Sejħa lil awturi u pubblikaturi
Għalkemm dan il-proġett jiffoka fuq xogħlijiet klassiċi internazzjonali li huma ta' dominju pubbliku, ma jistax jonqos li jħeġġeġ ukoll il-qari ta' kitba bil-Malti aktar moderna, minn awturi lokali.
Għaldaqstant, Kotba fil-But jistieden lill-awturi u l-pubblikaturi lokali jikkontribwixxu siltiet biex jiżdiedu fil-Librerija tas-sit.
Bħala awtur, tista' toffri silta qasira jew kapitlu ta' xogħol ippubblikat. B'dan il-mod, qarrejja tas-sit ikollhom l-opportunità jibdew jaqraw ix-xogħol bit-tama li jitħajru jfittxuh fil-libreriji jew jixtruh.
Ix-xogħol jista' jkun kemm proża kif ukoll poeżija, immirat għall-etajiet tal-aħħar sena tal-iskola Primarja u l-ewwel snin tal-iskola Sekondarja (bejn l-għaxar u l-erbatax-il sena). Is-silta tista' tkun minn xogħol diġà stabbilit li kien ħareġ żmien ilu, wieħed li ħareġ reċentement jew ġie ppubblikat mill-ġdid, kif ukoll xi xogħol li se joħroġ dalwaqt.
Bħala pubblikatur, tista' tippromwovi sensiliet sħaħ ta' kotba li ħarġu jew li se joħorġu dalwaqt.
Kif wieħed jista' jara mill-materjal tas-sit, il-kotba huma ppreżentati l-ewwelnett bħala test biss, biex iderru lit-tfal jaqraw testi twal mingħajr illustrazzjonijiet. Madankollu, bosta mill-kotba għandhom ħoloq għal stampi li wieħed ikun jista' jara għalihom. Il-kontribuzzjonijiet tagħkom mhux bilfors ikunu test biss, u jekk tixtiequ tippromwovu pubblikazzjoni fejn il-kelma u l-istampa jaħdmu flimkien dawn nistgħu ninkluduhom ukoll b'mod kemm kemm differenti.
Mas-silta se tidher ukoll ħolqa għas-sit elettroniku minn fejn il-qarrejja jkunu jistgħu jiksbu x-xogħol sħiħ.
Tista' tara eżempju ta' kif is-siltiet ikunu ppreżentati fuq is-sit billi tara s-sezzjoni Agħti daqqa t'għajn fil-Librerija.
Għaldaqstant, jekk inti interessat/a tagħti kontribuzzjoni, imla l-formola hawn isfel.
Il-kontribuzzjoni tiegħek tkun apprezzata tassew u se tgħin biex l-interess fil-qari bil-Malti jinxtered u jissaħħaħ aktar.