Il-Patt tal-Prinċep

Kitba ta’ Daniel Cini
Madwar 800 kelma
Pubblikazzjoni: Horizons, 2023
***** ***** ***** ***** *****

Żmien twil ilu kien jgħix prinċep ġewwa palazz maestuż fuq quċċata ta’ belt grandjuża. Lejn il-Punent ta’ din il-belt kien hemm baħar iżraq u leqqieni daqs iż-żaffir. Lejn il-Lvant, ’il barra mis-swar tal-belt, kien hemm għanqbuta sħiħa ta’ bliet u villaġġi sa fejn twassal l-għajn. Il-prinċep kien raġel sbejjaħ iżda kien vanituż u jaħseb li d-dinja ddur madwaru.

Hu kien spiċċa fuq it-tron taħt ċirkostanzi kemxejn strambi minħabba li ommu u missieru għebu lejl wieħed meta kien għadu daqsxejn ta’ tarbija ta’ ftit ġimgħat. Bosta kienu jemmnu li kienu ħatfuhom il-furbani filwaqt li oħrajn kellhom teoriji iktar misterjużi u strambi. Il-każ baqa’ qatt ma ġie solvut u kien l-ikbar tebgħa fl-istorja ta’ din l-art. Ħadd ma kien qatt jazzarda jsemmi lir-re u r-reġina bil-biża’ li huma wkoll jispiċċaw bħalhom.

Meta tfarfar, il-prinċep sema’ xnigħat fuq x’kien ġralhom, u meta staqsa lil qrabatu, qalulu li r-re u r-reġina telqu biex ifittxu kura għall-marda li ħakmithom ftit wara li twieled, iżda sfortunatament, qatt ma ġew lura.

Il-prinċep dejjem afda fil-konsli tiegħu f’dak kollu li kellu x’jaqsam mat-tmexxija tal-imperu. Fil-frattemp, hu kien iqatta’ ġranet sħaħ jixxaħxaħ fil-palazz, jipprova l-isbaħ ħwejjeġ, jiekol l-itjeb ikel jew idoqq xi strument mużikali tal-iprem kwalità. Xejn ma kien jonqsu u kien jaħseb li n-nies lil hinn mill-palazz kienu jgħixu fl-istess lussu bħalu. Iżda r-realtà kienet mod ieħor...

Meta ma kienx ikun qed itella’ xi ballu fis-swali u l-ġonna pittoreski tal-palazz, il-prinċep kienet l-hena tiegħu jżur it-teatru biex jisma’ xi kunċert jew jara xi opra mtellgħa mill-Orkestra Rjali. Din l-orkestra kienet verament waħda speċjali għax kull membru kien jintgħażel minn belt u raħal differenti tar-renju.

Għalkemm il-prinċep kien meqjus bħala l-mexxej tar-renju minħabba li kien l-uniku eredi tar-re u r-reġina, il-liġi kienet tisħaq li hu seta’ jiġi inkurunat re kif jagħlaq tletin sena. Din il-ġurnata kienet biss ftit jiem ’il bogħod meta rċieva stedina għal tnedija ta’ opra ġdida, lejlet għeluq sninu, jisimha Il-Prinċep Perfett. Tistgħu taħsbu kemm ħa gost u ħassu aktar kburi bih innifsu hekk kif sar jaf!

Il-lejla tant mistennija waslet u l-port kien imdawwal b’laneċ jaqsmu l-fliegu lejn il-belt. It-toroq kienu kollha mżejna bi fjuri u pavaljuni għaċ-ċelebrazzjoni tant mistennija. It-teatru kien mimli daqs bajda bl-iktar nies importanti u nobbli tar-renju. Kulħadd kien ħerqan biex jara din l-opra. Ħaġa oħra li qanqlet kurżità kbira kienet li ħadd ma kien jaf min kien il-kompożitur.

L-orkestra intunat, l-udjenza siktet u s-separju nfetaħ. Tgħidx kemm feraħ il-prinċep meta l-ewwel xena kienet replika eżatta tas-sala tal-palazz! Fuq il-palk feġġ it-tenur, li kellu l-parti prinċipali, liebes ilbies dehbieni jżomm mera f’id waħda u għanqud għeneb fl-oħra. Mar-ritmu tal-valz li bdiet iddoqq l-orkestra, it-tenur beda jiżfen u jkanta:

“Jien il-Prinċep Perfett,
u bħali żgur m’hawn imkien!
Fittxu - żgur ma ssibux,
matul il-medda taż-żmien!”

In-nies fl-udjenza bdew iħarsu lejn xulxin iżda ħadd ma azzarda jħares lejn il-prinċep li s’issa kien għad kellu tbissima mċarrta fuq fommu.

F’daqqa waħda s-separju vivaċi tal-palazz inbidel f’wieħed mudlam u r-ritmu ferrieħi tal-valz inbidel f’wieħed lamentuż.

Ix-xena ħadet lill-udjenza fil-pjazza tal-belt. F’nofsha kien hemm ċorma tfal ċkejknin lebsin ilbies tradizzjonali tal-bliet u l-irħula tar-renju. Huma bdew ikantaw mal-mużika:

“Aħna t-tfal ta’ din l-art ħelwa,
u bl-eżempju ta’ missirijietna,
aħna dejjem imxejna sewwa.
Iżda llum wasal il-jum,
li lkoll ngħajtu, ʽIssa daqshekk!’
Għal dil-ħajja miżera li qed ngħixu kuljum.
U mil-lum ’il quddiem sa ma nieħdu dak li hu mistħoqq,
f’dan it-teatru u għal dan il-prinċep,
ħadd minna mhu se jkanta jew idoqq!”

Il-mużika waqfet ħesrem u s-separju ngħalaq f’tebqa t’għajn. Fit-teatru waqa’ skiet perfett. Il-mużiċisti tal-orkestra qamu f’salt waqt li l-maestro dar lejn l-udjenza, ħares dritt f’għajnejn il-prinċep, qasam il-bakketta min-nofs, xeħitha mal-art u telaq wara l-kwinti bil-mużiċisti warajh.

Ħadd ma tniffes jew lissen kelma. Il-prinċep ried l-art tibilgħu. Iżda wara li x-xokk għeb u ġie f’sensih, ħakmitu rabja kbira. Ħareġ sparat mit-teatru u telaq dritt għall-palazz. Fl-orizzont bdiet tberren maltempata u s-sajjetti kont tistħajjilhom sriep tal-fidda jiżfnu bejn sema u ilma.

Qatt f’ħajtu ma kien jobsor li niesu setgħu jumiljawh b’dan il-mod. Fil-pront, sejjaħ lill-konsli kollha tiegħu biex jara kif seta’ jwiddibhom għal din ir-rewwixta.

“Issa jkunu jafu x’inhi tbatija!” beda jgħajjat il-prinċep minn fuq it-tron.

“Għadhom ma jafux xi tfisser li tkun fuq dan it-tron u x’sagrifiċċji nagħmel għal din il-kuruna!”

“Sire, jien nissuġġerixxi li dawk kollha li ħadu sehem f’din l-opra jiġu mmultati,” instema’ jgħid wieħed mill-konsli.

“Multa? Biss? Wara li umiljawni sfaċċatament!” Ftit wara qabeż konslu ieħor u qal,

“Maestà, jien naħseb li għandek tagħlaq it-teatru u ma tħallihomx idoqqu jew ikantaw iktar!”

Il-prinċep baqa’ sieket. Wara ftit ħin jgħarbel din l-idea, qam bilwieqfa u stqarr b’leħen sod, “Niddikjara li mil-lum ’il quddiem, l-ebda persuna ma tista’ ddoqq, tkanta jew tirreċta f’dan ir-renju. Min jinqabad jikser din il-liġi se jkun ikkundannat għall-forka!”

U ma’ dan il-kliem iebes, sabbat ix-xettru mal-art. F’salt wieħed, il-bibien ġganteski li kienu jagħtu għas-sala tal-palazz infetħu beraħ u daħlet buffura riħ li fewħet is-sala b’riħa ta’ ward.

Fil-fetħa tal-bieb tfaċċat figura twila mgħammda b’kappa bellusija lewn ir-rubini.

Il-figura mxiet b’rasha baxxuta lejn il-prinċep u kif waslet ħdejh, għamlet riverenza.

“Min int? U x’qed tagħmel f’dari?” irbombja leħen il-prinċep.

***** ***** *^^^* ***** *****

Kif tagħmel biex tkompli taqra din l-istorja

Il-Patt tal-PrinċepDin is-silta hija mill-ktieb Il-Patt tal-Prinċep miktub minn Daniel Cini u ppubblikat minn Horizons. Sib il-ktieb fil-librerija tal-iskola jew dik pubblika, biex tispiċċa l-istorja. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il-ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.