Moby Dick

Kitba oriġinali ta’
Herman Melville (Amerikan, 1819-1891)
Madwar 5,000 kelma
Adattament għall-Malti ta’ Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-Provi: L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
***** ***** ***** ***** *****

1: Il-Pequod | 2: Il-Kaptan Aħab | 3: Baliena kbira bajda | 4: Tibda l-kaċċa | 5: Il-mostru tal-baħar | 6: Titfaċċa Moby Dick | 7: Żewġt itwiebet u ħabel | 8: Jibda l-aħħar dwell | 9: L-aħħar profeziji

***** ***** ***** ***** *****

1: Il-Pequod

Jisimni Ishmael. Fl-1841 tħajjart nagħtiha għal ftit xogħol fuq il-baħar biex ikolli l-opportunità nżur pajjiżi differenti madwar id-dinja. Tfajt ftit ħwejjeġ f’barżakka u rħejtilha lejn New Bedford. Kien Diċembru u domt ftit sakemm sibt akkomodazzjoni. Spiċċajt f’lukanda kemxejn żgħira u qadima. L-intrata tagħha kienet kamra daqsiex bil-ħitan tagħha kollha mżejna b’armi ta’ kull daqs u għamla: skieken kbar, lanez, mazez ħoxnin u ħarpuniet. Sid il-lukanda qalli li ma kellux kamra vojta.

“Tajjeb jekk inqiegħdek ma’ ħarpunist?” qalli. “Qed nimmaġina li ġejt biex issib xogħol fuq kaċċatur tal-balieni, mela jaqbillek tibda tidra dik it-tip ta’ ċorma.”

Ma kellix aptit inkompli ndur il-port biex insib aħjar, għalhekk aċċettajt. Waqt li kont qed nieħu l-kolazzjon, saqsejt lil sid il-lukanda dwar il-ħarpunist li kelli noqgħod miegħu. Qalli li kellu karnaġġjon skur u li kien jiekol biss laħam nej. Wara, sid il-lukanda ħadni fil-kamra, imma dak il-ħin il-ħarpunist ma kienx hemm. Għajjien kif kont, inxtħett mill-ewwel qalb il-friex u għajni marret bija.

Stenbaħt malli smajt il-bieb jinfetaħ kemxejn bil-goff, u daħal raġel. Għalkemm għall-ewwel hu ma ntebaħx bija, fid-dawl inemnem tal-lampa lmaħt wiċċ li kexkixni.

Kien wiċċ skur u kollu mpinġi b’disinji strambi magħmula minn ħafna ponot suwed. Kien kollu fartas għajr troffa xagħar marbuta fuq l-iskutella tar-ras. Kien għadu ma ntebaħx bija meta beda jinża’ ħwejġu, u osservajt li ġismu kollu kien impinġi b’dak l-istess disinn li kellu fuq wiċċu. Beda jgħanni għanja b’lingwa li ma stajtx nagħraf. Qagħad bilqiegħda u beda jpejjep pipa twila.

Iċċaqlaqt fis-sodda u għamilt ħoss żgħir. Milli jidher ħsadtu, għax minnufih ir-raġel qomos bilwieqfa, ħataf mannara, qabeż fuqi u qabadni minn għonqi. Ħares lejja b’ħarsa selvaġġa u ħalq miftuħ beraħ. Rajt żewġ fillieri ta’ snien bojod karti li kienu sserrati u ppuntati bħal ta’ tigra.

“Min-e int-e?” għajjat b’leħen żorr u b’Ingliż imkisser. “Le tkellem-e, jien noqtlok-e!”

Tista’ tobsor kif dak il-ħin imsarni niżlu f’saqajja. Imwerwer kif kont bdejt ngħajjat għall-ajjut, u fis tfaċċa sid il-lukanda, bi tbissima fuq wiċċu. “Tinkwetax!” qalli. “Kwikweg, hawn, ġwejjed u ma jagħmillek xejn.” Imbagħad dar lejh.

“Dan raġel jorqod-e hawn. Tifhem-e?”

“Jien nifhem-e ħafna,” wieġeb Kwikweg bl-aċċent stramb tiegħu.

Meta ċċarajna kollox, jien erġajt imteddejt, u Kwikweg daħal f’soddtu wkoll.

L-għada filgħodu sirt naf li Kwikweg kien it-tifel ta’ re ta’ waħda mill-gżejjer fil-Paċifiku, imma kien telaq minn pajjiżu biex isir ħarpunist. Meta għidtlu li xtaqt ningħaqad ma’ ċorma ta’ kaċċatur tal-balieni, beda jinsisti biex immur miegħu. L-għada tlaqna flimkien fuq xini lejn Nantucket. Aħna u sejrin kien hemm buffura qawwija u wieħed mill-baħrin waqa’ l-baħar. Fil-pront Kwikweg neża’ l-qmis u qabeż fil-baħar warajh biex isalvah.

Tista’ tgħid li f’dawk iż-żminijiet Nantucket kienet il-kapitali tal-kaċċa tal-balieni. Meta wasalna hemm u sibna kamra f’lukanda, Kwikweg ħareġ statwa żgħira sewda, li kien isejħilha Jojo. Minn dak li stajt nifhmu jispjegali, kien xi għamla ta’ idolu tar-reliġjon tiegħu. “Jojo jkellem-e Kwikweg,” qalli. “Huwa jgħid ħabib-e jsib xini. Immorru-e xini flimkien.”

Għalhekk spiċċajt indur il-port biex nara nsibx xogħol għalija u għal Kwikweg fuq xi wieħed mill-kaċċaturi tal-balieni li kien hemm ankrati. Fl-aħħar sibt il-bastiment Pequod. Kien kaċċatur żgħir, imma kien jidher li kien qatta’ ħafna żmien fuq il-baħar, u kien għadda minn ħafna maltempati wkoll. L-injam kien jidher skulurit, u mkagħbar f’xi partijiet. F’postijiet minnhom kien imsewwi, u osservajt li minflok injam, xi tiswijiet kienu magħmula mis-snien jew għadam ta’ balieni.

Tlajt abbord u sibt raġel imdaħħal fiż-żmien bilqiegħda fuq il-gverta. Staqsejtu kienx il-kaptan tax-xini u kellux bżonn jimpjega xi baħrin.

“Jien l-Kaptan Peleg,” weġibni, “imma jien għandi sehem żgħir tax-xini. Il-kaptan ewlieni huwa l-Kaptan Aħab. Jekk għadek ma ltqajtx miegħu kun af li huwa bniedem serju ħafna u ta’ kliem iebes. Tagħrfu mill-ewwel għaliex għandu sieq waħda. L-oħra kienet ħatfithielu, gerrmithielu u kilithielu l-aktar baliena mostruża li qatt dehret fl-ibħra tad-dinja. Ejjew it-tnejn għada filgħodu, u nirreġistrakom maċ-ċorma.”

Għarraft lil Kwikweg li konna sibna xogħol fuq il-Pequod, u l-għada filgħodu rħejnielha lejn il-port. Waqt li konna sejrin resaq lejna raġel kollu żdingat. “Għadkom ma rajtuhx lill-Kaptan Aħab?” staqsiena. “Oqogħdu attenti minnu! Qalilkom bis-sigriet tiegħu? Qalilkom x’biħsiebu jagħmel?” U b’dan il-kliem, qabel ma tana ċans inweġbuh, telaq jiġri u għeb qalb il-folla.

***** ***** [^^^] ***** *****

2: Il-Kaptan Aħab

L-għada filgħodu bakkarna biex inkunu abbord il-Pequod sagħtejn qabel ma jsalpa. Malli wasalna morna fil-kassru tal-pruwa. Ma kien għad hemm ħadd ħlief baħri wieħed, rieqed fuq żaqqu, fuq żewġ banketti baxxi. Malli rah hekk Kwikweg qagħad bilqiegħda fuqu u l-baħri, minnufih, qomos u beda jogħrok għajnejh.

“Meta se nitilqu?” staqsejtu.

“Fi ftit sigħat,” wieġeb il-baħri. “Il-Kaptan Aħab tela’ abbord ilbieraħ filgħaxija... Milli qed nisma’ l-ewwel uffiċjal diġà beda x-xogħol. Dak Starbuck, dak. Raġel ħabrieki u reliġjuż ħafna.”

Waqt li jien u Kwikweg bdejna xogħolna fuq il-gerlin, il-Kaptan Aħab baqa’ fil-kabina tiegħu. Saqsejt dwaru lil wieħed mill-baħrin li kien qed jaħdem viċin tiegħi.

“Se ddum ftit qabel ma tarah,” weġibni. “Qed iqatta’ ħafna żmien fil-kabina bħalissa. Hemm min qed jgħid li ma jiflaħx, imma ma jidhirx li huwa marid. Aktar naħseb li għandu burdata ħażina – ħażina ħafna!”

Starbuck kien l-ewwel uffiċjal tal-Pequod wara l-Kaptan. Twieled u għex f’Nantucket. Kien raġel twil u mibni sew, u kellu l-ġilda skura wara ħafna żmien taħt ix-xemx. L-għada li salpajna ġabar liċ-ċorma kollha fuq il-gverta.

“Kollha kemm intom mingħalikom li intom kuraġġużi u ta’ ħila,” beda jgħid, “Imma meta nkunu barra fil-baħar f’nofs l-oċean, u nkunu mdawrin bil-balieni, irrid naċċerta ruħi li l-baħrin li jkunu fuq il-frejgatina tiegħi jkunu l-aqwa li hawn abbord.”

Ipponta lejn Kwikweg. “Inti, baħri!” sejjaħlu. “Għidli, inti tibża’ mill-balieni?”

Il-ġgant impinġi ħares dritt lejn għajnejn l-ewwel uffiċjal. “Kwikweg, le, jigdeb-e. Baliena-e twerwer Kwikweg ħafna-e!”

Wiċċ Starbuck xegħel. “U hekk għandu jkun! Inti se tkun il-ħarpunist tiegħi f’dan il-vjaġġ, sieħeb. Fuq il-frejgatina tiegħi irrid baħrin li joqogħdu b'seba' għajnejn meta jmorru wara baliena!”

Starbuck dar fuqi, u ordnali biex immur ngħin lil Wigery, li kien fuq il-quċċata tal-arblu ewlieni. Jien u tiela’ l-ħbula ħassejt taħlita ta’ emozzjonijiet: ferħ, eċċitament, tferfir u anki ftit biża’ wkoll.

Hemm fuq fil-għoli, ir-riħ kien qawwi tant li kien jaqtagħlek nifsek, imma xorta stajna nisimgħu t-tħambiq ta’ Wigery, li kien il-kap tal-arbli, waqt li beda jagħti l-ordnijiet biex inkebbu, jew nirrumblaw, il-qlugħ. Kienet biċċa xogħol iebsa u perikoluża. Il-qlugħ kienu goffi u tqal, u ma kienx faċli li nirrumblawhom f’dak il-għoli, f’dak ir-riħ qawwi, meta konna weqfin biss fuq gerlin u xejn aktar.

Waqt li konna qed nissaraw kontra r-riħ u t-toqol tal-qala’, il-baħri ta’ ħdejja introduċa lilu nnifsu u qalli li kien jismu Geach.

“Rajtu lill-Kaptan?” staqsieni.

“Għadni le,” weġibt jien.

Hekk kif tbissimli rajt li f’ħalqu kellu ħafna snien neqsin. “Dalwaqt se tarah!” għajjat.

Fil-fatt, malli nżilna fuq il-gverta, ilmaħt lill-Kaptan Aħab għall-ewwel darba.

Kien qisu statwa tal-bronż. Minn xagħru griż, kellu ġerħa kerha nieżla ’l isfel tul wiċċu kollu. Ma tniffisx hekk kif baqa’ wieqaf hemm fuq in-naħa l-għolja tal-poppa: wieqaf sod minkejja r-riġel artifiċjali li kellu minflok ir-riġel xellugi. Dak ir-riġel artifiċjali kien abjad karti, magħmul minn għadma ta’ baliena. Il-ħarsa fuq wiċċu kienet ta’ wieħed li kien għaddej minn dwejjaq kbar. Id-dehra tiegħu ħalliet effett qawwi fuqi.

Fejn kien se jeħodna?

***** ***** [^^^] ***** *****

3: Baliena kbira bajda

Bqajt inħares imbellah lejn il-Kaptan. Malli rajtu mill-ewwel ġabli suġġizzjoni. Kien qisu l-alla Ġove fuq il-Muntanja Olimpus, b’għajnejh imberrqin u xagħru griż jittajjar mar-riħ, wieqaf dritt, b’id waħda jżomm mal-ħbula, u ħarstu dritta ’l quddiem lejn l-orizzont.

Starbuck lemaħni niċċassa lejh, u ġibidni la ġenba. “Dak hu, dak il-Kaptan Aħab,” qalli minn taħt l-ilsien. “Baliena kbira bajda ħaditlu siequ u sfiguratlu wiċċu meta konna fl-ibħra tal-Ġappun. Issa kulma għandu f’moħħu hija vendetta... irid ipattiha lil dik il-baliena li ġabitu f’dik is-sura.”

Aħab ftit li xejn kien jitkellem, u l-parti l-kbira taċ-ċorma kienet tibża’ tkellmu. Imma kien hemm uffiċjal jismu Stubb li ma kienx daqshekk timidu, u darba minnhom tela’ minn isfel waqt li Aħab kien fuq il-gverta.

“Sur Kaptan,” qallu, “Is-sieq tal-avorju li għandek qed nisimgħuha tħabbat wisq minn isfel, fuq rasna. Tista’ tgeżwirha b’biċċa drapp ħalli ma tagħmilx daqshekk ħoss u nkunu nistgħu norqdu?”

Wiċċ Aħab bjad hekk kif ħa nifs qawwi ’l ġewwa, u leħnu dewa mal-gverta kollha tal-bastiment. “X’nagħmel?! Xi l-mniefaħ qed taħseb li int biex tkellimni hekk!? Inżel isfel u tħallinix nara wiċċek, ja biċċa ta’ kelb!”

Għaddew xi jiem oħra qabel ma rġajna rajna lill-Kaptan. Ftit wara l-kolazzjon ta’ filgħodu qal lil Starbuck biex jiġborna kollha lejn il-poppa tal-bastiment. Starbuck stagħġeb għax ordni bħal dik, ġeneralment, kaptan kien jagħtiha jekk kien ikun hemm xi emerġenza.

Malli kulħadd kien miġbur kif ried il-Kaptan, Aħab ħares lejna wieħed wara l-ieħor qabel ma beda jitkellem.

“Għiduli, baħrin, x’tagħmlu meta tilmħu baliena?”

“Ngħajtu ħalli navżaw liċ-ċorma kollha,” wieġbu xi wħud għalenija.

“Tajjeb!” kompla Aħab. “U x’tagħmlu wara?”

“Inniżżlu l-frejgatini u mmorru warajha!”

Aħab berraq għajnejh u reġa’ beda jifli kull wieħed minna. “Mela isimgħuni sew. L-ewwel wieħed li javża li jkun lemaħ baliena bajda, b’geddum mgħawweġ u bi tliet toqbiet f’denbha, se nagħtih din il-biċċa deheb li tiswa sittax-il dollaru!”

Aħab ħataf martell u musmar, u sammar munita tad-deheb mal-arblu ewlieni tal-bastiment.

Taxtego, wieħed mill-ħarpunisti, qabeż jgħajjat, “Qed tgħid għall-baliena l-bajda li jsejħulha Moby Dick, hux, Kaptan?”

Aħab dar minnufih lejh. “Iva, dik hi, sieħeb! Hija ġgant. L-iżbokka tagħha hija qawwija u għolja ħafna. Tagħrfuha wkoll għax diġà għandha gozz ħarpuniet imwaħħlin ma’ ġildha. Dik hija Moby Dick! Dik hija Moby Dick!”

Leħen Aħab issa beda jogħla u jirbombja mal-bastiment kollu. “Kienet Moby Dick li ħaditli sieqi u għamlitni zopp għal għomri. Imma jien se nibqa’ nikkaċċjaha f’kull baħar u f’kull oċean u sa tarf id-dinja jekk hemm bżonn! Bl-għajnuna tagħkom naqbadha u noqtolha, imqar jekk tkun l-aħħar ħaġa li nagħmel f’ħajti!”

Il-baħrin kollha qabdu jgħajtu bil-qalb, ferħanin. Madankollu, osservajt li Starbuck baqa’ kwiet, jogħrok id-daqna ħosbien. U Aħab osservah ukoll.

“Jaqaw, Sur Starbuck! Għandek xi problema b’Moby Dick?” staqsa l-Kaptan.

“M’għandix, Kaptan, sakemm ma tfixkilx il-missjoni ewlenija tagħna. Ftakar li qegħdin hawn biex niġbru żejt kemm nistgħu, mhux biex naqdu l-vendetta tal-Kaptan tagħna. Kemm-il barmil żejt se tagħtina l-baliena jekk noqogħdu naħlu l-ħin niġru warajha?”

Dan il-kliem m’għoġobx lill-Kaptan. “Iskot, Starbuck!” qallu bil-ħatfa. “Iskot u obdi l-ordnijiet!”

Starbuck dar u beda miexi lejn in-naħa l-oħra tal-gverta. Hekk kif għadda minn ħdejja smajtu jgerger minn taħt l-ilsien, “Mela Alla jħarisni – u jħares lilna lkoll.”

***** ***** [^^^] ***** *****

4: Tibda l-kaċċa

Komplejna nbaħħru, imħeġġin mir-rieda qawwija tal-Kaptan tagħna u x-xenqa tiegħu għall-vendetta. Wara li l-Kaptan għamel il-wegħda tiegħu tal-premju tad-deheb, bħallikieku kulħadd kien nesa l-periklu tal-baliena l-bajda, u kulħadd inxteħet għalenija f’xogħlu fuq il-bastiment.

Kien waranofsinhar ta’ jum imsaħħab, waqt li l-parti l-kbira taċ-ċorma kienu qed jistrieħu wara għodwa xogħol iebes, li nstama’ leħen jirbombja mill-quċċata tal-arblu ewlieni. Kien il-leħen tal-ħarpunist Taxtego.

“Hemm hi! Hemm hi! Qed naraha!”

“Fejn?”

“Lejn it-tmun, żewġ mili ’l bogħod! Hemm ġliba sħiħa!”

Minnufih qamet għagħa fuq il-gverta tal-bastiment, u f’qasir żmien tliet frejgatina minn erbgħa li kellna tniżżlu fl-ilma.

Jiena nżilt fil-frejgatina ta’ Starbuck flimkien ma’ Kwikweg. Il-ħarpunist l-ieħor Taxtego niżel fil-frejgatina tal-uffiċjal Stubb. Kien f’dan il-waqt li smajna l-ħoss ta’ riġel il-Kaptan Aħab iħabbat mal-gverta tal-bastiment. Ħarisna kollha ’l fuq u stagħġibna malli rajna min kien wieqaf ħdejh.

Kien raġel twil u mibni sewwa. Kien liebes sidrija Ċiniża u kellu turban abjad fuq rasu. Xagħru iswed kien miġbur f’malja waħda wara għonqu. Matul dawk il-ġranet kollha li konna għamilna fuq il-baħar, ħadd ma kien ra lil dak ir-raġel qabel. X’aktarx tul iż-żmien kollu minn meta salpajna, kien baqa’ moħbi fil-kabina tal-Kaptan.

“Naħseb li kien ġie abbord mal-Kaptan billejl,” qal wieħed mill-baħrin, “Min jaf għalfejn?”

Il-Kaptan Aħab dar lejn ir-raġel misterjuż. “Lest, Fedellaħ?” staqsieh.

“Lest,” lissen ir-raġel b’leħen sod.

Il-Kaptan niżel fuq ir-raba’ frejgatina, u Fedellaħ niżel miegħu.

Minn fuq il-frejgatina tiegħu, Stubb għajjat lil Starbuck. “X’taħseb dwar dak, Sur Starbuck?”

“Dak saħħar mill-Manilla, Alla magħna!” wieġeb Starbuck. “Kull baħri onest jibża’ minnhom. Jgħidu li l-Manilli jaħdmu biss għal sidhom, ix-Xitan! Imm’issa ma nistgħu nagħmlu xejn dwaru. Komplu aqdfu, nies! Komplu aqdfu b’kemm għandkom saħħa!”

L-erba’ frejgatini komplew jersqu lejn fejn konna lmaħna l-balieni. Imma f’daqqa waħda niżel ċpar fuq wiċċ il-baħar u ma stajna naraw xejn aktar. Wara ftit smajna tvenvina rqiqa riesqa lejna b’ġirja.

“Hemm hi! Hemm hi!” għajjat Starbuck, “Agħtihielha!”

Kwikweg għolla l-ħarpun, lest biex jitfgħu.

Fawra ta’ ilma sħun għoliet ħesrem mill-baħar maġenbna. Ħassejna xi ħaġa ċċaqlaq il-qiegħ tal-frejgatina, u din għoliet fl-arja. Tajritna kollha fl-arja, u fi ftit sekondi spiċċajna qalb ir-ragħwa tal-mewġ. B’xorti tajba l-frejgatina ma tkissritx, u stajna nerġgħu nitilgħu fuqha u niġbru l-imqadef li kienu f’wiċċ l-ilma madwarna.

Imma sadattant il-baliena kienet għosfrot.

F’qasir żmien rajna l-frejgatina tal-Kaptan riesqa lejna minn qalb iċ-ċpar.

“Tlifnieha, Kaptan,” għajjat Starbuck, kollu għasra.

“Ma jimpurtax. Ma kenitx Moby Dick,” wieġeb Aħab bl-aħrax. “U ma rridx nitlef il-ħarpuniet fuq balieni oħra. Erġgħu lura fuq il-bastiment. Moby Dick hija l-mira tagħna.”

Fi skiet perfett l-erba’ frejgatini qadfu lura lejn il-Pequod, u sadattant bdejt insaqsi lili nnifsi fejn kien se jwassalna dan kollu. Qsamt ħsibijieti ma’ Kwikweg, li kien bilqiegħda ħdejja fuq il-frejgatina.

“Dan xi bniedem hu? Se nibqgħu nbaħħru sal-aħħar tad-dinja b’Kaptan iffissat bil-vendetta, u ma’ raġel li jagħmilha max-Xitan!”

Il-ħarpunist beda jmejjel rasu, għalkemm ma qal xejn. Biss malli tlajna abbord ilmaħtu jdaħħal idu fil-but u joħroġ l-idolu li kellu. Kwikweg kien inkwetat daqsi. Malli azzettajna fil-kabini tagħna, iddeċidejt li nikteb it-testment tiegħi.

***** ***** [^^^] ***** *****

5: Il-mostru tal-baħar

Issa konna fuq in-naħa tal-Grigal tal-gżejjer ta’ Ġava. Jum minnhom ilmaħt ġliba ta’ balieni qed jisparaw l-ilma fl-arja.

“Hemm hi! Hemm hi!” għajjatt.

Iċ-ċorma kollha nġabret fuq il-gverta biex josservaw, inkluż il-Kaptan Aħab. Ħares lejn id-direzzjoni fejn kont qed nipponta.

“Xejn,” lissen b’diżappunt. “Gabdolli komuni, imma m’hemmx Moby Dick magħhom. Inkomplu sejrin, m’għandniex ħin x’naħlu nikkaċċjawhom.”

U gerbu l-jiem, bil-Kaptan dejjem wieqaf fuq il-gverta, jgħarbel il-baħar. Darba minnhom ilmaħna mirkeb ieħor riesaq lejna. Kienet l-iskuna Town-Ho. Meta konna qrib, Aħab għajjat lill-kaptan tagħha.

“Rajtu l-baliena l-bajda, dik li tissejjaħ Moby Dick?” staqsieh.

“Iva,” wieġeb il-kaptan tat-Town-Ho. “Iltqajna magħha ftit inqas minn sentejn ilu... ’il barra minn Taħiti.”

Wara dan bqajna sejrin għal rasna. Iltqajna ma’ ħafna mriekeb oħra fil-ġimgħat li għaddew, imma l-ebda waħda ma setgħet tagħtina tagħrif siewi. Madankollu, tal-Jeroboam kellhom ħafna x’jgħidulna.

Il-kaptan tagħha rrakkuntalna l-esperjenza tagħhom. “Dażgur li ltqajna ma’ dak il-mostru! Fir-rebbiegħa qatlet lill-ewwel uffiċjal tiegħi, viċin il-Barriera tas-Silġ. Ilqattnieha b’żewġ ħarpuniet, imma għebet fil-qiegħ bħal leħħa ta’ berqa, u ma reġgħetx telgħet fil-wiċċ.

U għalhekk bqajna sejrin. Il-Kaptan Aħab issa qabbadna nduru lejn in-Nofsinhar, lejn il-baħar iffriżat, u wara, dan reġa’ dawwarna lejn it-Tramuntana. Konna qrib l-ibħra tal-Ġappun meta lmaħna xi ħaġa fil-baħar.

Xbieha kbira, bajda, tfaċċat f’wiċċ l-ilma fuq in-naħa tal-pruwa tal-bastiment.

“Hemm hi! Hemm hi!” beda jgħajjat wieħed mill-baħrin. “Qiegħda eżatt quddiemna! Il-baliena l-bajda! Il-baliena l-bajda!”

Minnufih niżżilna l-erba’ frejgatini fil-baħar. Il-frejgatina tal-Kaptan kienet fuq quddiem nett hekk kif bdejna nersqu lejn dik ix-xbieha kbira. Ix-xbieha għebet taħt il-baħar, u domna ftit minuti nistennewha terġa’ titla’ fil-wiċċ.

Taħt il-wiċċ tal-ilma stajna naraw, kemm kemm, massa kbira ta’ xi ħaġa roża ċara, bi speċi ta’ swaba’ twal ħerġin miċ-ċentru.

“Ix-xjafek jieħdu lil dak l-idjota li għajjat!” tenna Aħab. “Din mhix baliena!”

Hekk kif Aħab lissen dan il-kliem, tentakolu oħxon daqs il-ġisem ta’ bniedem tfaċċa minn taħt l-ilma u dar dawramejt madwar il-frejgatina tal-Kaptan. Kienet qarnita enormi. Minnufih Aħab ħataf mannara u beda jfajjarha fuq it-tentaklu bis-saħħa kollha li kellu.

“Itlaq, ja bhima!” beda jgħajjat. “M’intix se toħodli demmi u għadmi! Dawk qegħdin biss għal Moby Dick!”

Il-frejgatina bdiet titbandal ’l hawn u ’l hinn bħal biċċa sufra hekk kif baqgħet fil-ħakma tat-tentaklu. Imma Aħab baqa’ jfajjar u jfajjar bil-mannara. Aħna, li konna fuq il-frejgatini l-oħra, bqajna nħarsu ċassi. Bl-ebda mod ma stajna ngħinu l-frejgatina tal-Kaptan. Din kienet battalja personali tiegħu: jew jirbaħha, jew jitlifha.

***** ***** [^^^] ***** *****

6: Titfaċċa Moby Dick

Daqqa wara l-oħra, Aħab baqa’ jfajjar bil-mannara fuq dak it-tentaklu hekk kif beda jinbaram madwar il-frejgatina. Kien tentaklu enormi, oħxon u moqżież. Taħt l-ilma stajna naraw it-tentakli l-oħra u ras tonda kbira.

Li kieku ma kienx għall-ferneżija qawwija u l-qilla li ħakmet lil Aħab dak il-ħin, naħseb li dik il-frejgatina kienet tintilef għalkollox. Imma Aħab baqa’ jirsisti sakemm fl-aħħar it-tentaklu telaq id-dgħajsa u għeb taħt il-baħar imdemmi.

Aħab ħa nifs twil u telaq il-mannara. “Immorru lura fuq il-Pequod,” qal lill-baħrin. “Ma ġejniex hawn biex nissaraw ma’ mostru bħal dak.”

Il-baħri li kien għajjat li ra l-oġġett fil-baħar kellu denbu bejn saqajh meta Aħab reġa’ tela’ fuq il-bastiment, u kien qed jistenna xi ħasla papali mingħand il-Kaptan. Madankollu, Aħab baqa’ sieket hekk kif irħielha lejn il-kabina tiegħu. Issakkar hemm ġew u dakinhar ma rajniehx aktar.

L-għada filgħodu tfaċċa l-bastiment Rachel, u trakka magħna. Aħab ħareġ mill-kabina tiegħu biex isaqsi l-mistoqsija tas-soltu.

“Rajtu ’l Moby Dick?”

“Iva, ilbieraħ,” wieġbu l-Kaptan tar-Rachel, “U intom – rajtu frejgatina maqluba fil-baħar?”

Bi tbissima Aħab wieġbu li ma konna lmaħna l-ebda frejgatina, u stieden lill-kaptan biex jitla’ abbord. Aħab għarfu għax kien wieħed mill-baħħara minn Nantucket.

“Fejn rajtu l-baliena l-bajda? Ma qtiltuhiex, hux?” staqsa Aħab kollu ħerqan.

Il-kaptan tar-Rachel ma kienx jidher kuntent ħafna. “Meta lmaħna l-baliena niżżilna l-frejgatini tagħna u morna warajha,” beda jirrakkonta. “Il-baliena resqet lejn waħda mill-frejgatini u b’daqqa waħda ta’ denbha għamlitha frak. Il-baħrin kollha li kienu fuqha għebu fil-baħar. Wieħed minnhom kien ibni.”

Il-Pequod kompliet tbaħħar, u issa kollha kemm aħna kellna għajnejna mberrqin, nistennew li nilmħu l-baliena minn mument għall-ieħor. Qattajna jum sħiħ hekk, u l-għada ltqajna ma bastiment ieħor, id-Delight. Mingħandhom sirna nafu li Moby Dick kienet reġgħet marret għall-attakk.

“Iltqajna ma’ dik ix-xifajk ilbieraħ,” qalilna l-kaptan tad-Delight. “Kissritilna żewġ frejgatini u qatlet lil kulħadd li kien abbord.”

Minn dak il-ħin il-Kaptan Aħab intilef hekk kif intebaħ li kien qed joqrob lejn il-priża, u la seta’ jiekol u lanqas jorqod. Jien u Kwikweg domna għassa qatigħ ma’ żewġ baħrin oħra, fuq il-quċċata tal-arblu ewlieni. Kwikweg deher li kien inqabad fl-eċċitament li kien ħakem liċ-ċorma kollha. Minn ħin għall-ieħor beda joħroġ lill-idolu li kellu fil-but, Jojo, u jagħfsu ma’ sidru.

“X’qed jgħidlek l-alla tiegħek, Kwikweg?” staqsejtu jien.

Kwikweg tbissem hekk kif kixef dawk is-snien ippuntati tiegħu.

“Jojo tkellem-e ħafna-e!” qalli. “Naraw-e Moby-Dick malajr-e!”

Ma nistax ngħid kemm kien veru dak li qal Kwikweg, għax wara kollox kelli idea tajba ta’ kemm kien hemm affarijiet strambi fil-pajjiżi tal-Lvant, imma wara dik id-diskursata ma stagħġibtx meta, ftit wara, Kwikweg ġibidli l-attenzjoni lejn parti tal-baħar.

“Ħares hemm-e. Ara,” qalli.

Stagħġibt malli rajt fejn kien qed jipponta. Ħierġa minn wiċċ l-ilma kien hemm ħotba daqsiex, bajda karti daqs is-silġ. Fuq wara kien jidher denb ta’ madwar għoxrin pied, bi tliet toqbiet kbar. Fuq il-ħotba kien hemm numru ta’ ħarpuniet, miksijin bil-ħaxix tal-baħar u xi ħbula mħabblin magħhom.

Ma kellniex dubju x’kienet. Din kienet Moby Dick!

“Hemm hi!” bdejt ngħajjat, “Hemm hi! Moby Dick!”

Taħti fuq il-gverta rajt lill-Kaptan idur minnufih lejn fejn kont qed nipponta.

“Niżżlu l-frejgatini! Niżżlu l-frejgatini!”

Il-baħrin mill-ewwel ġrew lejn il-pożizzjonijiet tagħhom. Flimkien mal-ħarpunisti bdew iniżżlu l-frejgatini fl-ilma. Jien u Kwikweg tant inżilna mal-ħbula bil-għaġla li slaħna jdejna u saqajna, imma bl-eċċitament lanqas biss ħassejna l-uġigħ.

Dlonk il-frejgatini kienu kollha fl-ilma, u bdew jersqu malajr lejn il-baliena. Dik ta’ quddiem kienet naturalment tal-Kaptan. Kien wieqaf dritt fuq il-poppa, u warajh kien hemm il-Manilla Fedellaħ, bil-ħarpun tiegħu mgħolli lest.

Il-baliena kienet tidher wieqfa, b’rasha għadha taħt wiċċ l-ilma. Kollha kemm aħna bdejna nħossu qalbna tħabbat sitta sitta, hekk kif bqajna naqdfu bis-saħħa kollha li kellna u noqorbu aktar u aktar.

Fl-aħħar, kien wasal il-waqt li niġu wiċċ imb wiċċ mal-priża tagħna.

***** ***** [^^^] ***** *****

7: Żewġt itwiebet u ħabel

Ma kienx għad hemm sens ta’ periklu immedjat hekk kif bqajna noqorbu lejn il-baliena, imma kollha konna qed inħossu taħlita ta’ eċċitament u biża’ liema bħalu. Aħab ma ċċaqlaqx minn fuq il-pruwa tal-frejgatina tiegħu, wieqaf bħal statwa, bil-ħarpun f’idu.

“Gawdi x-xemx għall-aħħar darba, Moby Dick,” beda jgħajjat. “Is-siegħa tiegħek waslet u l-ħarpun għalik huwa pront. Mhijiex din is-siegħa tiegħi wkoll, xi tgħid Fedellaħ?”

Fedellaħ ta ħarsa twila lejn il-baliena u mbagħad lejn il-Kaptan fanatiku tiegħu.

“Nistennew – u nittamaw, Kaptan,” lissen bil-mod.

Hekk kif qrobna aktar lejn il-baliena, stajna naraw sew dak il-ġisem kbir, b’dawk il-ħafna ħarpuniet midfunin f’dik il-ġilda ħoxna, qalb taħbila waħda ta’ ħbula mdawrin mal-annimal. Kull mossa li l-baliena kienet tagħmel, il-ħarpuniet bdew jiġbdu l-laħam u joħolqu ġrieħi friski fuq ġisimha.

F’daqqa waħda l-baħar imtela bir-ragħwa hekk kif il-baliena tat skoss qawwi. Il-ħlejqa għoliet minn wiċċ l-ilma u għamlet arkata ta’ madwar tmenin pied qabel ma reġgħet għodsot minn rasha fl-ilma.

Aħab infexx f’għajta ta’ korla. “Elf saħta fuqha! Se togħdos, ja xifajk li hi! Se togħdos!”

Denb il-baliena għola fl-arja għal ftit sekondi, u mument wara għeb għalkollox taħt wiċċ l-ilma. Il-frejgatini tagħna qorbu lejn il-post fejn il-baliena għebet taħt il-baħar, u f’dak l-ilma ċar stajna naraw il-forma enormi tagħha. Aħab waddab il-ħarpun tiegħu f’qiegħ id-dgħajsa.

“Telqet! Imma terġa’ tiġi. Oqogħdu fuq kliemi, terġa’ tiġi żgur mhux forsi. Jiena nafha, lil dik ix-xitan. Żommu sod mal-imqadef u għajnejkom imberrqin!”

Għal ftit mumenti kien hemm kalma sħiħa fuq wiċċ il-baħar, u l-mewġ beda jleqq taħt ix-xemx tisreġ. Iżda f’daqqa waħda l-ilma żbroffa bħal splużjoni u feġġet Moby Dick, tiġri bħal vleġġa lejn il-frejgatina tal-Kaptan Aħab, ħalqha miftuħ beraħ b’filliera ta’ snien bojod u mgħawġin.

Il-baħrin bdew jaqdfu lura hekk kif Aħab għajjat għajta u ħataf il-ħarpun.

Il-ħalq enormi nfetaħ aktar u għal ftit sekondi stħajjilna qegħdin inħarsu ġo għar mudlam qisu qabar tal-irħam. Il-ħalq ingħalaq f’nofs il-frejgatina b’ħoss itarrax ta’ injam qed jinqasam u l-għajjat ta’ paniku tal-baħrin.

Il-frejgatina nqasmet min-nofs u l-baħrin kollha spiċċaw fl-ilma. Lil Aħab ma rajniehx aktar. Għall-ewwel Moby Dick dehret qed titbiegħed, imma f’daqqa waħda daret dawramejt u reġgħet bdiet tersaq lejn il-baħrin li kienu fl-ilma. F’dak il-mument ras Aħab tfaċċat f’wiċċ l-ilma, u l-frejgatini l-oħra bdew jaqdfu kollha f’salt lejh b’qilla kbira.

Sadattant il-baħrin li kienu għadhom fuq il-Pequod kienu raw x’kien qed jiġri, u l-bastiment, bil-qlugħ kollha miftuħin, kien qed itellaq lejn il-baliena. Il-pruwa tal-Pequod kienet ippuntata u miksija bi pjanċi tal-metall, u hekk kif il-baliena kienet kważi se tilħaq lill-baħrin fl-ilma, il-bastiment laqatha bil-qawwa kollha tiegħu. Għal darb’oħra, il-baliena għodsot taħt l-ilma.

Irnexxielna ntellgħu lill-baħrin mill-ilma fuq il-frejgatini l-oħra. Jiena stess tellajt lill-Kaptan, u ntbaħt li r-riġel tal-avorju li kellu kien tkisser, u minnu issa kien baqa’ biss xi ftit skald. Il-Kaptan kien mitluf f’rabja liema bħalha hekk kif għennieh jitla’ abbord il-Pequod.

“Reġgħet rebħitli, dik il-mingħul!” beda jgerger. “Imma ħinek se jiġi dalwaqt, Moby Dick, anki jekk hemm bżonn immut jien miegħek! Xi tgħid, Fedellaħ?”

U Fedellaħ wieġbu, “Qabel ma tmut f’dawn l-ibħra, se tara żewġ twiebet oħra f’wiċċ il-baħar, Kaptan. Wieħed minnhom ma jkunx magħmul mill-bnedmin. U l-injam tal-ieħor ikun minn siġar li kibru l-Amerka.”

Malli sema’ dan Aħab infaqa’ jidħaq. “Ħa! M’iniex se nara ħaġa bħal dik! M’għandekx xi profezija oħra għalija?”

Fedellaħ kompla: “Qabel ma tmut inti, jien inkun mitt diġà – u bħala mejjet jiena se nidhirlek. U l-aħħar ħaġa: ħabel huwa biżżejjed għalik biex tmut.”

“Mela ma jien se mmut qatt!” wieġeb Aħab. “Żgur mhux se nispiċċa mgħallaq fuq forka.” U dar lejn il-baħrin. “Erġgħu niżżlu l-frejgatini. Il-battalja tiegħi ma’ Moby Dick għadha mhix lesta!”

***** ***** [^^^] ***** *****

8: Jibda l-aħħar dwell

Għalkemm Aħab ħa kliem Fedellaħ biċ-ċajt, jien ħassejt tkexkixa meta smajtu jgħidu, u stajt nara li anki l-kumplament taċ-ċorma ma ħadux gost b’dak li semgħu.

Moby Dick feġġet madwar nofs mil ’il bogħod malli Aħab ordna li jerġgħu jitniżżlu l-frejgatini.

“La tibżgħux, nies,” għajjat Aħab. “Se naqbduha. L-ebda mostru mill-abbiss ma jista’ għalina! Issa aqdfu kemm tifilħu. Se nipprova naqbadha minn quddiem.”

L-istrateġija ta’ Aħab ma kenitx bla sens. Għajnejn il-baliena jinsabu fuq il-ġenb u ħafna lura minn geddumha, għalhekk m’għandhiex viżjoni tajba ta’ dak li jkun hemm eżatt quddiemha. Il-baliena bdiet riesqa lejna b’għaġla kbira.

Kienet dehra tal-għaġeb. L-ebda baliena oħra ma qatt beżżgħetni, imma ħassejt li Moby Dick kellha xi ħaġa kważi sopranaturali, u d-dehra tagħha kienet tkexkixni.

Il-frejgatina ta’ Aħab kienet eżatt quddiemha, u l-Kaptan kien wieqaf pront bil-ħarpun lest għaliha. Iżda milli jidher, il-baliena lemħet xi waħda mill-frejgatini l-oħrajn mill-ġenb, għaliex daret ħesrem u bdiet riesqa lejn il-frejgatina tagħna. Kwikweg tefa’ l-ħarpun tiegħu fil-pront, u rajtu jidħol dritt fil-ġilda ħoxna tal-baliena. Imma sekonda wara ħassejtni nogħla fl-arja u wara naqa’ fl-ilma u ninżel fil-fond.

Bdejt naqdef bħal miġnun b’dirgħajha u b’riġlejja biex infittex nitla’ fil-wiċċ. Malli rasi ħarġet mill-ilma lmaħt il-baliena xi għoxrin pied ’il bogħod minni.

Smajt għajta ħarxa u rajt il-frejgatina tal-Kaptan. Rajtu jdaħħal il-ħarpun tiegħu fil-ġenb tal-baliena. “Mut, Moby Dick! Mut!” beda jwerżaq.

Għal ftit sekondi immaġinajt li fl-aħħar il-Kaptan Aħab kien irnexxielu fl-iskop tiegħu, għax rajt il-baliena tgħib qalb mewġ u ragħwa.

Imma kienet ferħa bla temma, għax il-baliena reġgħet tfaċċat minnufih. Il-frejgatina ta’ Aħab ma kellha l-ebda ċans twarrab min-nofs, għax Moby Dick laqtitha bil-qawwa b’geddumha u tajritha fl-arja. Il-baħrin għolew kollha fl-arja u waqgħu sparpaljati fl-ilma. Il-baliena reġgħet għebet taħt l-ilma mqalleb.

Il-frejgatina tal-Kaptan ma dehritx aktar, u stajt nara biss l-irjus ta’ ħafna baħrin fl-istess kundizzjoni tiegħi – jissaraw biex jibqgħu f’wiċċ l-ilma. Il-Pequod resqet lejna biex tibda tiġborna abbord.

Malli konna abbord, Aħab ordna lil Starbuck biex jiġbor lil kulħadd fuq il-gverta ħalli jara kienx intilef xi ħadd. Il-baħrin kienu kollha hemm, minbarra wieħed.

“Min?” staqsa Aħab.

“Fedellaħ,” wieġeb Starbuck. “Qed nassumi li qatlitu Moby Dick.”

Aħab deher imbellah hekk kif irħielha lejn il-parti għolja fuq il-poppa tal-bastiment.

Ftit anqas minn tletin minuta wara, fil-baħar ilmaħt dehra li kexkxitni. “Alla magħna! Ħarsu ’l hemm! Ħarsu ’l hemm!” għajjatt b’ħanqa fi griżmejja.

Kulħadd dar ’il fejn ippuntajt. Il-baliena kienet reġgħet telgħet f’wiċċ l-ilma, bil-ħarpuniet u l-ħbula mħabblin ma’ ġisimha. U maqbud f’dawk il-ħbula kien hemm il-ġisem ta’ Fedellaħ!

“Il-profezija,” lissen Aħab, mistagħġeb. “Il-profezija ta’ Fedellaħ... nerġa’ narah, u f’tebut, imma tebut mhux magħmul mill-bnedmin!”

***** ***** [^^^] ***** *****

9: L-aħħar profeziji

Bqajna nħarsu mbellhin lejn dak il-ġisem marbut mal-baliena. Ħadd ma kellu s-saħħa jgħid xi ħaġa. Imma kollha kemm aħna fhimna dak li qal il-Kaptan. It-“tebut mhux magħmul mill-bnedmin” kienet Moby Dick stess. It-tebut l-ieħor li kien semma’ Fedellaħ kellu jkun magħmul minn siġar li kibru fl-Amerka. Imma dan x’kien ifisser eżatt? U jekk l-ewwel profezija ta’ Fedellaħ seħħet tassew, il-profeziji l-oħra kienu se jiġru wkoll?

Issa kien baqgħalna frejgatina waħda biss, imma Aħab kien għadu mhux lest, u beda jħeġġeġ liċ-ċorma biex tkompli xogħolha.

“Din il-biċċa trid tispiċċa llum,” lissen b’leħen sod. “Niżżlu l-frejgatina!”

Jiena bqajt fuq il-gverta tal-Pequod hekk kif Aħab u xi baħrin oħra niżlu mal-frejgatina u ppuntaw lejn il-lok fejn rajna l-baliena l-aħħar, b’Fedellaħ marbut magħha. Aħab beda jgħajjat u r-riħ wasslilna dak li kien qiegħed jgħid:

“Nisfidak, Moby Dick! Qabel ma mmut għandi nara tebut magħmul minn siġar tal-Amerka. U hawn m’hawn l-ebda tebut u m’hawn l-ebda siġra!”

F’daqqa waħda leħnu ntefa hekk kif instema’ ħoss aktar qawwi: iċ-ċafċif tal-ilma madwar id-dgħajsa kif tfaċċat Moby Dick, eżatt maġenbha.

Aħab dar lejn il-qaddiefa, “Ibqgħu hemm! Żommu l-moqdief! Intom id-dirgħajn u r-riġlejn tiegħi, issa! Min minnkom jazzarda jaħrab noqtlu jien b’dan il-ħarpun! Ibqgħu mal-moqdief, ja qatta beżżiegħa!”

Jista’ jkun li l-baliena kienet għajjiena minħabba l-feriti li kellha – jew forsi kienet sempliċi makakkerija tagħha – imma baqgħet wieqfa u ħalliet il-frejgatina timxi tul il-ġenb tagħha. Aħab għolla l-ħarpun...

“Din hija l-vendetta tiegħi!” għajjat.

Il-ħarpun niżel b’qawwa kbira u nifed il-ġenb tal-baliena. Moby Dick bdiet titkagħweġ bl-uġigħ u d-denb enormi tagħha tajjar lill-frejgatina. Din inqasmet bħall-qoxra ta’ bajda imma, b’xi mod jew ieħor, baqgħet fuq wiċċ l-ilma. Tliet qaddiefa spiċċaw fl-ilma, imma Aħab irnexxielu jibqa’ wieqaf hekk kif il-baliena tbiegħdet minn mal-frejgatina b’għaġla kbira. F’ħin minnhom, il-ħabel marbut mal-ħarpun tqaċċat.

Issa Moby Dick daret lejn il-Pequod. Rajnieha riesqa dritt lejna. Ħassejna skoss qawwi hekk kif ras il-baliena ħabtet mal-ġenb tal-bastiment, ftit ’l isfel minn wiċċ l-ilma. Il-ħoss li għamel il-bastiment mad-daqqa kien tal-biża’.

Id-daqqa sabbtitni mal-gverta qalb l-injam imfarrak u l-ilma li beda dieħel. Il-Pequod damet titbandal qabel ma reġgħet azzettat. Imma mill-ewwel stajt inħoss li l-bastiment kien nieżel bil-qajla, u bħal leħħa ta’ berqa ġietni quddiem għajnejja t-tieni profezija ta’ Fedellaħ: tebut magħmul mill-injam ta’ siġar li kibru l-Amerka... it-tieni tebut kien il-Pequod stess!

Qalb dak il-paniku u l-istorbju kollu xorta stajt nisma’ l-għajjat u l-insulti li Aħab kien qiegħed jixħet fuq il-baliena:

“Ja mostru qerriedi! Sal-aħħar se nibqa’ nissara miegħek! F’ġieħ il-mibegħda li għandi lejk nobżoq fuqek l-aħħar nifs ta’ ħajti!”

B’dan il-kliem, Aħab tefa’ l-ħarpun, u laqat lill-baliena f’punt fatali. Il-baliena tbiegħdet minn mal-frejgatina, u ġibdet magħha l-ħabel marbut mal-ħarpun. F’dak il-mument, il-ħabel iddawwar ma’ sieq il-Kaptan, u ġibdu miegħu għal ġol-ilma.

Fl-aħħar mumenti ta’ ħajjitha, Moby Dick bdiet iddur u ddur u tinżel aktar fil-fond, bil-ħabel tal-ħarpun jiddawwar magħha. Fl-aħħar, Aħab spiċċa marsus mal-baliena minn għonqu, minn sidru u minn riġlejh. Ma kienx hemm mod li l-Kaptan seta’ jaħrab minn dik il-morsa.

Hekk kif rajt dan kollu jiġri quddiemi, ftakart fl-aħħar profezija ta’ Fedellaħ: kellu jkun ħabel biex joqtol lill-Kaptan Aħab!

Ftit sekondi wara, Moby Dick, b’dawk l-iġsma marbutin magħha, għebet f’qiegħ il-baħar għall-aħħar darba. Il-mostru kien miet, u kien ħa miegħu dak il-bniedem li kien ħalef tant li joqtlu.

Il-Pequod ma damx ħafna fil-wiċċ. Il-bastiment ukoll, f’qasir żmien, għeb taħt il-baħar.

Jien biss salvajt. Il-baħrin l-oħra kollha kienu għerqu, inkluż il-ħabib tiegħi Kwikweg. Ftit żmien wara ġabarni mirkeb Ċiniż minn qalb it-tifrik li kien baqa’ f’wiċċ l-ilma.

***** ***** TMIEM ***** *****
***** ***** [^^^] ***** *****

Noti

Frejgatina: Dgħajsa mdaqqsa li l-baħrin kienu jużaw biex joqorbu lejn il-balieni ħalli jkunu jistgħu jaqbduhom bil-ħarpuniet. [Lura]

Ġliba: Grupp ta’ ħut jew balieni flimkien. [Lura]

Gerlin: Ħabel oħxon li jintuża mal-ankra ta’ xini jew vapur, jew ma’ bollard (biex jorbot il-vapur max-xatt). [Lura]

Kassru tal-pruwa: Parti li tkun fuq quddiem (pruwa) tal-bastiment, fejn joqogħdu u jorqdu l-baħrin. [Lura]

Manilla: Mir-reġjun ta’ New South Wales, l-Awstralja. [Lura]

Nantucket: Gżira li tagħmel parti mill-istat ta’ Massachusetts, fl-Istati Uniti, u li fi żmien din l-istorja kienet tiddependi ħafna fuq l-industrija tal-kaċċa tal-balieni. [Lura]

New Bedford: Belt u port, ukoll fl-istat ta’ Massachusetts. Fil-bidu tad-dsatax-il seklu kien wieħed mill-aktar portijiet importanti għall-kaċċa tal-balieni. [Lura]

Pied: Kejl Ingliż/Amerikan li huwa daqs madwar 30 ċm. [Lura]

Poppa: In-naħa ta’ wara ta’ dgħajsa jew bastiment. [Lura]

Skuna: Biċċa tal-baħar żgħira, b’żewġt arbli u iżgħar minn bastiment. [Lura]

Tmun: Il-parti fil-poppa ta’ dgħajsa jew bastiment li biha titbiddel id-direzzjoni tal-mirkeb. [Lura]

***** ***** [^^^] ***** *****