Orkubellu

Kitba ta’ Fabrizio Silei
Maqlub għall-Malti minn Claudia Gauci
Madwar 980 kelma
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers (2022)
***** ***** ***** ***** *****

Kapitlu wieħed

Fil-belt tal-orki, qrib l-għolja Nikodemu, jitwieldu l-orki kuljum. Ngħiduha kif inhi, mhumiex l-orki kif kienu snin ilu. Iż-żminijiet jinbidlu u anke huma jkollhom problema biex isibu tfal, klieb, qtates u persuni lesti li jittieklu mingħajr ma jitniffsu, jew jiftħulhom kawżi u jappellaw għad-drittijiet universali. Insomma, orki jibqgħu, sufin, widnejhom bil-ponta, żaqqhom kbira, ħalqhom kbir, snienhom koroh waħx, ponot, idejhom koroh pesti u l-bqija. L-orki nisa u l-orkini wkoll mhumiex differenti minn kif kienu tliet mitt sena ilu. Daqsxejn iktar moderni, jaraw it-televixin, jużaw l-internet, jibilgħu l-hamburgers, lill-pustiera bl-uniformi u kull ħaġa oħra li tinzerta tiġi taħt ħalqhom u jitfewqu kemm jifilħu kif dejjem għamlu l-orki.

Ma jistax jonqos li l-orki jħobbu jagħmlu xogħol ta’ orki, imma minħabba n-nuqqas ta’ ħrejjef klassiċi li hawn, ħafna minnhom m’għandhomx xogħol.

Orkestu huwa s-sindku tal-belt Orkidea (li m’għandha x’taqsam xejn mal-fjura) u huwa l-orku per eċċellenza. Jitfewwaq daqs baħri fis-sakra, ma jaħsel snienu qatt u taħt abtejh jinten seba’ pesti: riħa ta’ ħut mejjet, tant li xxommu ġej bl-SUV li għandu minn żewġ kilometri bogħod. Ħafna jaħsbu li jkun ġej taż-żibel imma ma jkun ħadd ħlief is-sindku, b’id waħda mdendla ’l barra mit-tieqa miftuħa. Tista’ taħseb xi ntiena toħroġ minn ħalqu u kemm jintnulu saqajh. Imma dawn, li għalina l-bnedmin huma difetti, f’Orkidea huma valuri kbar. L-orki nisa jiġġennu għalih u martu, Orkanġla, tgħidx kemm tgħir.

Għandu ħajja trankwilla, huwa sindku stmat u rrispettat minn kulħadd. Kien hu li fetaħ ċentru f’Orkidea fejn jimmuffaw il-hamburgers. Ir-riħa tinxtamm mill-bypass u huwa post imfittex minn ħafna familji ta’ orki. Nhar ta’ Ħadd kulħadd jerħilha s’hemm u kulħadd jibla’ l-hamburgers immuffati li jinżlu għasel. Is-Sindku kien rebaħ l-isfida Iġbed u Obżoq is-sena l-oħra u baqa’ l-uniku rebbieħ ukoll ta’ Oħroġ Imsaren il-Ġurdien bl-għajnuna tal-kakka tal-vitella.

(Fi kliem ieħor, orku kif sewwa u xieraq, li għandu mara tal-ġenn, kerha waħx, u żewġt ibniet orribbli. Il-kbira, moħħha biex tiekol liż-żgħira u kulħadd joqgħod għassa tagħha.)

Imma l-akbar xewqa tiegħu kien għadu ma qatagħhiex: li jkollu iben. U hawn tibda l-istorja tagħna, f’jum ikrah ta’ Mejju …

Orkestu kien l-uffiċċju, jaħseb dwar xi skifezza ġdida biex jiġbed l-ammirazzjoni tal-konċittadini tiegħu, meta daqq it-telefown.

“Sur Sindku!” qalet Orkakka, l-orka segretarja. “Ċemplulek mill-Orkuklinika! Għandu jkun wasal il-mument!”

Orkestu, se jtir bil-ferħ, ma ħasibhiex darbtejn. Qabeż mit-tieqa għal fuq il-veranda tal-barbier, illandja fuq l-SUV mimlija pakketti vojta (u mgħaffġin) tal-krisps, chewing gum u imbarazz, u, waqt li sab postu wara l-istering, saq gass mal-pjanċa u għal naqra ma tajjarx erbat ixjuħ li kienu mixjin fit-triq. Hekk kif kien fi triqtu lejn l-Orkuklinika beda jgħajjat, “Nispera li jkollna tifel! Ivaaaa!!!”

***** ***** **^** ***** *****
Kapitlu tnejn

X’hemm agħar mis-sigaretti? Xejn, tgħiduli intom. Fil-fatt, meta jkun nervuż, Orkestu jpejjep wieħed f’wieħed sigaretti diżgustanti tad-ditta Orkupesti.

U hekk, sa fl-aħħar, hemm kien, jistenna li jgħajtulu biex iħabbrulu t-twelid ta’ ibnu. “Iben! Iben! Iben!” beda jirrepeti f’moħħu. “Tifel! Tifel! Tifel!” Wara żewġt ibniet tassew xtaq li jkollu tifel, u baqa’ jpejjep u jpejjep u jdaħħan qisu ferrovija waqt li jgiddem difrejh twal u sofor. Il-fatt kien li ried eredi, tifel li jkun jista’ jgħallmu dak kollu li kien jaf, bħal pereżempju jaqla’ l-maħta ta’ mnieħru bil-kuċċarina tal-kafè mbagħad jużaha bħala katapult biex igaraha, jew jitfewwaq tliet darbiet wara xulxin bla ma jieħu nifs.

Kien xeba’ jara t-tbissim inkejjuż tal-orki l-oħrajn li kienu jitħassruh filwaqt li jikkumplimentawh fuq uliedu bniet. Kienu jaħsbu, bejnhom u bejn ruħhom: “Ehh ħijja, m’iniex sindku, m’għandix mara kerha daqs tiegħek, imma żewġ subien koroh għandi!”

Ma jiflaħhomx. “Din id-darba bilfors tifel irid ikun!” ħaseb b’qalbu kollha u sallab difrejh enormi ta’ subgħajh sufin ta’ jdejh.

Il-ħlas ta’ orka jista’ jdum ġranet sħaħ, għax l-orkini mqarbin ħafna saħansitra minn qabel jitwieldu; imbagħad, is-soltu, l-omm tixba’, tagħti daqqa papali fuq żaqqha b’idejha mgħaqqdin ponn u tgħajjat b’ħanġra kollha mħabba, “Issa xebbajtni ja xifajk ikrah, int ħiereġ jew le?!” u hekk, l-orkinu joħroġ sparat u jekk l-orkulogessa ma tkunx pronta tilqgħu, jaħbat rasu mal-ħajt — u din, skont xi xjenzjati, tista’ tkun ir-raġuni għala din l-ispeċi m’għandhiex intelliġenza għolja.

Iżda, din id-darba, l-orku ċkejken ħareġ mill-ewwel qisu kien qed jistennieha. L-orkulogessa ħarġitu b’idejha koroh kollha suf, tatu daqqa ta’ ħarta u baqgħet imbellha kif dan l-orku tarbija ma tahiex daqqa ta’ ħarta lura jew kif ma gidmilhiex imneħirha, kif soltu jagħmlu kollha. Anzi, dan qisu ried jgħidilha li kollox sew. (Għalhekk l-orkologi jkollhom imneħirhom enormi, kollu kallijiet u dejjem bl-istikka.) Din id-darba ma kien hemm ebda daqqa ta’ ħarta u fuq l-imnieħer … ħalla xi ħaġa donnha … bewsa?

F’sekonda, dan hu li ġara: l-orkulogessa ħarset lejn l-orkinu, tatu ħarsa ta’ waħda se taqla’, kienet se ttih daqqa ta’ ponn f’wiċċu, imma ċ-ċkejken kien eħfef minnha, skansaha u waħħlilha bewsa oħra fuq imneħirha.

“Blehhhh! Jaqqqq! Dawn x’affarijiet huma? Qatt ma rajt xi ħaġa hekk fi tletin sena karriera bl-unuri!” għajtet dik, hi u timsaħ imneħirha b’idha sufija. Telgħalha l-istonku u tefgħetu fil-landa taż-żibel.

L-omm ma riditx temmen. Kellha tqum mis-sodda u terfgħu minn hemm. Neħħietu minn qalb il-qxur tal-larinġ u garżi użati, damdmitu naqra u żammitu fi ħdanha. Ħarset lejh. Ħadet nifs twil.

“Kemm int sbejjaħ!” qaltlu. “Orkubellu se nsemmik!”

U tabilħaqq hekk kien. L-orku li kien għadu kif twieled kien verament gustuż — kien gustuż b’mod stramb, anzi kien iqallgħek daqskemm kien gustuż. Imma kif jgħidu, “l-imħabba għamja,” u għall-orka kien jgħaddi. Barra minn hekk, Orkanġla spiss kienet tara t-televixin tal-umani, u daqskemm rat, il-ġudizzji estetiċi tagħha tħawdu kemxejn.

Imma araw għall-affari tagħkom.

Qatt ħadd ma ra orku daqstant sabiħ. Lanqas kien jidher qisu orku. Skerz tad-destin: nokkla bjonda (is-soltu, l-orki jkollhom xagħar skur jew ħamrani lewn l-injam tal-kawba), snienu dritti (iva, għax l-orki jitwieldu bi snien jaqtgħu u ppuntati), widnejh mhux daqshekk bil-ponta u mhux tant ħerġin ’il barra, il-ġilda delikata u pjuttost ċara, għajnejn ħodor u kbar, u … tbissima minflok tiċrita kerha tal-ħalq li s-soltu t-trabi kollha jagħtu lil ommhom. Diżgrazzja din, jekk toqgħod taħseb, imma mhux għal ommu, mhux għal Orkanġla, li bdiet tgħannqu magħha bil-ħlewwa.

***** ***** **^** ***** *****

Kif tagħmel biex tkompli taqra din l-istorja

Orkubellu (2022)Din is-silta hija mill-ewwel ktieb fis-sensiela tal-Orki ppubblikata mill-Merlin Publishers. Sib il-ktieb fil-librerija tal-iskola jew dik pubblika, biex tispiċċa l-istorja u taqra l-oħrajn li hemm fis-sensiela. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il-ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.