L-Istorja l-vera ta' Pokaħontas

Adattata għall-Malti minn Norman C. Borg
© Norman C. Borg
(madwar 2,900 kelma)
1 | 2 | 3 | 4 | 5

***** ***** ***** ***** *****
Kelmtejn qabel

Il-karattru ta’ Pokaħontas huwa minqux fil-leġġendi u l-folklor Amerikani: tfajla Indjana li qabżet għal raġel Ingliż meta l-poplu tagħha ried joqtlu. Maż-żmien il-ġrajja bdiet tiżżewwaq b’ħafna dettalji vvintati sakemm fi żminijietna saret kważi storja romantika. Il-film ta’ Walt Disney tal-1995 tista’ tgħid għen biex il-karattri tal-istorja saru popolari madwar id-dinja kollha. Iżda kemm hemm veru fl-istorja kif nafuha llum?

Il-prinċipessa Indjana Pokaħontas twieldet qrib il-belt ta’ Jamestown fl-1595. Nafu biha għaliex il-Kaptan John Smith kiteb ħafna mill-episodji ta’ din l-istorja fil-kotba tiegħu, għalkemm xi studjużi jaħsbu li dawn kienu ftit eżaġerati.

John Smith u l-kolonisti ta’ Jamestown riedu jżommu relazzjonijiet paċifiċi ma’ missier Pokaħontas, il-Kap tal-poplu Powħatan. L-isem l-ieħor tal-Kap Powħatan kien il-Kap Waħunsonakok. Ir-Re Ġakbu l-Ewwel tal-Ingilterra bagħat ħafna rigali lill-kap. Fosthom, John Smith tah kuruna sabiħa u pproklamah (tah it-titlu ta’) Re tal-Imperu Powħatan. Madankollu, li ma kienx jaf Waħunsonakok kien li l-Imperu Powħatan xorta waħda kien taħt il ħakma tar-Re Ġakbu!

***** ***** **^** ***** *****

1: Ix-xini bil-qlugħ

Mejju kien xahar sabiħ fl-art tal-Indjani Algonkwijan. Kien hemm siġar twal u fjuri ta’ kull lewn kull fejn tħares. Is-sema u l-baħar kienu kaħlana. Pokaħontas kienet it-tifla ta’ Powħatan, li kien wieħed mill-aqwa kapijiet tat-tribù Algonkwijan. Għalkemm isimha proprja kien Matowaka, missierha kien iħobb isejħilha Pokaħontas, li kienet tfisser “it-tifla l-favorita tieġħi”. Dak iż-żmien, Pokaħontas kellha ħdax-il sena. Kienet tfajla sabiħa b’xagħar iswed u għajnejn skuri.

Bħal kull tifla u tifel ieħor ta’ dik l-età, Pokaħontas ftit li xejn kellha ħsibijiet, għalkemm kienet tagħmel xogħolha bir-reqqa fil-villaġġ. Pokaħontas kienet dejjem ferrieħa, u meta ma kienx ikollha xogħol x’tagħmel għat-tribù, kienet tħobb tiġġerra fil-foresta, fl-għelieqi u qalb l-għoljiet ta’ madwar ir-raħal.

Fis-6 ta’ Mejju, 1607, Pokaħontas kienet qed tiġġerra fuq l-għoljiet meta isfel fil-bajja lemħet ħaġa stramba fuq wiċċ l-ilma. Kienet ħaġa li qatt ma kienet rat qabel.

Għalkemm dak il-waqt ma kinitx taf, kienet qegħda tħares lejn xini li kien għadu kemm jasal mill-Ewropa. Għaliha kienet dehra tal-għaġeb. Setgħet tifhem li kienet speċi ta’ dgħajsa, imma qatt ma kienet rat dgħajsa kbira daqshekk, bi qlugħ bojod u bnadar ta’ kull lewn, u b’ħafna nies strambi fuqha! Baqgħet tħares mistagħġba lejn dak l-oġġett għal żmien twil. Minn fejn kienu ġew dawk in-nies? Għalfejn kienu hemm? Mimlija eċċitament, Pokaħontas ġriet lejn ir-raħal biex tgħid lil missierha u lil ħuha dwar dak li rat.

Powħatan kien ħiereġ mil-longhouse tiegħu meta waslet Pokaħontas u bdiet tirrakkonta dak li rat. Għalkemm Pokaħontas sabitha ftit diffiċli biex tispjega xi ħaġa li qatt ma kienet rat qabel, missierha malajr fehem fuq xiex kienet qegħda titkellem, u ma ħax ħafna pjaċir. “Din hija aħbar ħażina għan-nies tagħna,” lissen imħasseb. “M’hemmx paċi mal-irġiel bojod.” Pokaħontas ratu wiċċu ħosbien, imma ma setgħetx tifhem għaliex.

Nantakwas, ħu Pokaħontas ta’ tmintax-il sena, dar lejn oħtu u spjegalha, “Fl-imgħoddi n-nies bojod qatlu ħafna mill-poplu tagħna. Dawk ġew hawn biex jieħdu artna.”

Nantakwas kien wieħed mill-ġellieda tat-tribù. Talab lil missieru biex imur u jara x’kienu qegħdin jagħmlu n-nies il-bojod fil-bajja. Pokaħontas talbitu biex joħodha miegħu.

“Tistgħu tmorru tarawhom, imma tmorrux viċin ix-xini. Ibqgħu ’il bogħod! Oqogħdu attenti!” wissiehom Powħatan. “Ftakru, dawk jistgħu jkunu perikolużi.”

Ir-raħal kien viċin ix-xmara li kienet tagħti għall-baħar, għalhekk Nantakwas u Pokaħontas irħewlha lejn ix-xmara fejn kien hemm il-kenuri tat-tribù. Kien hemm ħafna kenuri ħdejn ix-xmara. Rikbu waħda u niżlu jaqdfu tul ix-xmara lejn il-bajja. Waqqfu l-kenura malli waslu l-baħar, imma baqgħu fiha.

Ix-xini l-kbir kien għadu fil-bajja, u xi nies bojod kienu niżlu l-art. Dawn, flimkien mal-baħħara l-oħra li kienu għadhom fuq ix-xini, rawhom, u waqfu minn xogħolhom, iħarsu lejhom. Pokaħontas lemħet raġel twil fuq ix-xini li tbissmilhom. Hi tbissmitlu lura.

“Ejja mmorru fuq ix-xini,” qalet li ħuha.

“Le,” qal Nantakwas fil-pront. “Huwa perikoluż. Ma nafux min huma dawn l-irġiel bojod. Nistgħu nħarsu xi ftit, naraw x’qed jagħmlu, u mbagħad immorru d-dar. Irridu nobdu lil missierna.”

Ir-raġel abjad fuq il-vapur reġa’ tbissem. “Ħares ftit, Nantakwas,” qalet Pokaħontas, “dak ir-raġel għandu xagħru aħmar! Qed jitbissem lejna. Ħares ftit lejn ħwejġu! Kemm huma strambi.”

Nantakwas dawwar il-kenura u qadfu lura tul ix-xmara. Malli waslu r-raħal, spjega lil missieru x’kienu raw, u li l-irġiel bojod kienu niżlu l-art. Għal żmien twil, Powħatan ingħalaq fil-longhouse max-xamani u l-kbarat l-oħra tat-tribù biex jiddiskutu x’jagħmlu. Wieħed mill-kbarat l-oħra kien qiegħed jgħid, “L-irġiel bojod dejjem ġabulna l-problemi.”

Ieħor lissen, “Għandhom maġija qawwija. Jistgħu joqtlu ħafna min-nies tagħna b’dawk il-qasab tar-ragħad li għandhom.”

Xaman ieħor kompla, “Dawk iridu jieħdu artna, il-lagi tagħna, ix-xmajjar tagħna u l-foresti tagħna.”

Powħatan dam qatigħ jaħseb x’jgħid. Fl-aħħar qatagħha x’jagħmel. “Nistgħu inħalluhom jibqgħu għal żmien qasir iżda mhux għal ħafna. Ejja niltaqgħu magħhom, u naraw x’biħsiebhom jagħmlu.”

***** ***** **^** ***** *****

2: Pokaħontas tiltaqa’ ma’ John Smith

Bħal ħafna esploraturi u kolonisti oħra minn madwar l-Ewropa, l-Ingliżi li Pokaħontas u ħuha osservaw mill-bogħod bdew jagħtu ismijiet lill-postijiet ‘ġodda’ li kienu qegħdin isibu. Fil-fatt, dawn il-postijiet kienu ġodda għalihom, għax qatt ma kienu żaruhom qabel. Għalkemm diġà kien hemm nies li kienu jgħixu f’dak il-post, bħall-poplu ta’ Pokaħontas, l-Ewropej riedu jagħtu l-ismijiet tagħhom lil dawn il-postijiet. Il-Kaptan John Smith u l-irġiel tiegħu semmew il-post fejn kienu ankraw ix-xini il-Bajja ta’ Chesapeake. Riedu jwaqqfu kolonja żgħira hemmhekk. Ix-xmara l-kbira li minnha kienu niżlu Pokaħontas u ħuha semmewha x-Xmara James, għar-Re Ġakbu I tal-Ingilterra. Fit-13 ta’ Mejju, 1607, waqqfu kolonja u semmewha Jamestown. Minnufih bdew jibnu djar, imħażen u knisja. Dik is-sena kien hemm madwar mitt raġel fil-kolonja.

Meta l-Ewropej skoprew l-Amerika, bdew isejħulha d-‘Dinja l-Ġdida’, u ħafna nies telqu pajjiżhom biex jesplorawha u jsibu postijiet ġodda fejn jazzettaw u jibdew ħajja ġdida. Dan kien l-iskop ta’ Smith u sħabu. Ħafna minnhom kienu sinjuri Ingliżi, li ġew fid-Dinja l-Ġdida bit-tama li jsibu deheb u teżori oħra ħalli jsiru aktar sinjuri. Madankollu, din ma kinitx ħaġa sempliċi, u l-Kaptan Smith kien jaf li kellhom bżonn jaħdmu sod biex iwaqqfu l-kolonja, billi jaħdmu l-art biex ikollhom x’jieklu u jmiddu jdejhom biex jibnu d-djar. Imma ħafna min-nies li kienu miegħu ma ridux ikunu bdiewa.

Smith mall-ewwel kellu l-problemi b’dawn in-nies. “Hemm bżonn inħawlu l-uċuħ tar-raba’. Għandna bżonn immorru fil-foresti u nikkaċċjaw, nistadu fix-xmajjar għall-ħut. Naqtgħu is-siġar biex nibnu d-djar. Dan huwa kollu xogħol li hemm bżonn isir jekk irridu ngħixu hawn.” Minkejja l-pariri tal-Kaptan, ħafna minnhom ma ridux jaħdmu.

Wieħed mill-ewwel bżonnijiet li kellhom kien l-ikel. Dak li kienu ġabu magħhom fuq ix-xini ma kienx se jdum iservihom wisq, għalhekk kien hemm bżonn imorru fil-foresti għall-kaċċa.

Darba minnhom il-Kaptan Smith u l-irġiel tiegħu marru fil-foresta biex ifittxu l-ikel. Wara mixja kemxejn twila ltaqgħu ma’ grupp kbir ta’ Indjani li attakkawhom bil-qwies u l-vleġeġ. Waqt it-taqtigħa miet wieħed mill-Ewropej u żewġ Indjani. l-Indjani qabdu lil John Smith u ħaduh priġunier fir-raħal tagħhom.

Wara mixja twila, ħaduh quddiem il-Kap Powħatan u t-tribù tiegħu. Kulħadd kien sieket. Pokaħontas kienet ħdejn missierha. Issa li setgħet tara lil John Smith aktar mill-qrib stagħġbet kemm kien differenti minn niesha: it-tul tiegħu, ix-xagħar aħmar, l-għajnejn koħol u l-ġilda bajda.

John Smith ipprova jitkellem mal-Indjani bil-lingwa tas-sinjali u ftit kliem Indjan li kien jaf. “Kap kbir, jien ħabib. Jien u n-nies tiegħi nixtiequ ngħixu magħkom fil-paċi.”

Madankollu, mill-ħarsa li tawh Powħatan u l-kbarat l-oħra, Smith fehem li ma kinux qed jafdawh. Ra kif jagħmel biex iqanqal l-interess u l-kurżità tagħhom.

Smith ħareġ boxxla minn butu u offrieha lill-kap il-kbir. Powħatan ħares lejha u beda jdawwarha f’idu. Ma setax jifhem kif, idawwarha kemm idawwarha, il-labra baqgħet dejjem tipponta fl-istess direzzjoni! Ipprova jmiss il-labra iżda biċċa speċi ta’ silġ kienet fuqha, u ma setax imiss il-labra b’idu! Barra minn hekk, il-biċċa silġ ma kinitx kiesħa, u ma kinitx qed iddub! Għal Powħatan din kienet speċi ta’ maġija. Qatt ma kien ra ħġieġa qabel!

Din il-maġija bellhet kemm lil Powħatan kif ukoll lill-kbarat ta’ madwaru. Lil Pokaħontas għoġbitha, iżda l-kbarat tar-raħal m’għoġbithomx. Bdew jissuspettaw li dawn in-nies bil-maġija kollha tagħhom setgħu jġibu l-inkwiet fir-raħal.

U ma kellhomx tort għal kollox. Waqt li Smith kien għadu miżmum priġunier fir-raħal, waslet l-aħbar li n-nies Ewropej kienu qatlu żewġ Indjani oħra. Dan qanqal rabja liema bħalha f’Powħatan u niesu, u issa qatgħuha li Smith kellu jmut.

Żewġ Indjani ħatfu lil Smith u kaxkruh mal-art quddiem Powħatan u n-nies kollha tar-raħal. Poġġew lil Smith b’rasu fuq ġebla kbira waqt li żammewlu jdejh wara dahru. Indjan ieħor ħataf ġebla kbira oħra u għollieha fuq Smith biex isabbathielu fuq rasu.

Kien f’dan il-waqt li Pokaħontas qabżet għal Smith. “Le, missier! Nitolbok la toqtlux. Mhuwiex raġel ħażin.”

“Qatel tnejn minn sħabna,” qabeż wieħed mill-Indjani li kien qed iżomm lil Smith. “Jixraqlu l-mewt!”

“Le!” tenniet Pokaħontas. F’daqqa waħda, it-tifla qabżet ’il quddiem u nxteħtet fuq Smith. L-Indjan li kien se jniżżel il-ġebla fuq ras l-Ingliż iffriża.

Pokaħontas żammet postha u ħarset ’il fuq lejn missierha, għajnejha mberrqin. “Nitolbok, missier! M’għandux imut!” lissnet mill-ġdid.

Powħatan baqa’ jħares lejn bintu, imbellah daqs in-nies l-oħra kollha madwaru.

Wara ftit sekondi ta’ ħsieb, għamel sinjal b’rasu biex l-Indjani jitilqu lil Smith.

Dakinhar kulħadd stagħġeb bil-kuraġġ ta’ Pokaħontas. Kienet salvat il-ħajja ta’ John Smith.

L-imġiba ta’ bintu kkonvinċiet lill-Kap Powħatan biex jitlaq lil Smith, li, qabel ma telaq lura Jamestown, wiegħed lill-poplu Indjan li jordna lil niesu ma jattakkawhomx aktar. Għaldaqstant, għal xi żmien wara, kien hemm il-paċi bejn l-Indjani Algonkwijan u l-kolonisti ta’ Jamestown.

F’dan iż-żmien il-kolonisti u l-Indjani ta’ spiss żaru lil xulxin, u l-ħbiberija bejn Smith u Pokaħontas kibret aktar. John Smith għallem l-Ingliż lil Pokaħontas, waqt li hi għallmitu jitkellem il-lingwa tal-poplu tagħha aħjar.

Smith taha ħafna rigali u spjegalha dwar Londra u l-bini enormi tagħha, dwar ir-Re Ġakbu u l-palazz tiegħu. Irrakkuntalha dwar kostumi Ewropej, il-moda tal-ilbies, speċjalment tan-nisa Ingliżi, kollu mżejjen bil-ġawhar u lwien differenti.

Pokaħontas xorbot dan it-tagħrif kollu, u bdiet toħlom li xi darba jkollha ċ-ċans tmur l-Ingilterra ħalli tara dawn l-għeġubijiet b’għajnejha.

***** ***** **^** ***** *****

3: Xitwa f’Jamestown

Is-sajf u l-ħarifa gerrbu malajr, u għalkemm John Smith baqa’ jsostni mal-kolonisti li kellhom bżonn jaħdmu iebes biex ikampaw f’dik l-art ħarxa, ħafna minnhom xorta baqgħu jitgħażżnu, sakemm malli waslet ix-xitwa, l-ikel kien naqsilhom sew, u wħud saħansitra bdew jimirdu bin-nuqqas ta’ ikel bnin.

L-Indjani raw dan, u Pokaħontas ikkonvinċiet lil missierha biex jgħinu lill-kolonisti billi jagħtuhom ikel minn tagħhom.

Sadanittant xwieni oħra kienu qed jaslu mill-Ewropa, u Powħatan kien qiegħed jinkwieta aktar. Bil-miġja ta’ aktar nies bojod, ma kienx qiegħed jara ġejjieni sabiħ għall-poplu tiegħu.

Jum wieħed, Powħatan sejjaħ lill-Kaptan Smith biex iżuru fir-raħal tal-Indjani.

“Ma nistgħux nibqgħu nagħtukom aktar ikel,” beda Powħatan, “għaliex qed jonqos lilna wkoll. Ma tistgħux tibqgħu f’din l-art. Hemm bżonn li titilqu minn hawn minnufih.”

“Għaliex għandna nitilqu?” staqsa Smith fil-pront.

Damu fit-tul jiddiskutu s-sitwazzjoni, u kien ċar li ma kinux se jilħqu ftehim kif ġieb u laħaq.

Sa nofsillejl kienu għadhom qed jiddiskutu. Billi kien tard, Powħatan stieden lil Smith jorqod fir-raħal ħalli jkomplu d-diskussjoni l-għada filgħodu.

“Tista’ torqod fil-kabina ż-żgħira ħdejn ix-xmara,” qal Powħatan.

Il-Kaptan Smith aċċetta l-istedina, u mar jorqod fil-kabina ż-żgħira. Matul il-lejl, sema’ lil xi ħadd fejn il-bieb. Qam, fetaħ il-bieb u sab lil Pokaħontas, b’ħarsa urġenti fuq wiċċha.

“Kaptan, ħajtek tinsab fil-periklu!” lissnet Pokaħontas fil-pront. “Missieri u x-xamani jridu joqtluk illejla! Ma jridux li n-nies bojod jibqgħu hawn. Hemm bżonn taħrab minnufih!”

Mingħajr aktar kliem, John Smith telaq kollox warajh u rħielha jiġri lejn Jamestown fid-dalma tal-lejl. Pokaħontas kienet salvatu għat-tieni darba!

Lura f’Jamestown tkellem mal-kolonisti u ppreparaw għal xi attakk mill-Indjani. Madankollu, dan ma seħħx. Ftit żmien wara, Smith korra f’inċident meta xi porvli fuq dgħajsa sploda. Minħabba dan, kellu jitlaq lura lejn Londra.

Billi Pokaħontas u niesha ma semgħux aktar dwaru, ħasbu li kien miet fl-inċident.

***** ***** **^** ***** *****

4: Il-Kap Powħatan jibda l-gwerra

Għaddew is-snin, u aktar u aktar kolonisti waslu mill-Ewropa, tant li issa Jamestown kienet biss belt żgħira f’kolonja akbar li semmewha Virġinja.

F’dawn is-snin kemm-il darba kien hemm episodji ta’ inkwiet bejn il-kolonisti u l-Indjani, għalkemm Powħatan baqa’ lura milli jibda gwerra sħiħa. Madankollu, meta Pokaħontas kellha sbatax-il sena, Powħatan ħass li kellu bilfors jagħmel xi ħaġa biex jipproteġi l-interessi tal-poplu tiegħu, u beda gwerra sħiħa kontra l-kolonisti.

Biex ikun ċert li bintu ma tkunx fil-periklu, bagħatha tgħix mat-tribù Potomak. L-Indjani Potomak kienu ħbieb mal-kolonisti u ma kinux fi gwerra magħhom, għalhekk Powħatan kien qed jittama li l-kolonisti ma jattakkawx lill-Potomak u hemmhekk Pokaħontas tkun ħielsa minn kull għawġ. Qabel ma ħallieha tmur, Powħatan avżaha li ma kellhiex tmur aktar f’Jamestown minħabba l-gwerra.

Pokaħontas għoġbitha l-ħajja mal-Potomak. Ġapażaws kien il-kap tat-tribù, u hu u martu dlonk saru ħbieb ta’ Pokaħontas. Madankollu Pokaħontas ma kinitx taf li kienu wkoll ħbieb ta’ ċertu Kaptan Samuel Argall, esploratur Ingliż li kien jgħix f’Jamestown.

Darba minnhom il-Kaptan Argall mar iżur lill-Kap Ġapażaws. Stiednu mal-familja tiegħu – u ma’ Pokaħontas – għal ikla fuq x-xini tiegħu.

Għal Pokaħontas, kif ukoll għall-familja ta’ Ġapażaws, kienet esperjenza sabiħa li jitilgħu abbord ix-xini. Il-kaptan Argall dawwarhom madwar ix-xini kollu, u l-Indjani stagħġbu b’dak kollu li raw. L-ikel li offrielhom il-Kaptan kien tajjeb ħafna wkoll.

Ma’ nżul ix-xemx il-Kap Ġapażaws u martu ħallew il-vapur f’kenura. Iżda Pokaħontas ma telqitx magħhom, għax kienet il-priġuniera tal-Kaptan Argall! Kien tqarraq biha!

Argall kien ħallieha timraħ madwar ix-xini, u bdiet tammira l-affarijiet strambi li kellu. F’ħin minnhom lemħet il-kenura titbiegħed mix-xini, u sejra lejn ix-xatt. Fuqha kien hemm sħabha, li kienu telqu mingħajrha. Il-mara tal-Kap Ġapażaws kellha f’idejha kitla ġdida tar-ram u basket mimli żibeġ ikkuluriti.

Minnufih Pokaħontas intebħet li l-Kap Ġapażaws u martu kienu biegħuha għall-kitla tar-ram u ż-żibeġ ikkuluriti! Kien hawn li Pokaħontas tgħallmet li ma kellha l-ebda ħbieb veri.

“X’qed jiġri? Għaliex jien priġuniera?” staqsiet lill-Kaptan.

Il-Kaptan weġibha, “Pokaħontas, ma nixtieqlek l-ebda deni, imma n-nies ta’ missierek serqulna ħafna armi u qed iżommu ħafna minn niesna priġunieri. Meta missierek jagħtina l-armi lura u jeħles lill-priġunieri, neħisluk. Missierek iħobbok, u jiena ċert li jagħtina l-armi biex jeħilsek.” Il-Kaptan Argall ħadha lura miegħu Jamestown.

Għalkemm kienet priġuniera, Pokaħontas kienet qattgħet ħafna żmien f’Jamestown, u għaldaqstant ma ħassithiex fil-periklu hemmhekk.

Fil-fatt, sakemm baqgħet f’Jamestown, in-nies ġabu ruħhom sew magħha. Ħafna minnhom kienu jafuha sew, u setgħu jiftakru kif kienet salvat il-ħajja ta’ John Smith darbtejn. Ftakru wkoll kemm kienet ħabirket biex iġġibilhom l-ikel meta kien hemm l-għaks fil-kolonja.

Powħatan bagħtilhom lill-priġunieri lura, imma l-ftit armi li bagħtilhom magħhom kienu mkissrin. Il-gwerra kompliet.

Sadattant, sakemm Pokaħontas damet hemm, in-nisa tal-kolonja tawha ħwejjeġ Ingliżi x’tilbes. Tgħallmet l-imġiba u l-manjieri tat-tfajliet Ewropej. Għamlet ħafna ħbieb. Ftit żmien wara, ikkonvertiet ukoll għar-reliġjon Nisranija, u ħadet l-isem Nisrani ta’ Rebecca.

Il-Kaptan Argall kien diżappuntat għaliex il-pjan tiegħu ma kienx irnexxa kif xtaq, u għalkemm Pokaħontas tgħallmet ħafna affarijiet sakemm baqgħet hemm, kienet għadha priġuniera, u ma kinitx kuntenta għal kollox.

***** ***** **^** ***** *****

5: Pokaħontas tiżżewweġ

Pokaħontas qattgħet sena f’Jamestown meta ltaqgħet ma’ John Rolfe. Rolfe kien bidwi żgħir tat-tabakk u kien ġentili ħafna magħha. Dlonk saru jħobbu lil xulxin u kienu kuntenti ħafna flimkien. Rolfe talab lil Pokaħontas tiżżewġu, imma qabel ma taċċetta, Pokaħontas riedet tkellem lil missierha.

Pokaħontas u Rolfe marru jżuru lil missierha fir-raħal tagħha. Powħatan kien kuntent li reġa’ ra lil bintu. Spjegatlu li xtaqet tiżżewweġ lil John Rolfe, u li kienet biħsiebha tibqa’ tgħix f’Jamestown.

B’qalbu maqsuma, Powħatan aċċetta dan, u ħalla lil bintu u lill-maħbub tagħha jmorru lura Jamestown qawwijin u sħaħ.

F’April tal-1614, Pokaħontas iżżewġet lil John Rolfe fil-Knisja Anglikana. Kienet l-ewwel Indjana Amerikana li żżewġet raġel abjad. Pokaħontas libset libsa bajda sabiħa, u kellha ħafna fjuri f’xagħarha. In-nies kollha f’Jamestown iċċelebraw iż-żwieġ. Kien hemm festi kbar bil-mużika u ż-żfin. Nantakwas u ħafna Indjani oħra kienu mistednin għall-festa wkoll.

Grazzi għaż-żwieġ ta’ Pokaħontas, il-gwerra waqfet għall-ftit, u beda perijodu ta’ tmien snin li beda jissejjaħ il-Paċi ta’ Pokaħontas. F’dan iż-żmien il-kolonja ta’ Virġinja kompliet tikber.

Ftit wara ż-żwieġ, Pokaħontas u John marru Londra. Pokaħontas kienet fl-aħħar qatgħet xewqitha. L-aħbar li kienet fi treqitha lejn l-Ewropa waslet qabilha, u f’Londra kulħadd ried jiltaqa’ magħha. Iltaqgħet mal-aktar nies importanti ta’ Londra, u saħansitra mar-Re Karlu l-Ewwel tal-Ingilterra (it-tifel ta’ Ġakbu l-Ewwel). Il-prinċipessa Indjana – għaliex hekk bdew isejħulha – kienet popolari ħafna.

B’sorpriża kbira għal Pokaħontas, iltaqgħet ukoll ma’ John Smith, li kienet ħasbet li kien miet. Qattgħu ħafna żmien flimkien jitkellmu u jiftakru dwar iż-żmien tagħhom f’Jamestown.

Pokaħontas u John Rolfe kellhom tifel li semmewh Thomas. Madankollu, ftit wara li twieled it-tifel, Pokaħontas mardet serjament bil-ġidri. Qabel ma kellha ċans tmur lura f’pajjiżha, mietet l-Ingilterra fl-1617, fl-età ta’ 21 sena. Minħabba l-popolarità tagħha ħafna nies l-Ingilterra bkewha.

John Rolfe kellu qalbu maqsuma u ma felaħx jibqa’ l-Ingilterra. Mar lura Virġinja biex jerġa’ jaqbad il-kummerċ tat-tabakk. Sar bidwi ta’ suċċess u maż-żmien kellu pjantaġġun kbir tat-tabakk.

Ibnu Thomas baqa’ l-Ingilterra u rabbieh u edukah zijuh Henry Rolfe.

Meta kiber, Thomas telaq mill-Ingilterra u mar l-Amerika biex iżur l-art ta’ ommu. Iltaqa’ mat-tribù ta’ ommu, u sar iħobb id-Dinja l-Ġdida tant li qatagħha li jibqa’ jgħix hemmhekk.

Fl-1788 il-kolonja ta’ Virġinja saret stat tal-Istati Uniti. Illum il-ġurnata għad hemm dixxendenti ta’ Thomas Rolfe, iben Pokaħontas, f’dak l-istat.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** **^** ***** *****

Noti

Indjana: Il-popli Amerikani kienu jissejħu hekk għaliex meta l-ewwel Ewropej niżlu fuq ix-xtut tal-Amerika għall-ewwel darba, ħasbu li kienu waslu fil-kontinent tal-Asja, li l-Indja kienet tagħmel parti minnu. Lill-popli li ltaqgħu magħhom bdew isejħulhom Indjani, u dan l-isem baqa’ għal ħafna żmien. Illum il-ġurnata, l-isem uffiċjali tagħhom huwa L-Ewwel Nazzjonijiet tal-Amerika, iżda fil-qosor insejħulhom ukoll l-Indjani tal-Amerika jew Amerindi. [Lura]

Kenura: Speċi ta’ dgħajsa żgħira dejqa u ppuntata fuq quddiem u fuq wara. Bl-Ingliż canoe. [Lura]

Kolonisti: Nies li kienu jitilqu pajjiżhom biex ifittxu artijiet ġodda u jibdew ħajja ġdida billi jibnu bliet hemm. Ngħidu li kienu jwaqqfu kolonja. Il-popli li kienu jgħixu f’dak il-post qabilhom xi drabi kienu jilqgħuhom, u xi drabi ma kinux jaċċettawhom, u kien iqum ħafna inkwiet. [Lura]

Longhouse: Tip ta’ djar ta’ xi tribujiet tal-ewwel nazzjonijiet tal-Amerika, u li kienu magħmulin minn zkuk tas-siġar marbutin flimkien. Jissejħu hekk għaliex kienu tawwalin. Dawn kienu differenti mit-tinda (tipì) li kienu jużaw tribujiet oħra tal-Amerika. [Lura]

Qasba tar-ragħad: Kif l-ewwel nazzjonijiet tal-Amerika kienu jsejħu l-ixkubetti li ġabu magħhom l-Ewropej. Kienu jsejħulhom hekk minħabba l-ħoss qawwi li kienu jagħmlu malli jisparaw. [Lura]

Xaman: Raġel spiritwali u importanti fit-tribujiet tal-ewwel nazzjonijiet tal-Amerika. Barra milli kien idewwi lill-morda jew lill-feriti, kien jagħti wkoll pariri lill-kap tal-poplu. [Lura]