L-Avventuri ta' Pinokkjo

Kitba ta’
Carlo Collodi (Taljan, 1826 – 1890)
Madwar 1,900 kelma
Adattament: Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-Provi: Therese Vella u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu

***** ***** ***** ***** *****

Din hija l-ġrajja stramba ta’ biċċa injama – li saret pupazz – li sar tifel ta’ veru!

Kollox beda meta Antonio l-mastrudaxxa qabad biċċa għuda li kienet mitluqa fir-rokna tal-ħanut tiegħu. Kienet biċċa għuda normali; ma kellha xejn speċjali. Imma kif Antonio għolla l-mannara biex jibda jqaxxrilha l-qoxra, sema’ leħen żgħir jgħid, “Jaħasra, tweġġagħnix ħafna!”

Antonio twerwer. Beda jħares madwar il-ħanut, imma ma kien hemm ħadd aktar barra minnu. Għalhekk ħares lejn l-għuda. “Le, le,” beda jaħseb. “Qed noħlom!” Għalhekk reġa’ għolla l-mannara u ta daqqa qawwija lill-għuda.

“Aħħ! Weġġajtni!” reġa’ qal dak il-leħen.

Issa Antonio tassew kien imwerwer, imma f’dak il-waqt daħal fil-ħanut il-ħabib tiegħu Ġeppetto. Ġeppetto ma kellux tfal, u xtaq jixtri biċċa għuda biex jagħmel pupazz li jkun jista’ jiżfen u jaqbeż u jiċċaqlaq bħal tifel normali.

Antonio malajr sab ix-xoqqa f’moxtha u tah dik il-biċċa għuda li kienet qed tbeżżgħu. Naturalment ma qallu xejn dwar il-leħen. Ġeppetto mar kuntent lura lejn daru, u bla telf ta’ żmien beda jaħdem fuq il-biċċa għuda biex jagħmel il-pupazz.

‘Insemmih Pinokkjo,’ qal bejnu u bejn ruħu. ‘Dak isem sabiħ.’

Beda billi għamel il-wiċċ tal-pupazz, u mill-ewwel beda bl-inkwiet – għax għajnejn il-pupazz bdew jiċċaqilqu bl-addoċċ u ħalqu beda jitbissimlu. U malli Ġeppetto spiċċa jagħmillu s-saqajn, il-pupazz tah daqqa ta’ sieq fuq imnieħru.

Imma Ġeppetto ma tax kas. Wara kollox kien xtaq pupazz li jiċċaqlaq; għalhekk kien kuntent bih. Beda jgħallmu kif jimxi, b’sieq wara l-oħra. Pinokkjo malajr tgħallem, tant li telaq jiġri mill-bieb ’il barra. Ġeppetto ttanta jiġri warajh, imma l-pupazz beda jiġri ħafna u ma setax jilħqu.

Pinokkjo beda jiġri ’l hawn u ’l hinn mingħajr ma jħares fejn sejjer, sakemm fl-aħħar baqa’ dieħel ġo pulizija. Malli laħaqhom, Ġeppetto spjega lill-pulizija li l-pupazz kien tiegħu. Għalhekk il-pulizija tahulu lura.

Imma n-nies fit-triq kienu qed josservaw, tħassru lill-pupazz, u bdew jgħidu li Ġeppetto kien bulì. Għalhekk il-pulizija ħataf lil Ġeppetto u ħadu miegħu l-għassa.

***** ***** [Fuq] ***** *****

Waqt li l-povru Ġeppetto kien l-għassa għal ħaġa li ma kienx għamel, Pinokkjo reġa’ mar lura d-dar, u nxteħet fis-sodda mingħajr ħsibijiet ta’ xejn.

Wara ftit sema’ leħen ftit ’il bogħod. Ma kienx jaf mnejn kien ġej, u beda jibża’. F’ħin minnhom lemaħ grillu kbir fuq il-ħajt faċċata.

“Jien il-Grillu li jitkellem,” qal lil Pinokkjo. “Kun af li tfal li jduru kontra missirijiethom u jaħarbu minn darhom fl-aħħar jispiċċaw ħażin.”

“Tista’ tibqa’ tħambaq, Sur Grillu,” wieġeb Pinokkjo, “għax ma jinteressani xejn minn dan. Għada se nitlaq minn hawn għalkollox. Jekk ma nagħmilx hekk ikolli mmur l-iskola bħat-tfal l-oħra. Ma rridx nitgħallem. Ma rridx naħdem. Irrid nilgħab u niddeverti biss.”

Il-Grillu ħa nifs twil, “Jiddispjaċini għalik, Pinokkjo. Għad tispiċċa l-ħabs jekk tibqa’ taħseb hekk.”

Dan il-kliem dejjaq lil Pinokkjo. Qabad martell minn fuq il-bank tax-xogħol u waddbu dritt lejn il-Grillu. U l-Grillu għeb għalkollox.

Pinokkju ma damx ħafna ma beda jħoss il-ġuħ, għax minn mindu għamlu Ġeppetto ma kien kiel xejn. L-unika ikel li sab fil-ħanut kienet bajda, imma meta Pinokkjo pprova jsajjarha, fellus faqqas minn ġo fiha u tar ’il barra mit-tieqa.

Għalhekk kellu joħroġ fix-xita biex jara jsibx x’jiekol. Beda jħabbat bieb bieb, imma ħadd ma ried jagħtih x’jiekol. Fl-aħħar qata’ qalbu, u mar lura d-dar bil-ġuħ. Intefa’ għal tulu fl-art, għajjien mejjet u mxarrab għasra, u poġġa saqajh maġenb il-fuklar biex inixxifhom. Minnufih għajnu marret bih.

Imma saqajn Pinokkjo kienu tal-injam, u dawn bdew jinħarqulu bil-qajla waqt li kien rieqed...

***** ***** [Fuq] ***** *****

F’daqqa waħda xi ħadd ħabbat mal-bieb ta’ barra. Ġeppetto kien ġie lura!

Pinokkjo qomos biex imur jiftaħ il-bieb, imma stabat mal-art għax saqajh kienu nħarqu għalkollox. “Ma nistax niftaħ il-bieb,” beda jgħajjat. “M’għandix saqajn!”

Għalhekk Ġeppetto kellu jidħol mit-tieqa, u kien irrabjat ħafna, għax ħaseb li Pinokkjo kien qed jidħaq bih. Imma ftit wara ntebaħ li l-pupazz kien qed jgħid il-verità, u tassew ma kellux saqajn. Issa Ġeppetto beda jiddispjaċih.

Issa Pinokkjo tant kien bil-ġuħ li Ġeppetto tah l-ikel tiegħu – tliet lanġasiet. Il-pupazz niżżilhom f’belgħa waħda, u minnufih talab lil Ġeppetto jagħmillu saqajn ġodda.

Imma Ġeppetto ried jagħtih lezzjoni, u għalhekk ħallieh jokrob u jibki għal żmien twil qabel ma qatagħlu xewqtu.

Malli fl-aħħar Pinokkjo wiegħed li ma jibqax imqareb u jġib ruħu sew, Ġeppetto għamillu saqajn ġodda u tassew sbieħ. Ħietlu wkoll ftit ħwejjeġ biex ikun jista’ jmur l-iskola bihom.

Issa kulma kellu bżonn Pinokkjo kien ktieb tal-alfabett, imma hawnhekk Ġeppetto ma setax jgħinu. F’daqqa waħda ġietu idea. Ħataf il-kowt u ħareġ barra fil-borra nieżla.

Malli wasal lura kien qiegħed jitriegħed bil-bard. Ma kellux aktar il-kowt, imma minflok kellu ktieb tal-alfabett. Kien biegħ il-kowt tiegħu biex jixtri l-ktieb għal Pinokkjo!

***** ***** [Fuq] ***** *****

Malli l-borra waqfet Pinokkjo rħielha lejn l-iskola. Hu u sejjer beda jaħseb kif, meta jikber, isib xogħol biex jaqla’ ħafna flus u jkun jista’ jixtri kowt ġdid fjamant għal Ġeppetto.

F’daqqa waħda beda jisma’ xi mużika fil-bogħod. X’mużika kienet? Minn fejn kienet ġejja? Waqaf biex jismagħha aħjar. Fl-aħħar iddeċieda x’jagħmel. Hekk jew hekk, dejjem seta’ jmur l-iskola l-għada, hux?

Għalhekk ġera ’l fejn kienet qed tinstema’ l-mużika.

Il-mużika kienet ġejja mit-Teatru tal-Pupazzi! Pinokkjo xtaq jidħol u jara l-ispettaklu, imma ma kellux flus. X’seta’ jagħmel? Ftakar fil-ktieb tal-alfabett, u biegħu għal żewġ ċenteżmi. U Ġeppetto, miskin, kien qiegħed jitriegħed bil-bard għax xtara l-ktieb lil Pinokkjo!

Imma Ġeppetto ma kienx fi ħsieb Pinokkjo issa, hekk kif daħal fit-teatru u ħassu jitla’ s-sema. Dak il-ħin kienet għaddejja reċta ta’ ħafna pupazzi fuq il-palk. Malli raw lil Pinokkjo, dawn waqqfu r-reċta u bdew ixejrulu u jsejħulu biex jitla’ fuq il-palk magħhom.

Issa tajjeb li tkun taf li sid it-teatru u l-pupazzi kien raġel kbir, feroċi, b’daqna folta sewda, u kien jismu Wikkielinnar. Malli ra li r-reċta kienet waqfet minħabba Pinokkjo u li l-udjenza bdiet tgerger, irrabja ħafna.

Għall-ewwel ħaseb li jaqbad lil Pinokkjo u jaħarqu, imma mbagħad qatagħha li jaħfirlu u jarmi pupazz ieħor fin-nar minfloku.

Malli ra dan Pinokkjo ddispjaċieh aktar, u kollu mbikkem offra li jinħaraq hu minflok il-pupazz l-ieħor. Issa lil Wikkielinnar ġietu ħniena minn Pinokkjo u beda jibki hu wkoll. Għalhekk qatagħha li jaħfirha lit-tnejn, u ma ħaraq lil ħadd.

Il-pupazzi issa kienu kollha kuntenti u dak il-lejl Wikkielinnar għamlilhom festin żgħir. Waqt il-festin Pinokkjo rrakkonta l-istorja tiegħu lil Wikkielinnar, u l-għada filgħodu dan tah ħames muniti tad-deheb biex jagħtihom lill-imsejken Ġeppetto malli jmur lura d-dar.

***** ***** [Fuq] ***** *****

Pinokkjo kien kuntent ħafna, u issa qatagħha li tassew irabbi l-għaqal u ma jerġax jaqa’ fl-inkwiet. Imma ma damx wisq li reġa’ spiċċa fil-għawġ. Iltaqa’ ma’ volpi li kien qed jagħmilha ta’ zopp u ma’ qattus li kien qed jagħmilha ta’ agħma. Fil-fatt dan ma kien veru xejn, għax ipprovaw jisirqu l-flus li kellu.

Pinokkjo pprova jaħrab hekk kif ħarġu s-skieken għalih. Imma Pinokkjo kien magħmul minn injam iebes, u meta laqtuh is-skieken inqasmulhom. Għalhekk il-volpi u l-qattus ħatfuh, dendluh minn għonqu ma’ siġra u ħallewh għal mejjet.

Ftit ’il bogħod mis-siġra fejn kien imdendel Pinokkjo, kien hemm dar żgħira, kollha roża, fejn kienet tgħix tifla żgħira b’xagħar kaħlani. Fil-fatt din kienet saħħara, u malli lemħet lil Pinokkjo bagħtet lis-sefturi tagħha – kelb u ċawla – biex iniżżluh mis-siġra u jeħduh f’darha.

Is-saħħara poġġietu f’sodda u tatu ftit mediċina biex jiġi f’tiegħu. U mbagħad talbitu jirrakkonta l-istorja tiegħu. Għall-ewwel Pinokkjo beda bil-verità, iżda meta wasal biex jgħidilha dwar il-muniti tad-deheb, gideb. Ma qalilhiex li kienu għadhom f’butu, imma li kien tilifhom.

Hekk kif lissen din il-gidba, imnieħru twallu ftit. Wara din qal gidba oħra, u mnieħru reġa’ twallu, u kompla jitwal, u jitwal, u jitwal...

Fl-aħħar tant twal li Pinokkjo ma setax joħroġ mill-kamra. Is-saħħara bdiet tidħaq u tidħaq, u Pinokkjo beda jibki u jibki. Fl-aħħar is-saħħara qaltlu li għamel ħażin li qagħad jigdeb, imma ħafritlu. Sejħet ħafna għasafar biex jiġu u jnaqqrulu mnieħru b’munqarhom sakemm dan ċkien u reġa’ ġie normali.

Għalkemm Pinokkjo kien jidher imqareb, is-saħħara ħadet grazzja miegħu, u xtaqet li jibqa’ magħha. Pinokkjo qalilha li kellu jmur lura għand missieru, imma s-saħħara qaltlu li Ġeppetto kien se jiġi joqgħod magħhom ukoll! Pinokkjo tant feraħ b’din l-aħbar li minnufih telaq biex jiltaqa’ ma’ Ġeppetto nofs triq, daqskemm kien ilu ma jarah.

***** ***** [Fuq] ***** *****

Pinokkjo kien fuq ix-xwiek biex jerġa’ jara lil Ġeppetto, imma b’xorti ħażina dan ma kellux iseħħ. Il-volpi u l-qattus reġgħu sabuh, u din id-darba rnexxielhom jisirqulu l-muniti. Meta mar għand il-pulizija biex jgħidilhom li ġie misruq, il-pulizija m’emmnuhx, u xeħtu lilu l-ħabs minflok! Pinokkjo għamel erba’ xhur il-ħabs qabel ma ħelsuh.

Minnufih mar lura d-dar tas-saħħara, imma meta wasal fil-post sab li d-dar ma kinitx għadha hemm. Pinokkjo nxteħet tulu fl-art jibki għax ma kienx jaf x’jaqbad jagħmel. Lemħitu ħamiema u niżlet ħdejh. Qaltlu li Ġeppetto tant kien qalbu maqsuma li kien qabad dgħajsa u telaq ifittex lil Pinokkjo fuq il-baħar. Issa Pinokkjo sewwed qalbu iktar għax tilef lil Ġeppetto wkoll.

Il-ħamiema tħassritu, u offrietlu li tieħdu fuq daharha biex itiru lejn il-baħar ħalli jfittxu lil Ġeppetto. Imma x-xorti ħażina kienet għadha ma’ Pinokkjo. Meta waslu fejn il-baħar, denfil qal lil Pinokkjo li Ġeppetto kienet belgħetu baliena kbira!

***** ***** [Fuq] ***** *****

Pinokkjo xorta pprova jfittex lil Ġeppetto, sakemm wasal fi gżira fejn kulħadd kien iħobb jaħdem bla waqfien, tant li n-nies kienu jsejħu l-gżira bħala l-Pajjiż tan-Naħal. Pinokkjo kellu l-ġuħ, imma xorta ma kienx lest li joqgħod jaħdem biex jaqla’ ħobżu. Imma kemm seta’ jissaporti? Fl-aħħar beda jaħdem billi joqgħod iġorr l-ilma lil waħda xwejħa. U malli tatu xi ikel, intebaħ li kienet is-saħħara tax-xagħar kaħlani! Fl-aħħar kien reġa’ sabha.

Pinokkjo qal lis-saħħara li kien xeba’ bħala pupazz u xtaq isir tifel ta’ veru. Imma s-saħħara qaltlu li l-uniku mod biex isir tifel veru kien li jkun persuna tajba u bil-għaqal, ma kellux jigdeb, u kellu jmur l-iskola. Għalhekk Pinokkjo baxxa rasu u beda jmur l-iskola.

L-iskola beda jaħdem bis-serjetà, studja ħafna u spiċċa l-ewwel fil-klassi, u s-saħħara kienet kuntenta b’dan. Wegħditu li f’qasir żmien kien se jsir tifel veru.

Imma! Fil-klassi ta’ Pinokkjo kien hemm xi tfal ħżiena, imqarbin u għażżenin ukoll. Pinokkjo beda jagħmilha magħhom u f’qasir żmien sar bħalhom. Beda jittraskura l-istudji u anki jiskarta l-iskola. Fl-aħħar, darba minnhom, ħarab ma’ dawn it-tfal.

***** ***** [Fuq] ***** *****

Din id-darba marru fil-Pajjiż tal-Ġugarelli, għaliex hemm kuljum kien btala, u setgħu jilagħbu jew ma jagħmlu xejn il-ġranet kollha tas-sena. Li ma kinux jafu kien li ftit ftit bdew isiru ħmir – ħmir ta’ veru, b’widnejn twal, b’denb u b’ħanqa ta’ ħmar!

Malli Pinokkjo sar ħmar għalkollox, inbiegħ lil ċirku, fejn sid iċ-ċirku beda jġiegħlu jagħmel il-kutrumbajsi perikolużi quddiem in-nies. Dan dam sejjer għal ħafna xhur. Pinokkjo kien jaħdem lejl u nhar għas-sid kiefer tiegħu. Meta ma kienx jipprattika l-kutrumbajsi kien jagħmel ħafna xogħol ta’ tagħbija. Darba minnhom, waqt kutrumbajsa, Pinokkjo tfixkel u waqa’. Lewa siequ u beda jzappap. Għalhekk sidu ma kellux aktar bżonnu, u biegħu biex jinqatel u ġildu tintuża biex jagħmlu t-tnabar.

Sidu l-ġdid, l-ewwel, kellu bżonn joqtlu biex jieħu l-ġilda tiegħu. Għalhekk malli xtrah rabtu ma’ ġebla kbira u xeħtu l-baħar biex jegħreq.

***** ***** [Fuq] ***** *****

Meta kien f’qiegħ il-baħar tfaċċat baliena kbira u belgħetu. Kienet l-istess baliena li kienet belgħet lil Ġeppetto, u Pinokkjo sabu hemm, fl-istonku tal-baliena, għadu ħaj! Pinokkjo issa fassal pjan biex joħorġu minn hemm. Intebaħ li biex torqod il-baliena kienet titla’ f’wiċċ l-ilma u tbexxaq ftit ħalqha biex tieħu n-nifs. Pinokkjo ħaseb li hu u Ġeppetto setgħu jitilgħu mill-istonku għal ġol-ħalq miftuħ tal-baliena u joħorġu waqt li tkun rieqda.

U hekk għamlu. Ħarġu minn ħalq il-baliena u bdew jgħumu lejn ix-xatt.

Imm’issa Ġeppetto kien batut wisq, u Pinokkjo għamel minn kollox biex idur bih. Tant ħadem qatigħ li s-saħħara ħafritlu għat-tielet u l-aħħar darba. Qatgħetlu xewqtu, u fl-aħħar Pinokkjo sar tifel tassew!

TMIEM

***** ***** [Fuq] ***** *****

Tista’ taqra artiklu dwar dan ir-rumanz fil-ħarġa numru 374 (Jannar 2023) tar-rivista Sagħtar.