiegħed rasu taħt mannara. Għalhekk kien tgħallem li bis-sabar u bl-attenzjoni wieħed seta’ jasal għat-tir ta’ moħħu xorta waħda bla ma jweġġa’ jew iqiegħed ħajtu fil-periklu.
Ta’ kuljum Ġiġi kien jistenna liz-zija Żarena tmur torqod fil-kamra ta’ fuq. Wara kien joħroġ mit-toqba tiegħu inkiss inkiss u bi snienu ppuntati kien jiekol bil-mod il-mod waħda mill-irkejjen tal-bieb oħxon tal-injam li kien jifirdu minn dak l-ikel kollu. Ġiġi kien minn ħafna qabel xamm li hemm ġewwa l-maħżen kien hemm kwantità kbira ta’ ġobon, u kulħadd jaf x’ma jagħmilx ġurdien biex jakkwista biċċa ġobon tajba!
Lejl wara lejl Ġiġi kien igerrem iktar ’il ġewwa fl-injam tal-bieb sakemm darba minnhom huwa rnexxielu jgħaddi għan-naħa l-oħra u jidħol f’dik il-ġenna fejn kien hemm l-ikel kollu li xtaq. Il-jiem kienu jgħaddu bla ma z-zija Żarena għaddielha l-iċken dubju minn moħħha dwar dak li kien qed iseħħ matul il-lejl fil-maħżen tal-ikel. Ġiġi kien ta’ kuljum jistennieha titla’ torqod u ftit wara erħilu jgħaddi mit-tqajba ġewwa l-bieb u jiekol xi biċċa ġobna minn dawk li kellha fuq in-naħa ta’ wara tal-ixkaffi, jew inaqqar ftit zokkor minn xkora li fiha kien taqqab toqba bilkemm tidher. Ġieli gerrem xi biskuttell jew xi galletta. Ġiġi kien moħħu jilħaqlu u għalhekk kien dejjem jiekol mill-ikel li kien hemm fuq wara ħalli kemm jista’ jkun ma jagħtix fil-għajn.
Imma ġara li dan il-perijodu ta’ abbundanza u glorja bla inkwiet ta’ xejn ma tantx dam. Jum minnhom iz-zija Żarena indunat li fil-maħżen tagħha kien daħal xi xifajk żgħir! Kemm irrabjat u kemm sabbtet fuq il-mejda tal-ikel! Hija ħalfet li ma tħallihilux għaddejja lixxa, għalkemm ma skoprietx minn fejn kien qed jidħlilha. It-toqba li kien gerrem fil-bieb bilkemm kienet tidher.
L-ewwel ħsieb li ġieha f’moħħha kien li tagħmel għadd ta’ nases. Imma Ġiġi kien ġurdien xiħ, minkejja li kien għadu lanqas għalaq sena. Kien jaf li n-nases kienu ta’ periklu għalih u għalhekk ma kienx jersaq lejhom. Kien hemm wisq ikel bnin fil-maħżen biex iħalli t-tentazzjoni tal-ikel tan-nases tirbaħlu.
Meta z-zija Żarena rat li n-nases ma kinux qed jaħdmu u l-ikel kien qed jonqos xorta waħda, ħasbet f’li ġġib qattus. U hekk għamlet! L-għada ġabet dan il-qattus lewn iswed li kont trid seba’ għajnejn biex tammirah. Kellu għajnejh mill-isbaħ u l-vantaġġ li fid-dalma tal-lejl ftit kien jidher. Għalhekk iz-zija Żarena serrħet rasha li t-tmiem tal-ġurdien ħalliel kien fil-qrib. Ma kinitx taf li l-qattus li daħħlet ġo darha kien għażżien kbir.
Hekk ġara li matul l-ewwel lejl, minflok qagħad jgħasses għall-ġurdien ħalliel, l-Iswed ittewweb waħda, sab qagħda komda fuq il-pultruna, u raqad il-lejl kollu. U Ġiġi għamel fattih bħal kull lejl ieħor.
Dak li seħħ il-jum ta’ wara malli z-zija Żarena indunat li l-ġurdien xorta kien daħal fil-maħżen u kompla jnaqqar mill-ikel tagħha, l-Iswed ma nesiehx faċilment. Ħamra nar bir-rabja, iz-zija Żarena ħarġet mill-maħżen, ġriet direttament għall-ixkupa li kellha f’rokna fil-qrib u tgħidx kemm waħħlitlu lill-Iswed. “Int x’qattus inti?!” bdiet tgħajjat filwaqt li tfajjarlu bl-ixkupa. “Mela jiena ġibtek f’dari biex tiekol u torqod, ja kaxxa għażż!” reġgħet qaltlu filwaqt li faqqgħetlu daqqtejn oħra bl-ixkupa.
Għall-Iswed din kienet battikata li qatt ma stennieha! Mid-dar-toqba tiegħu, Ġiġi l-ġurdien tal-imramma tgħidx kemm daħak. Fehem, imma, li l-lejl li kien ġej kien se jkun iktar diffiċli għalih biex jidħol fil-maħżen bla ma jinqabad mill-qattus. Għalhekk beda jaħseb x’jista’ jagħmel.
Wasal lejl ieħor u bejn ix-xebgħa li kien qala’ u bejn li z-zija Żarena kienet ħallietu bil-ġuħ, l-Iswed ma għalaqx għajn ma’ għajn. Ħalef li jaqbad lill-ġurdien u jieklu biex ma jkollux iktar battikati. Imma Ġiġi kien iktar makakk minnu.
Matul il-jum il-ġurdien ħadem ġurdien-pupazz bis-suf li kien ġema’ matul il-ġimgħat u rabtu ma’ qafla ftit twila. Imbagħad, sakemm l-Iswed kellu għajnejh imwaħħlin fuq il-bieb tal-maħżen tal-ikel, Ġiġi ħareġ inkiss inkiss u mar iwaħħal il-ġurdien pupazz ġo post prominenti fil-kċina faċċata, qrib dawl li z-zija Żarena kienet tħalli jnemnem matul il-lejl. Hekk meta d-dawl kien jolqot lill-ġurdien-pupazz kien iħalli dell kbir fuq il-ħajt qrib u dan kien bħal dak ta’ ġurdien jiċċaqlaq donnu ta’ veru!
Kif lesta din il-biċċa xogħol, Ġiġi għamel ħoss ċkejken biex jiġbed l-attenzjoni tal-Iswed u minnufih telaq jiġri lejn it-toqba tiegħu. L-Iswed iddritta widnejh malli sema’ l-ħoss u telaq jiġri lejn il-kċina. Kemm ikkonfonda malli lemaħ id-dell tal-ġurdien fuq il-ħajt! Beda jaqbeż u jogħla mal-ħajt, jipprova jaqbad id-dell, u kien żmien twil wara li induna minn fejn kien ġej dak id-dell. Għall-ewwel ħaseb li l-ġurdien-pupazz kien ta’ veru u tgħidx kemm qabeż u ssara miegħu. Imma meta għaraf li anki dan ma kienx ta’ veru, Ġiġi kien ilu li lesta minn dak li kellu jagħmel fil-maħżen tal-ikel.
It-tieni jum għall-Iswed ma kienx differenti mill-ewwel wieħed. Tgħidx kemm ġriet warajh iz-zija Żarena bl-ixkupa, u tgħidx kemm fajritlu biha! “Ara x’se tagħmel bil-ġurdien ħalliel illejla għax b’rasek idur!” qaltlu z-zija Żarena bir-ragħwa ħierġa minn ħalqha. L-Iswed kellu sufu mqajjem xewk xewk u denbu dritt jipponta ’l fuq bil-biża’ li kien ħass u l-qatgħa li kien ħa. Fehem li kliem iz-zija Żarena mhux lakemm tieħdu biċ-ċajt. Għalhekk reġa’ daħħalha f’moħħu li l-lejl li jmiss joqgħod attent ħalli jitfi x-xemgħa tal-ġurdien ħalliel darba għal dejjem.
Matul il-lejl, l-Iswed qagħad b’seba’ għajnejn ħalli jara li l-ġurdien ma jersaqx lejn il-bieb tal-maħżen tal-ikel. Imma x-xebgħa li kien qala’ għat-tieni darba u l-ġuħ ta’ jumejn li kellu ma għenuhx ħafna miskin. Għalkemm għamel minn kollox biex jibqa’ mqajjem, għajnejh bdew jingħalqu kull tant żmien. Il-ġuħ tant għamel bih li s-sens tax-xamm tiegħu bħal issaħħaħ u bħal beda jaqbad riħa partikolari. Kienet riħa ta’ perżut frisk u din kienet ġejja mill-kċina.
L-Iswed tant kellu ġuħ li fl-aħħar iddeċieda jħalli l-għassa għal ħin qasir biex imur jara minn fejn kienet ġejja dik ir-riħa hekk tajba. Malli daħal fil-kċina lemaħ biċċa perżut imdaqqsa mdendla mas-siġġu. Kemm feraħ l-Iswed malli raha! Nesa l-għassa u mar jiekol dik il-biċċa laħam tfuħ.
Minn fejn kienet ġiet dik il-biċċa perżut? Kien Ġiġi li l-lejl ta’ qabel kien ġabha miegħu mill-maħżen tal- ikel u ftit qabel dak il-lejl dilikha b’likwidu speċjali u dendilha mas-siġġu tal-kċina. Il-likwidu li biha kien dilikha kellu riħa qawwija ta’ laħam, imma kien iraqqad lil dak li jkun malli jinbela’. Hekk ġralu l-Iswed wara li kiel il-biċċa perżuta. Kuntent u żaqqu mimlija, beda jittewweb waħda wara l-oħra u raqad hemm stess taħt is-siġġu fil-kċina. Sadanittant, Ġiġi l-ġurdien tal-imramma għamel festa oħra fil-maħżen tal-ikel.
Kemm għajtet u sabbtet iz-zija Żarena malli l-għada filgħodu daħlet fil-kamra fejn kien hemm maħżun l-ikel u fehmet li l-ġurdien ħalliel kien reġa’ għamel waħda minn tiegħu! Din id-darba tant kienet irrabjata li fetħet il-bieb ta’ barra u b’daqqa waħda ta’ xkupa tefgħet lill-Iswed ’il barra. Qaltlu, “Ara ma terġax tersaq ’l hawn ladarba m’intix kapaċi taqbad ġurdien tal-imramma!”
Din id-darba z-zija Żarena ħaddmet rasha. Ħasbet li jkun ħafna aħjar kieku hi u l-ġurdien tal-imramma jsiru ħbieb. Hekk ma jkollhiex għalfejn titma’ lill-ebda qattus, u l-ġurdien ma jkollux għalfejn iħarbtilha l-maħżen tal-ikel. Ta’ kuljum iz-zija Żarena kienet tħalli biċċa ġobon u ftit ħobż iebes (kif kien iħobbu Ġiġi, ħalli jkun jista’ jgerrmu). Daqqiet oħra kienet tħallilu xi biċċa perzut, dejjem flimkien ma’ xi naqra ħalib jew ilma. Hekk kemm iz-zija Żarena kif ukoll Ġiġi l-ġurdien tal-imramma gawdew ċerti vantaġġi, bdew jagħmlu kumpanija lil xulxin u għexu dejjem kuntenti u ferħanin.
***** ***** *^^^* ***** *****
Kif tagħmel biex tkompli taqra dan il-ktieb
Din l-istorja hija mill-ġabra Ix-Xwejjaħ tal-Ġugarelli u stejjer oħra miktuba minn Patrick Sammut u ppubblikata minn Horizons. Sib il-ktieb fil-librerija tal-iskola jew dik pubblika, biex l-istejjer l-oħra. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il-ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.
|