Sejħa lill-Qarrejja tal-Provi

L-aħħar aġġornament: 4 ta' Settembru 2024

L-adattamenti li fassalt għal dan is-sit s'issa jgħoddu 'l fuq minn 203,000 kelma, u għalhekk ma jistax ikun li xi mkien ma ħarabx xi żball tat-tipa, tal-istil jew tal-ortografija.

Bħalma jgħid il-qaddis tal-qarrej tal-provi (jekk ma qlajthiex minn żniedi) żewġ pari għajnejn aħjar minn wieħed. Għaldaqstant nistieden lill-qarrejja tal-provi, stabbiliti u mhux, biex jagħżlu xi wieħed mill-kotba, jgħarbluh sewwa u javżawni fejn isibu xi diskrepanzi.

Dan is-sit huwa frott ta' xogħol volontarju u mingħajr ebda qligħ kummerċjali, għalhekk b'xorti ħażina ma nistax noffri ħlas għall-kontribuzzjoni tagħkom. Wieħed jista' jqisu sempliċement bħala ftit taħriġ biex torqom aktar il-ħiliet tiegħek bħala qarrej tal-provi.

Jekk inti interessat/a toffri qari tal-provi ta' xi wieħed mit-testi, tista' tiktibli personalment fuq dan l-indirizz:

kotbafilbut@normancborg.eu

Għarrafni dwar liema test tkun interessat/a teżamina, u niddiskutu l-proċedura. Ismek jidher fit-test bħala kontributur fil-qari tal-provi.

Jekk tixtieq tkun taf aktar, ara l-proċedura sħiħa hawn isfel.

Niżżik ħajr bil-quddiem għall-kontribut tiegħek.

Il-Proċedura għall-qari tal-provi

Kif inkun naf kemm hu twil ktieb?

  1. Fuq PC jew iMac, poġġi l-pointer tal-maws fuq il-qoxra tal-ktieb mingħajr ma tikklikkja. Għandha titfaċċa kaxxa żgħira bit-tul tat-test fost tagħrif ieħor. JEW...
  2. Iftaħ il-ktieb. Għandek issib in-numru ta' kliem xi mkien taħt it-titlu. JEW...
  3. Fittex il-ktieb taħt waħda mill-kategoriji. Is-sommarji tal-kotba jkollhom it-tul tat-test.
sommarju

Liema testi qed isir qari tal-provi fuqhom?

Biex ma jsirx xogħol doppju, hawn taħt se jitniżżel ix-xogħol li diġà sar jew qed isir qari tal-provi fuqu. Għaldaqstant agħżel xi test ieħor jekk tkun tixtieq toffri is-servizzi tiegħek.

Nista' noffri qari tal-provi ta' ktieb li għadu ma ħariġx?

Iva. Is-sezzjoni fil-Librerija tal-qxur bil-griż tinkludi kotba li se joħorġu fil-ġejjieni, u fil-fatt uħud minnhom diġà inklużi fil-kalendarju għall-2024. Dawn nistgħu nibdew induruhom qabel ma joħorġu.

Avventura | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja