Il-Leġġenda ta' San Dimitri

Kitba ta’ Victor Fenech
Madwar 1,000 kelma
© Victor Fenech

Meħuda mill-ktieb Leġġendi minn Malta u Għawdex (Kotba Merill, 2004) bil-permess tal-awtur.
Fuq talba ta’ Lauren Buttigieg
Qari tal-provi: Therese Vella

***** ***** ***** ***** *****

Taħt sies ftit ’il bogħod mill-Għarb, f’Għawdex, kien lejl maħluq għas-sajd.

Johnny kien qed iħares lejn medda baħar ftit lil hinn mid-dgħajsa tagħhom.

“Pa,” qal Johnny lil missieru. “Ara dik ir-roqgħa ħadra kemm tagħmel sabiħ! Dik x’inhi? Qisha dawl tiela’ minn qiegħ il-baħar ...”

Missieru Nikol tbissem u għemeż lil Gawdenz.

Nikol u Gawdenz kienu żewġ aħwa sajjieda mill-Għarb. Mhux l-ewwel darba li ħarġu għall-passa tat-tumbrelli f’dawk l-inħawi.

Did-darba Nikol ħa miegħu lil ibnu Johnny biex jgħinhom ikalaw l-għażel.

Il-missier wieġeb:

“Ibni, dak id-dawl ġej mill-knisja ta’ San Dimitri, li tinsab mgħarrqa fil-fond tal-baħar.

L-istorja ta’ San Mitri hi storja sabiħa ħafna ...

***** ***** ***** ***** *****

“Jingħad li darba filgħodu kmieni daħal fil-qala xini bil-bandiera tan-Nofs Qamar.

Ċorma Torok qabżu l-art u telgħu jgħaġġlu lejn il-knisja ċkejkna fuq il-kap – il-kappella ta’ San Dimitri.

F’dawk l-inħawi kienu joqogħdu biss xi erba’ familji tas-sajjieda. Għalihom il-knisja kienet wens kbir.

Lit-Torok ħadd ma rahom telgħin. Malli waslu, sfrundaw il-bieb tal-knisja u dlonk bdew jisirqu kulma raw b’għajnejhom.

B’xorti tajba, il-kwadru ta’ San Mitri kien marbut fil-għoli u ma messewhx. L-inkwatru kien juri lil San Mitri bix-xabla f’idu u riekeb fuq żiemel sabiħ.

Wara li ħadu li riedu, kissru li kien baqa’ u ħejjew imorru lura lejn ix-xini.

Wieħed minnhom qal, “Hawn ma baqa’ xejn x’nieħdu. Qed taraw dik l-għorfa? Għax ma naslux s’hemm u naraw xi nsibu?”

Sħabu ma qalux ‘le’ u lkoll flimkien irħewlha lejn l-għorfa.

F’dik l-għorfa kienet toqgħod l-armla Żgugina ma’ binha Mattew. Lil Mattew kienet tħobbu daqs id-dawl t’għajnejha.

Dik l-għodwa li l-furbani ġew jisirqu u jkissru l-knisja ta’ San Mitri, Żgugina kienet sejra tqajjem lil Mattew.

Kif daħlet f’kamartu, rat mit-tieqa miftuħa ċorma Torok resqin lejn l-għorfa.

Kienu ħamsa, kienu mgħaġġlin, u kienu armati sa snienhom.

Malli rathom qabditha rogħda ma’ ġisimha kollu. M’għarfitx x’taqbad tagħmel. Riedet tmur tagħlaq il-bieb bil-firrol, imma riġlejha żammewha.

It-Torok taw daqqtejn ta’ sieq fuq il-bieb u tefgħuh ġewwa. Sabu lil Żgugina u lil Mattew, wiċċhom lewn il-qarsa tax-xema’.

Żgugina kellha dirgħajha madwar binha u bdiet trossu magħha. L-oħrajn bdew jidħku biha. Wieħed minnhom ħataf it-tifel bil-herra u ġibdu lejh.

Wieħed mill-furbani beda jgħajjat minn barra. Mar ieħor jara x’ġara. Ġie lura jgħajjat ukoll u juri lejn il-bajja.

Dak li kien ġibed lil Mattew waddbu fuq spalltu, u lkoll telqu jgħaġġlu ’l isfel.

Żgugina ħarġet warajhom tgħajjat u tixher: “Mattew! Mattew! Fejn se tieħdu ’l Mattew tiegħi? Le! Tuni lura ’l Mattew tiegħi!”

It-Torok bdew jidħku biha u bdew jimbxuha biex tilħaqhom. Imma Żgugina kienet imdaħħla fiż-żmien. Fin-niżla waqgħet għal wiċċha.

Baqgħet bħal mibluha tħares lejn ix-xini ankrat fil-qala. Wara ftit rat lit-Torok telgħin fuqu b’Mattew tagħha.

Rat ix-xini jaqla’ qajl qajl. Rat l-imqadef jaqtgħu l-ilma bħal skieken. Rat il-qlugħ miftuħ u ż-żiffa miegħu. U ħasset id-demm tiela’ għal rasha.

Bir-rogħda li qabditha waqgħet gozz fl-art, tolfoq u tixher. Imbagħad ftakret f’San Mitri, u telqet tgħaġġel lejn il-knisja.

Waslet il-knisja tirtogħod fuq riġlejha u nxteħtet għarkupptejha quddiem il-kwadru fuq l-artal.

“San Mitri,” bdiet titolbu bl-akbar ħrara. “Idħol int għalija f’din is-siegħa tal-biża’. Agħmel li b’xi mod ibni jiġi lura. Roddli ’l Mattew lura u sakemm immut ma jgħaddix jum bla qasba żejt tixgħel quddiemek.”

Żgugina talbet fuq li talbet. Għajnejha mtlew bid-dmugħ. Bdiet tara kollox jiċċaqlaq.

Dehrilha li rat lil San Mitri jinqala’ mill-inkwatru biż-żiemel b’kollox.

Ratu għaddej minn ħdejha u ħiereġ mill-bieb, u ratu jsuq iż-żiemel lejn ix-xini tas-sibbien.

Żgugina ħasset l-art iddur biha, u ħassha ħażin.

Meta stejqret, rat lil Mattew ħdejha u għannqitu bil-ħerqa ta’ omm li taf tħoss u taf tħobb.

Imbagħad ħarset fuq l-artal. Il-kwadru ta’ San Mitri kien għadu hemm.

X’kien ġara sewwasew?

Mattew qalilha, “Meta x-xini kien tbiegħed ġmielu, it-Torok bdew juru lejn xi ħaġa ġejja lejhom fuq il-baħar.

“Jien ħarist ukoll. Rajt żiemel abjad jofroq il-mewġ u rajt rikkieb bix-xabla f’idu. Għidt f’qalbi, dak qisu San Mitri!

“Xi ħadd ġibidni lura u ma rajt xejn iżjed ħlief il-furbani jiġru ’l hawn u ’l hemm; kienu mifxulin sew.

“Imbagħad ħassejt min jaqbadni u jiġbidni għal żaqqi fuq żiemel. Kont wiċċi ’l isfel u r-rikkieb ma stajtx narah sew. Imma jkolli ngħid, kien San Mitri.

“Dan baqa’ jniggeż iż-żiemel bl-ixpruni, u ż-żiemel baqa’ jofroq il-baħar, sa ma tlajna l-art u rġajt sibt ruħi hawn!”

Żgugina ħarset lejn il-kwadru. Mill-qiegħ ta’ qalbha ħarġet kelma waħda biss: “Grazzi!”

U l-wegħda tagħha żammitha. Kemm damet ħajja, qatt ma naqset li tixgħel qasba żejt quddiem il-kwadru ta’ San Mitri.”

***** ***** ***** ***** *****

“Sewwa għidt, pa,” qal Johnny wara ftit. “Storja sabiħa din ta’ San Mitri. Imma, ngħid jien, x’għandha x’taqsam mad-dawl fil-baħar?”

“Għandek raġun,” qabeż zijuh Gawdenz. “Għandek taf li xi żmien wara, l-art fejn kienet il-knisja niżlet waqt terremot u għebet fil-baħar.

“Dik il-knisja li tara fuq il-kap hi oħra li bnew ir-raħħala aktar tard. Il-knisja tal-leġġenda tinsab mgħarrqa fil-baħar, sewwasew fil-post fejn qed tara d-dawl.

“In-nannu niftakru jgħid li xi bugħaddasa darba niżlu jaraw id-dawl mnejn ġej. Meta telgħu qalu li l-knisja l-antika ta’ San Mitri għadha sħiħa, ilma ma fihiex, u l-qażba żejt tal-armla għadha taqbad lejl u nhar.

“Hu dak id-dawl li kultant jidher f’lejliet mudlama bħal tal-lum.”

Johnny ma lissinx kelma oħra. Baqa’ jħares lejn id-dawl ħadrani jixgħel u jilgħab mal-mewġiet maġenb id-dgħajsa.

Fis-skiet tal-lejl deherlu wkoll li sema’ t-tokki ta’ xi qanpiena ċkejkna telgħin minn qiegħ il-baħar.

***** ***** ***** ***** *****

Aktar tagħrif: IL-FURBANI

Żmien twil ilu, il-bdiewa Maltin u Għawdxin kellhom biża’ kbir mill-furbani. Il-kelma furbani tfisser ħallelin tal-baħar. Dawn kienu jiġu fuq xwieni ħfief bħar-riħ, jinżlu għal għarrieda, u jaħbtu għad-djar u l-irziezet li jsibu viċin ix-xtut.

II-gżejjer tagħna huma miżgħuda bi stejjer tal-furbani. Dawn ġieli kienu baħrin Sqallin, imma l-aktar Torok jew Għarab minn Barbarija. Darba l-kursar Dragut ħabat għal Għawdex u ġarr lil kulħadd bħala lsir. L-irġiel kienu jitfgħuhom jaqdfu fil-galeri, lin-nisa u lit-tfal kienu jbigħuhom bħala qaddejja. Drabi oħra l-furbani kienu jinżlu l-art, jieħdu l-ilma u l-uċuħ tar-raba’, u jgħibu fl-istess skiet li jkunu ġew.

Is-suldati tad-Dejma kienu dejjem għassa tagħhom, u mhux l-ewwel darba li qabduhom taħt idejhom. Imma dak iż-żmien it-trasport kien batut u sakemm jaslu tad-Dejma l-furbani jkunu ħarbu. F’nofs is-seklu sittax il-Gran Mastru De Redin bena minn butu erbatax-il torri biex iħares ix-xtut Maltin mill-ħbit tal-furbani.

***** ***** TMIEM ***** *****

^

Kif tagħmel biex taqra aktar stejjer minn dan il-ktieb?

Leġġendi minn Malta u Għawdex (2004)Din l-istorja hija waħda mill-ġabra Leġġendi minn Malta u Għawdex, ta' Victor Fenech, u ppubblikata minn Kotba Merill fl-2004. Sib il-ktieb fil-librerija tal-iskola jew dik pubblika biex taqra l-ġrajjiet l-oħra fil-ġabra. Jekk trid, tista’ tixtri l-ktieb mingħand BDL Books.