
Kitba ta’ Ġorġ Mallia
Madwar 1,200 kelma
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers (2021)
***** ***** ***** ***** *****
0.
Kien hemm mijiet minnhom, jekk mhux eluf, u kull wieħed kien mimli aljeni u biżżejjed bombi biex jeqirdu d-dinja aktar minn darba.
Il-flotta qorbot dejjem aktar lejja. U taru bla formazzjoni … bl-addoċċ. Immaġinajt ħsejjes ta’ ħafna ajruplani jtiru f’daqqa, imma fl-ispazju ma kienx hemm ħoss. Taru fis-skiet, iżiġġu minn naħa għal oħra, donnhom żnażan imnaffra, lesti biex jattakkaw l-għadu b’qilla kbira. Lesti għall-qerda.
U jien kont waħdi.
Ħassejtni qed negħleb, u għamilt minn kollox biex niddritta. Kelli ġettijiet ta’ arja kkompressata mwaħħla mal-apparat tal-ossiġnu, u permezz tagħhom stajt inżomm wieqaf. Jekk inħossni qed inxaqleb lejn ix-xellug, ngħidu aħna, nispara l-ġett tax-xellug għal mument, u niddritta. Imma
fl-ispazju, diffiċli immens tibqa’ post wieħed. Ma kelli l-ebda kontroll fuq id-direzzjoni ta’ ġismi.
U issa kienu kważi waslu fuqi. Stajt nara t-twieqi tondi, jixegħlu bi dwal strambi jiddu minn bozoz li min jaf f’liema galassja pproduċewhom.
Minn fejn kont, ma stajtx nara x’tip ta’ magni kellhom. Ma kien hemm l-ebda ħjiel ta’ exhaust, voldieri ma kienu qed jaħarqu l-ebda tip ta’ fuel. Immaġinajt li kienu jisiltu l-enerġija mir-radjazzjoni li hemm fl-ispazju … ngħidu aħna r-raġġi kosmiċi li nħolqu mis-supernova ta’ min jaf kemm-il stilla biljuni ta’ snin ilu. Iva, bilfors li xi ħaġa hekk.
U jien biss kien hemm bejnhom u bejn id-dinja tagħna. Dinja li ma kellhiex ħjiel x’kien qed jiġri fis-smewwiet fuq rasha. Jien biss, u l-arma li kelli f’idi, kontra mijiet li kienu se jattakkawni bl-aktar mod selvaġġ possibbli.
Kif kien se jirnexxili nwaqqafhom? Ma kelli l-ebda pjan sod. Kont naf biss li l-mument li kienu qrib biżżejjed biex ir-raġġi tal-arma tiegħi jilħquhom, nibda ntajjarhom mis-smewwiet wieħed wieħed … kif kont għamilt kemm-il darba fil-video games. Imma did-darba ma kinitx logħba. Did-darba kienet ħajja jew mewt.
U mewt mhux għalija biss, imma għad-dinja kollha.
Issa. Wasal il-mument. Issa. L-ewwel mill-attakkanti kien pass ’il bogħod minni.
Għollejt l-arma li kelli f’idi x-xellugija. Poġġejt idi l-leminija fuqha, biex nissodaha … biex inwaqqaf ir-rogħda kbira li kelli minn rasi sa saqajja.
U bil-mod il-mod ħadt il-mira …
***** ***** **^** ***** *****
1.
Jien nemmen fl-ispaceships!
Nemmen li għad, xi darba, jinżlu mis-smewwiet għalina. Ma nafx min għad joħroġ minnhom. Fl-antik kienu jgħidu li l-aljeni huma rġiel żgħar ħodor b’widnejn ippuntati, iġorru revolvers tal-laser u jiġu hawn biex jinvaduna.
Ma nafx. Ma naħsibx jien. Ma tantx għandhom x’jambuha d-dinja tagħna. Ma tantx qiegħda f’kundizzjoni tajba, ngħiduha kif inhi. Naħseb li dawk l-aljeni ħodor kienu biss ħlejjaq li ħarġu mill-immaġinazzjoni tal-kittieba ta’ stejjer li jien tant inħobb.
L-hena tiegħi l-kotba tal-fantaxjenza. Mindu bdejt is-sekondarja u l-għalliem tal-Ingliż issuġġerielna ktieb li l-istorja tiegħu ġrat fl-ispazju, fil-futur … tani għalihom. Qatt ma kont inħobb naqra wisq. Insomma, xi wieħed ’l hawn u ’l hemm meta kont fil-primarja. Imma naħseb li għax qatt ma sibt kotba jogħġbuni. Dawn tal-fantaxjenza bħal ħatfuni u issa ma nistax nitlaqhom.
Mhux għax tajjeb ħafna fl-Ingliż, lanqas. Jien is-suġġett tiegħi l-matematika. Fih biss immur tajjeb ħafna. Fl-oħrajn kemm inġaħġaħ. Ngħaddi imma ma nibbrillax.
Nammetti magħkom ngħir ftit għal dawk it-tfal sħabi li għalihom l-istudju qisu mhu xejn u jkaxkru l-“A” kollha. Meta kont fil-primarja dik Katrin li kienet toqgħod ħdejna, ngħidu aħna. Dejjem taqra, iva. Imneħirha dejjem imdeffes f’xi ktieb, imma rari jkunu kotba tal-iskola. Safrattant, hi dejjem l-ewwel. Telgħet miegħi s-sekondarja, imma ommha u missierha ħtiġilhom imorru l-Awstralja għax kien hemm zija ma tiflaħx sew, u ġabu permess u ħaduha magħhom. Ilni xahar ma naraha.
Imma flokha hemm oħrajn dejjem fuq nett fil-klassi.
U jien? Jien fin-nofs. La ’l fuq iżżejjed u lanqas ’l isfel wisq. Ngħaddi kemm nimxi ’l quddiem, imma mhux tajjeb biżżejjed biex l-għalliema jiftakruni mill-ewwel.
“Pawlu kwiet,” kienet il-kantaliena tal-għalliema meta ommi tmur tkellimhom f’Jum il-Ġenituri. “M’għandna xejn minnu. Kellu bżonn, iżda, jistudja ftit ieħor ħa jkun aktar minn tal-ewwel.” U dan wara li jkun fittex fir-reġistru biex jipprova jiftakar min jien. Immorru d-dar u ommi tagħmilli l-prietka ta’ kull sena. Li mingħajr studju ma nasal imkien. Li jkolli naħdem il-ġebel bħal missieri. Li nbati u nispiċċa bla saħħa meta nkun għadni żagħżugħ.
Din smajtha kemm-il darba, imma l-istudju mhux faċli għalija. Ara l-qari tal-kotba tal-fantaxjenza. Dak gost! Dak jeħodni ’l bogħod mid-dar tagħna, mir-raħal ċkejken imma mimli daqs bajda bi djar u blokkijiet ta’ flettijiet. Dak iwassalni f’dinjiet ġodda, mimlija meravilji u ħlejjaq tal-ħolm.
Ħolm. Iva ta’ spiss noħlom li qed tattakkani flotta kbira ta’ spaceships, u jien waħdi b’arma tar-raġġi, inkun irrid inwaqqafhom milli jieħdu d-dinja. Ħlomtha xi tliet darbiet dan l-aħħar xahar. U dejjem inqum hekk kif inkun se nisparalhom.
Ħrabt. Aħfruli. Jien moħħi jiġri. Daqqa ’l hawn u daqqa ’l hemm. Rari jżomm fuq ħaġa waħda. U m’għandix sabar. Noqmos. Tgħidlix naqralek għal aktar minn siegħa. Jogħġobni kemm jogħġobni li nkun qed naqra, arani se nqum nippassiġġa. Jew noħroġ nagħti daqqtejn ta’ sieq lill-ballun.
Hekk ilbieraħ. Kont waħdi d-dar. Ommi u missieri kienu marru għand in-nanna, għax ma tantx kienet tiflaħ. Kienu se jiġu lura tard billejl. Kelli homework aktar milli flaħt għalih. Lestejt is-somom, għax dawk faċli, imma meta ġejt għat-Taljan weħilt u wara ftit ma flaħtx aktar.
Ħriġt mid-dar u ġbidtha lejn il-wied li hemm f’tarf ir-raħal. Parti minnu qed jibnuh, imma xorta għad hemm roqgħa sew miftuħa n-naħa ta’ fuq u ta’ spiss immur hemm nilgħab logħba futbol. Meta jinzertaw ikunu hemm sħabi, m’għandniex xi ngħidu.
Illum ma kien hemm ħadd. Imma kelli ħafna enerġija x’naħli. Dak il-homework kien qeridni, u lgħabt waħdi, nixxuttja u nħabbat il-ballun ma’ biċċa ħajt nofsu mwaqqa’ li darba kien iberfel għalqa.
Mument minnhom id-daqqa ta’ sieq ħarġet żbrixx u l-ballun għaqad kemm felaħ la ġenba, qabeż minn tarf il-ħajt u sparixxa f’roqgħa siġar. Kien ballun tajjeb, rigal tal-Milied taz-ziju Ġann, u ma ridtx nitilfu. Ġrejt warajh nipprova nsibu, imma naħseb li qabad niżla għax ma stajt narah imkien.
Hekk kif għaddejt minn qalb is-siġar, sibt ruħi f’fetħa li fiha kien hemm razzett qadim ta’ żewġ sulari. Il-knatan kienu griżi mis-snin u kellu ħafna ħaxix ħażin imdawwar miegħu. Kellu bieb kbir miżbugħ aħdar ħafna snin ilu, għax issa ż-żebgħa kienet kollha mqaxxra. Mal-bieb kien hemm żewġ ħabbatiet kbar, maħmuġin, tal-metall … x’aktarx tal-bronż, għax kienu jixbhu lil dawk li kellha z-zija Karm. Kien hemm ammont ta’ twieqi ta’ daqsijiet differenti, imma kollha kellhom persjani maħmuġin. Kien jagħti x-xeħta ta’ razzett antik abbandunat, imma kien hemm id-dawl ħiereġ minn xi twieqi fit-tieni sular.
Dal-bini kont nafu. Hawn fejn kien joqgħod il-misterjuż Professur Għasfur li r-raħal kollu kien jitkellem fuqu imma li ftit kienu jafuh. Għandu jkun Katrin u niesha kienu ta’ ġewwa, għax ommha kienet qalet lill-ġara li spiss kienu jmorru għandu. Ħaġa li jien sibtha stramba għax, ngħid jien, dawk x’seta’ kellhom x’jaqsmu miegħu?
Sibt il-ballun maqbud f’xitla ħdejn il-bieb ta’ barra. Ġbartu u kont se ndur biex immur lura d-dar, meta xi ħaġa waqqfitni. Ħoss. Qisu karozza rrejżjata. Bħall-ħoss li tagħmel il-karozza ta’ Toni l-Qżież li kien joqgħod ftit bibien ’l isfel, imma li kien iġennen triq bl-istorbju li kienet tagħmel l-Escort Mark 1 li kellu u li kien rama u rfina.
Imma dal-ħoss kien aktar fin minn hekk. Kważi jgħanni. Qisu l-ħoss ta’ ajruplan xħin jixgħel il-magni. U kien qed jiżdied.
Ħarist ’il fuq. Id-dawl fit-twieqi tat-tieni sular kien tqawwa ħafna. Fil-fatt il-ħġieġ ta’ kull waħda kien mifqugħ b’dawl abjad li kien qed jixgħel il-wied, avolja x-xemx kienet għadha ma niżlitx.
Imbagħad rajtu. Kien ċatt. Tond … imma kien ħafna aktar minn hekk. Għal xi raġuni d-dettalji ħarbuli issa, għax il-qatgħa li ħadt dak il-ħin nessietni kollox.
’Il fuq mill-bejt tar-razzett tal-Professur Għasfur kien hemm vettura, bi dwal qawwija jixegħlu taħtha. U naħlef fuq li naħlef li naf x’kienet.
Dik il-vettura kienet spaceship!
***** ***** **^** ***** *****
Kif tagħmel biex tkompli taqra din l-istorja
Din is-silta hija mill-ktieb Il-Professur Għasfur fl-Ispazju it-tieni wieħed minn sensiela ta' tlieta miktubin minn Ġorġ Mallia u ppubblikat mill-Merlin Publishers. Sib il-ktieb fil-librerija tal-iskola jew dik pubblika, biex tispiċċa l-istorja. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il-ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.
|