Il-Qattus li Fenda għal Rasu

Kitba ta’ Chris Grillo
Madwar 1,230 kelma

Kienet l-aħħar ġimgħa ta’ Mejju qrib il-festa’ tal-Lunzjata, u bħalma soltu jkun fuq dawn il-gżejjer, ir-riħ kien qed jonfoħ ġmiel. Peress li xogħli kien fil-beraħ, beda’ jtellifni sew, u kelli nieqaf minn dak li kont qed nagħmel. Erfajt l-għodda ġol-kaxxa tagħhom u rħejtilha lejn id-dar.

Irrealizzajt li kienet okkażjoni tajba biex ngħin lit-tfal jagħmlu l-homework tagħhom kmieni, u b’hekk nintefgħu fil-kamra favorita’ tagħna. F’din il-kamra kellna sufan komdu, televiżjoni u librerija b’numru ġmielu ta’ kotba. Kienet l-hena tat-tfal iqallbu fil-kotba, daqqa jiskopru xi dizzjunarju bl-istampi , u daqqa xi ktieb b’ritratti ta’ pajjiżi mbiegħda. Wara ġurnata xogħol iebes, kont nistrieħ billi ngħaddu l-aħħar siegħa jew tnejn qabel immorru norqdu f’din il-kamra, flimkien mal-mara u t-tfal. Għalkemm mhux dejjem konna nagħmlu kollox flimkien, kont inħoss li dan il-ftit ħin kien importanti għalina bħala familja. Fuq kollox, kif jgħid il qawl, familja li tilgħab flimkien ħija familja li tikber magħquda flimkien.

B’dawn il-ħsibijiet ġo rasi, daħħalt il-karozza ġol-garaxx, sakkart bil-katnazz u mort id-dar. Kif ftaħt il-bieb ta’ barra għajjattilhom ilkoll…..però ħadd ma rrispondieni. Ħsibt li kienu għadhom ma waslux mill-iskola, imma titwila lejn l-arloġġ tal-kċina kkonfermali li l-ħin kien tajjeb. Smajt ħoss minn fuqi u stenbaħt. Mela kienu fuq il-bejt! Kellna bejt kbir ħafna, u bil- mod il-mod konna qed naqilbuh fi ġnien mill-isbaħ. Tlajt għal-fuq u tassew hemm kienu. Ma stennejtx li ser insib dak li rajt. Il-kamra tal-ħasil kienet ta’ taħt fuq, u fuq wiċċhom it-tfal kien jidhru sinjali ta’ dwejjaq kbar.

‘X’ġara?’ staqsejt lill-mara, ‘Kif qallibtu kull m’hawn. Mela ħa tbajdu?’

‘Dejjem b’xi ħmerija, int. Qed infittxu l-qattusa,’ irrispondietni. ‘Rajtha l-aħħar għal xi nofsinhar, imma minn dak il-ħin ’l hawn ma rajtha mkien. Is-soltu meta jiġu t-tfal tgħidx kemm tifraħ bihom.’

Qalbi għamlet tikk. Kont naf xi tfisser għat-tfal il-qattusa ġinġrija li kellna. Nina kienet l-iktar qattusa għażżiena tad-dinja, iktar rieqda milli mqajma, iżda kellha natural verament mans u gustuż. Bdejt inħokk rasi mill-ewwel. Fejn setgħet kienet? L-aħħar li ntilfet kien meta sabet ruħha ġol-gwardarobba. Għalqitha l-mara meta ħarġet il-ħwejjeġ għall-iskola. Sibtha jiena meta’ mort noħroġ qmis. Sibtha rieqda fuq kutra. M’għamlitx wisq storbju biex nintebħu biha. Għedtilkom li kienet għażżiena.

Kien ovvju li ma kenitx fil-kamra tal-ħasil! Ma kienx hemm fejn joqgħod ġurdien, aħseb u ara qattusa. Ħallejna l-bieb miftuħ għall li jista’ jkun u nżilna ’l isfel. Bdejna naqilgħu kamra kamra. Meta wasalna fil-kamra tal-imbarazz kont diġà qtajt qalbi li nsibuha isfel. Kieku semgħetna żgur, u jekk kienet torqod ħafna, ma kenitx nieqsa minn żaqqha. Bdejna nċekċku l-borża tal-ikel biex forsi tismagħna, imma kollox għal-xejn. Ma stajna nsibuha mkien ġewwa. Fl-aħħar kellna naċċettaw li jew qabżet iċ-ċint tal-bejt u qabadha xi ħadd, jew inkella sabet il-bieb ta’ barra miftuħ u ħarġet. Peress li kienet qattusa tat-trobbija ma kellhiex dik l-esperjenza ta’ kif iġġib ruħha barra mid-dar.

Sadanittant it-tfal kienu diġà għamluha fatta li mhux ser jarawha iktar, u d-dmugħ nieżel ma’ ħaddejhom kien xhieda tad-dwejjaq li kellhom. Ippruvajna nikkonvinċuhom li mhux l-ewwel darba li l-qtates jaħarbu u jerġgħu jiġu lura. Imma ma naħsibx li spjegajtilhom biżżejjed għax jibku baqgħu.

Ħsilniehom u daħħalniehom jorqdu naqra iktar kmieni mis-soltu. Meta jkun il-Ġimgħa mhux l-ewwel darba li ndumu mqajmin sa tard naraw xi film adattat għat-tfal. Imma llum kien każ differenti. Malli daħħalthom fis-sodda, tfajt ġakketta fuqi u ħriġt infittixha barra. Fejn noqogħdu aħna hemm ġnien pubbliku mdaqqas, u jekk ħarġet barra kien hemm ċans tajjeb li nsibha hemm.

Ma nafx kemm-il siġra ddendilt magħha, u npespsilha. ‘Nina…pxx pxx……ejja Nina ħi.’ Kien kollu għalxejn. Saħansitra wieħed mill-ġirien baqa’ skantat iħares lejja qisni tlift il-boxxla. Ieħor għeddidni li ser iġibli l-pulizija, sakemm ħriġt taħt lampa u nduna min jien. Sa fl-aħħar qtajt qalbi ngħarrex ’l hawn u ’l hinn. Kienet siegħa moħlija. Tlajt id-dar b’qalbi sewda. It-tfal min jaf kif kienu ser jeħduha jekk ma terġax lura. Kulħadd kien jgħidli li l-qtates iħobbu jiġġerrew, u tagħna ma kenitx differenti.

‘Ma sibthiex,’ għedtilha minn taħt l-ilsien lill-mara. ‘Issa nitla’ naqra sa fuq il-bejt, forsi qegħda hemm tidħaq bina.’ Niżżilt il-belgħa te u tlajt insejħilha. U reġgħet ma ġietx. Issa l-ħin kien sar ġmielu, u peress li kelli nqum inkompli x-xogħol li ħallejt warajja, iddeċidejt li aħjar ninżel norqod.

Filgħodu sebaħ bnazzi u r-riħ kien ikkalma xi ftit. Ħallejt istruzzjoni mal-mara biex jekk isibuha jċempluli fuq il-mowbajl. Ma nafx kif għaddiet il-ġurnata. Nirringrazzja ’l Alla li ma waqajtx minn fuq is-sellum bil-ħsibijiet li kelli, għax moħħi ma kienx fuq il-lant tax-xogħol. Bdejt niċċekkja t-telefown minn ħin għall-ieħor biex nara kienx qed jaħdem. Tajjeb kien, imma baqa’ sieket matul in-nofstanhar sħiħ.

Meta t-tfal isiru jħobbu il-pets tagħhom, tidħlilhom ċertu responsabbiltà li ġġegħilhom japprezzaw iktar ir-rigal tal-ħajja. Din żgur kienet daqqa ta’ ħarta għalihom. Qtajtha li jekk sat-Tnejn ma nsibuhiex immur s’għand Lippu l-mastrudaxxa. Dak dejjem invażat bil-qtates il-garaxx tiegħu. Xi ferħ żgur kont insib għandu.

Wasalt id-dar, u mill-ħarsa ta’ wiċċhom intbaħt li ma kien sar xejn. Naħseb li kienet waħda mill-agħar ġranet ta’ ħajti. It-tifla l-kbira ma ċċaqalqitx mill-gallarija, u ż-żgħira kienet fil-gallarija ta’ wara. Lanqas kuraġġ jieklu l-ikel ma kellhom. Iddeċidew li aħjar ma noħorġux għall-ħarġa tas-soltu ta’ nhar ta’ Sibt, ma tmurx tiġi u ma ssibniex hemmhekk.

Il-Ħadd wasal, u biex nipprova nnessihom tellajt ’it-tfal miegħi fuq il-bejt biex inkompli naħdem fuq it-tinda tal-ġnien. Tgħidx kemm issarajt biex intella’ ż-żewġ pilastri tat-tarf. Imbotta minn hawn u iġbed minn hemm, b’xi mod waqqafthom bl-‘għajnuna’ tat-tfal. Wara battikata bħal-dik intfajna għad-dell tal-kamra nixorbu tazza luminata friska li tellgħetilna l-mamà.

Ħin minnhom iż-żewġt itfal qamu f’salt wieħed. ‘Qed nisma’ l-qattusa!’qaltli l-kbira.

‘Anke jiena! Żgur hi!’ qabżet iż-żgħira.

Issa jiena l-Bambin berikni b’par widnejn imdaqqsin, u dak li ħadli mil-vista tagħhuli fl-udit, imma xorta ma smajt xejn. Sikkitthom biex nara nismax minn fejn ġej l-għajjat tal-qattusa. Kien kollu għalxejn għax ma smajt xejn. Imma t-tfal qamu f’daqqa u ġrew lejn l-opramorta tal-bejt ta’ ħdejna.

‘Mingħand Pippa tal-pastizzi ġej il-ħoss. Dik żgur Nina!’ għajtet il-kbira.

Lanqas tawni ċans niċċekkja li ma tarux ’l isfel. ‘Isa pa, ejja ħa mmorru għand Pippa ħa tiftħilha!’

Kelli nitlaq kollox minn idejja u mmur magħhom. Il-ħmerija hi li Pippa ma kenitx id-dar. Morna għand bintha li toqgħod żewġ kantunieri ’l hinn minna. Kif rat lit-tfal daqshekk aġitati daħħlitna ġewwa biex tifhem aħjar dak li kienu qed jgħidu. Sa fl-aħħar ċemplet lil ommha il-pastizzerija u staqsietha jekk tistax tmur id-dar tiċċekkja. Ix-xwejħa, li minn dejjem kienet ta’ qalb tajba, qablet mill-ewwel. Lit-tfal tiegħi kienet tħobbhom, bejn forsi għax kienu simpatiċi, u kif ukoll għax kienu edukati, u jirrispettaw lil min hu ikbar minnhom.

Wasalna d-dar ta’ Pippa, u Rose, għax hekk kien jisimha bintha, tellgħetna fil-kamra ta’ fuq il-bejt. Fetħet il-bieb li mit-taraġ jagħti għall-bejt u l-povra qattusa taret għal-fuq it-tfal bil-ferħ. Ma nistax ngħidilkom l-emozzjoni li kellhom fuqhom bis-sejba tal-pet tagħhom. Li ġara kien li peress li l-Ġimgħa kien ħafna riħ, meta l-qattusa kienet qiegħda tgħarrex ġol-kamra ta’ Pippa, instabat il-bieb u ma setgħetx toħroġ. Meta tlajt fuq il-bejt ma kontx smajtha, u peress li Pippa mhux l-ewwel darba li raqdet għand oħtha, ma kenitx resqet lejn id-dar tagħha għal-tlett ijiem sħaħ.

Li-storja spiċċat b’wiċċ il-ġid hekk kif wasalna d-dar. Il-qattusa kielet ikla liema bħalha, u ntasbet torqod fuq is-siġġu favorit tiegħi. It-tfal ma ridunix inqajjimha u kelli noqgħod nara l-partita tal-Ħadd filgħaxija fuq biċċa banketta mżegilga li għal naqra ma nfaqgħetx bija meta skurjajna fl-aħħar ftit. L-aqwa li issa kien għadda kollox.

Kull meta tarani Pippa tassigurani li minn dakinhar ’l hawn qatt ma reġgħet rat lill-qattusa fuq il-bejt tagħha!

TMIEM
***** ***** [FUQ] ***** *****