Ir-Raġel l-Inviżibbli

H. G. Wells (Ingliż, 1866-1946)
Madwar 5,000 kelma
Adattament: Norman C. Borg
Qari tal-provi: Therese Vella
© Norman C. Borg

1: L-Istranġier fil-Lukanda | 2: Iż-Żjara tal-Arluġġar | 3: Il-Bagalji tal-Istranġier | 4: Iż-Żjara tat-Tabib | 5: Serqa Għand il-Vigarju | 6: L-Għamara Tiġġennen | 7: Bla Ras! | 8: Il-Ħarba | 9: Is-Sur Thomas Marvel | 10: Ieqaf, Ħalliel! | 11: Ir-Raġel li Kien Qed Jiġri | 12. Ir-Raġel l-Inviżibbli Jitlef il-Boxxla | 13. Żjara lil Dr. Kemp | 14: L-Istorja tar-Raġel l-Inviżibbli | 15: L-Esperimenti ta’ Griffin | 16: Il-Pjan li Falla | 17: Jinkixef il-Pjan | 18: Ir-Renju tat-Terrur | 19: Il-Kaċċa

***** ***** ***** ***** *****

1: L-Istranġier fil-Lukanda

L-istranġier ġie fil-lukanda Coach and Horses, fir-raħal żgħir ta’ Iping, f’jum xitwi fi Frar, qalb il-borra u f’riħ ixoqq il-għadam. Qasam l-għelieqi bil-mixi mill-istazzjon ta’ Bramblehurst, iġorr miegħu bagalja mdaqqsa tas-safar. Kien imgeżwer f’kowt oħxon bl-għonq imtella’ ’l fuq sa rasu, li kienet mgħottija b’kappell kbir. Kien liebes par ingwanti ħoxnin u par buz twil sa taħt il-kowt. L-unika parti li kienet tidher minn ġismu kollu kienet il-ponta ta’ mnieħer aħmar bil-kesħa.

Daħal jiġri mill-bieb, sabbat il-bagalja mal-art u ħabbat fuq il-bank. “Fuklar! Fuklar, f’ġieħ il-qaddisin!” għajjat, hekk kif xeħet xi muniti fuq il-bank.

Is-Sinjura Hall, sidt il-lukanda, minnufih ġriet fis-sala tal-mistednin, xegħlet il-fuklar, u marret biex tipprepara ikla sħuna lill-klijent il-ġdid. Klijent fix-xitwa dejjem kien merħba bih, speċjalment la seta’ jħallas bil-quddiem.

Malli rat li l-ikel fuq in-nar kien qed isir, marret lura fis-sala tal-mistednin. Għalkemm in-nar kien qed jaqbad qawwi, rat li l-istranġier kien baqa’ liebes il-kowt imxarrab u l-kappell. Kien qiegħed bilwieqfa quddiem tieqa, iħares ’il barra, dahru lejha.

“Tridni noħodlok il-kowt u l-kappell, sinjur,” staqsietu, “u nonxorhomlok fil-kċina?”

“Le,” wieġeb ir-raġel. “Nippreferi nħallihom fuqi.”

Is-Sinjura Hall osservat ukoll li kien liebes nuċċali wiesa’ bil-ġnub mgħottijin ukoll, u kellu mustaċċi folti. Lestiet il-mejda, u dlonk ġabitlu platt bajd u bejken. Intebħet li kienet insiet il-mustarda; għalhekk marret lura fil-kċina.

Meta ġiet lura, sabet lir-raġel qed iżomm is-sarvetta l-bajda ma’ ħalqu. Rat li ġbinu kien kollu miksi b’faxex, u kien jidher biss imnieħru. Xagħar iswed, kollu mħabbel, kien ħiereġ minn bejn il-faxex madwar rasu.

Id-dehra tiegħu tant laqtet lis-Sinjura Hall li ħasbet li l-povru raġel kellu xi inċident. Lanqas l-ingwanti ma neża’ biex jiekol! Ħwejġu ta’ fuq sabithom qed jinxfu fuq dahar siġġu maġenb il-fuklar. Qabdet il-kowt u l-buz u ħarġet bil-għaġla barra mill-kamra.

“Kemm beżżgħuni dawk il-faxex,” qalet lill-koka fil-kċina. “U dak in-nuċċali! Kien aktar qisu bugħaddas milli bniedem normali!”

***** ***** **^** ***** *****

2: Iż-Żjara tal-Arluġġar

Filgħaxija wasal l-arluġġar biex idur l-arloġġi tal-lukanda, u s-Sinjura Hall ħaditu fis-sala tal-mistednin.

L-istranġier kien hemm, bilqiegħda fuq pultruna fir-rokna maġenb il-fuklar. Il-kumplament tal-kamra kienet imdallma, u mimlija dellijiet. Meta ħarset lejn l-istranġier, is-Sinjura Hall għal mument stħajlet li r-raġel kellu ħalq enormi miftuħ beraħ imma mingħajr geddum.

F’dak il-mument qam bilwieqfa u geżwer ix-xall ma’ wiċċu. Ma ħasbitx aktar fuq x’rat hekk kif qatgħetha li kienu biss id-dellijiet.

“Jimporta jekk l-arluġġar jara ftit l-arloġġ?” staqsiet.

“Jiena ħsibt li dan kien post privat,” lissen l-istranġier b’leħen żorr. “Għandi xogħol importanti x’nagħmel, u barra minn hekk għandi vista dgħajfa, u xi kultant ikolli naħdem fid-dlam.”

Is-Sinjura Hall skużat ruħha u wegħditu li tagħtih iċ-ċavetta tal-kamra tiegħu.

“Tkun tista’ ġġibli l-kumplament tal-bagalji tiegħi mill-istazzjon għada?” staqsieha.

Is-Sinjura Hall qaltlu iva, imma meta offriet li tgħinu bil-faxex, l-istranġier irrifjutaha.

Meta l-arluġġar mar lura r-raħal, igerger, iltaqa’ mas-Sur Hall. “Kemm għandek klijent stramb fil-lukanda,” qallu. “Qisu ma jridx juri min hu, kollu mgeżwer!”

Meta s-Sur Hall staqsa lis-Sinjura Hall dwaru, din irrabjat. “Dawk affarijiet tiegħi. Mhux jien qed immexxi l-lukanda?” qaltlu.

Madankollu dak il-lejl is-Sinjura Hall stenbħet b’ħasda mir-raqda tagħha. Ħolmot li ġidra kbira, b’żewġ toqob kbar u fondi bħala għajnejn, kienet qed ittir warajha. Qatgħetha li kienet biss ħolma u ma kellhiex għalfejn tinkwieta, u malajr reġgħet raqdet.

***** ***** **^** ***** *****

3: Il-Bagalji tal-Istranġier

L-għada filgħodu wasal karettun mill-istazzjon bil-bagalji tal-istranġier. Kien hemm kaxxa mimlija kotba, u xi kaxxi oħrajn mimlijin bi fliexken tal-ħġieġ, ippakkjati fit-tiben. Is-Sur Hall qagħad jifli l-kaxxi b’ċerta kurżità.

F’dak il-waqt feġġ l-istranġier, bħas-soltu, kollu mgħotti minn rasu sa saqajh. “Ejjew, b’dawk il-kaxxi! Ħaffu!” lissen hekk kif poġġa idu fuq waħda mill-kaxxi.

Il-kelb li kien ma’ sewwieq il-karettun beda jiġri madwar il-kaxxi. Malli lemaħ lill-istranġier ħa l-qagħda ta’ kelb imdiehex u beda jingħi. F’daqqa waħda, qomos lejn id l-istranġier u pprova jaħtfu mill-ingwanta. Ma kkalkulax sew, u minflok ċarratlu parti mill-qalziet.

Is-sewwieq tal-karettun faqqa’ l-frosta lejn il-kelb. L-istranġier minnufih eżamina t-tiċrita fil-qalziet u lebbet bil-ġirja għal ġol-lukanda u dritt fuq, f’kamartu. Is-Sur Hall tela’ warajh biex jara setax jgħinu. Billi l-bieb tal-kamra kien miftuħ, baqa’ dieħel. Il-purtieri kienu magħluqin, u ma kienx hemm ħafna dawl. Kulma s-Sur Hall ra ta’ malajr kien driegħ mingħajr id jixxejjer lejh. F’daqqa waħda ħass xi ħaġa taqbdu minn għonqu u timbuttah barra mill-kamra.

Isfel, barra l-lukanda, is-sewwieq kien qiegħed isalli, il-kelb kien qiegħed jinbaħ bla waqfien, u n-nies fit-triq kienu qed iħarsu mbellhin lejn dak li kien qiegħed jiġri.

Is-Sur Hall, mistagħġeb u konfuż, niżel it-taraġ bil-qajla. Malli ħareġ barra, qal biss, “Ma jridx għajnuna. Aħjar iddaħħlulu l-bagalji ġewwa.”

L-istranġier qatta’ l-waranofsinhar joħroġ fliexken ta’ kull daqs u għamla mill-kaxxi. Xi ftit minnhom kienu mimlijin b’likwidi ta’ kull lewn. Oħrajn kien fihom qishom kristalli. Barra mill-kotba, l-affarijiet l-oħra li ħareġ kienu xi tubi tat-testijiet kimiċi u miżien.

Issa kullimkien kien mimli tiben, u meta s-Sinjura Hall gergret dwar dan, l-istranġier għajjat bir-rabja, “Żidu mal-kont! Żidu mal-kont!”

Wara dan ingħalaq f’kamartu, u xi kultant kien jinstema’ xi ħġieġ jitkisser, u l-istranġier jgħajjat, “Mhu se jirnexxili qatt! Dan se joħodli ħajti kollha! Ma nistax nibqa’ sejjer hekk!”

***** ***** **^** ***** *****

4: Iż-Żjara tat-Tabib

Għal żmien twil l-istranġier baqa’ misteru. Kien joħroġ biss matul il-lejl. Bdiewa li kienu jibqgħu jaħdmu tard u kienu jmorru lura darhom fid-dlam kienu jieħdu qatgħa meta kien jitfaċċa b’dak in-nuċċali stramb tiegħu u kollu mgeżwer fil-kowt.

Ħadd ma kien jaf x’kien xogħlu. Is-Sinjura Hall kienet tgħid li kien ‘jiskopri l-affarijiet’. Xi nies qalu li kien qed jistaħba mill-pulizija, xi oħrajn kienu jgħidu li kien xi anarkiku u li kien jagħmel il-bombi. Il-parti l-kbira tan-nies kienu jaħsbu li ma kienx perikoluż u li kien sempliċement miġnun. It-tfal ħolqu kantaliena dwaru, “Ara ġej il-babaw!”

Cuss, it-tabib tar-raħal biss kellu l-kuraġġ imur iżuru, l-aktar għax kellu kurżità kbira dwar il-faxex u l-esperimenti li l-istranġier kien qiegħed jagħmel. Imma ħareġ mill-kamra aktar mgħaġġel milli daħal, ċass u abjad karti. U malli ħareġ mil-lukanda mar dritt għand il-vigarju li kien joqgħod ftit aktar ’il fuq fl-istess triq. Sadattant is-Sinjura Hall setgħet tisma’ lill-istranġier jidħaq f’kamartu.

Għand il-vigarju, it-tabib talab x’jixrob xi ħaġa qawwija. Beda jirtogħod hekk kif ipprova jispjega lir-Reverendu Bunting x’ġara fil-lukanda. Irrakkonta dwar xi swaba’ inviżibbli, li ħarġu minn ġo komma ta’ ġlekk vojta, u qabdulu mnieħru!

“Storja interessanti,” lissen il-vigarju, li fil-fatt ma kienx jaf x’jaqbad jgħid.

***** ***** **^** ***** *****

5: Serqa Għand il-Vigarju

Xi lejl wara, il-mara tar-Reverendu Bunting qamet b’ħasda. Dehrilha li semgħet bieb jinfetaħ u jingħalaq f’xi kamra isfel. Wara ftit semgħet il-ħoss ta’ saqajn ħafjin mixjin tul il-kurutur. Qajmet lir-raġel, u dan mar f’tarf it-taraġ biex jittawwal isfel.

Issa beda jisma’ xi tgemgim u ċaqliq ta’ affarijiet. Ħataf seffud tan-nar u niżel it-taraġ inkiss inkiss. Seta’ jara dawl inemnem ħiereġ mill-uffiċċju. Resaq aktar qrib, u ra kexxun tal-iskrivanija miftuħ u xemgħa tixgħel. Imma ma kien jidher ħadd.

Ftit wara sema’ wkoll iċ-ċekċik tal-flus. Għolla s-seffud fl-arja, u daħal jiġri fl-uffiċċju. “Qbadtek, ja ħalliel!” għajjat. Imma fl-uffiċċju ma kien hemm ħadd.

Il-vigarju u martu bdew iduru l-kamra kollha u jfittxu kullimkien: taħt l-iskrivanija, fiċ-ċumnija – imma ma raw lil ħadd.

F’daqqa waħda semgħu għatisa qawwija fil-kurutur. Lemħu l-bieb ta’ barra jinfetaħ u jingħalaq waħdu, mingħajr ma daħal jew ħareġ ħadd.

“Tal-għaġeb! Tassew tal-għaġeb!” lissen il-vigarju għall-għoxrin darba.

***** ***** **^** ***** *****

6: L-Għamara Tiġġennen

Dik l-istess għodwa s-Sinjur u s-Sinjura Hall qamu kmieni għax kellhom jistivaw il-kaxxi tal-birra fil-kantina. Is-Sur Hall intebaħ li l-bieb tal-kamra tal-istranġier kien imbexxaq, u l-faxex u l-ħwejjeġ tiegħu kienu mferrxin ma’ kullimkien.

“Mhux qiegħed f’kamartu,” qal. “Fejn mar mingħajr ħwejġu?”

F’dak il-waqt infetaħ il-bieb ta’ barra u reġa’ ngħalaq b’sabta. Semgħu għatisa qawwija. Reġgħu daħlu fil-kamra tal-istranġier, u qam pandemonju sħiħ. Il-friex tar minn fuq is-sodda għal fuq is-Sinjura Hall. Il-kappell tal-istranġier tar fl-arja u wara għal wiċċha. Is-siġġu għolla saqajh ta’ quddiem, u b’ta’ wara beda miexi lejha. It-tnejn daru u ħarġu ’il barra minn hemm. Il-bieb instabat magħluq warajhom.

“L-iħirsa!” għajtet imwerwra. “Qrajt fuqhom fil-gazzetti. Siġġijiet u mwejjed jiżfnu u jtiru!”

Dak il-ħin, bieb il-kamra reġa’ nfetaħ, u raw lill-istranġier, kollu mgeżwer f’faxex u liebes il-kappell u n-nuċċali. “Morru għand ix-xjafek!” għajjat, u sabbat il-bieb ma’ wiċċhom.

***** ***** **^** ***** *****

7: Bla Ras!

Barra kienet ġurnata sabiħa, u billi kien jum il-fiera, kien hemm folla nies akbar mis-soltu. Kien hemm kotba għall-bejgħ, logħob tal-isparar, u ħafna ħelu u ikel ieħor. Ħafna bnadar u pavaljuni kienu mdendlin tul it-triq kollha.

Sadattant, l-istranġier baqa’ msakkar f’kamartu fil-lukanda, jilgħab bil-fliexken u l-esperimenti tiegħu.

F’nofsinhar il-bieb tal-kamra nfetaħ u l-istranġier sejjaħ lis-Sinjura Hall. Il-mara tfaċċat b’gabarrè f’idejha.

“Fejn hu l-l-ikel?” staqsa l-istranġier bil-ħatfa.

“Ma tistax tippretendi l-kolazzjon meta ilek ma tħallas il-kont ħamest ijiem!”

“Ma nistax nagħmel mod ieħor la l-fondi għadhom ma waslulix. Ħalli nara għadx baqagħli xi ħaġa fil-but ...”

“Ilbieraħ għidtli li ma kellek xejn għajr ftit xelini!” lissnet is-Sinjura Hall b’leħen sod.

“Sibt ftit oħra,” wieġeb l-istranġier.

“U fejn sibthom?” staqsiet is-Sinjura Hall. “U qabel ma naqdik aktar irrid spjegazzjoni! X’għamilt bl-għamara tiegħi f’kamartek? U kif ma kontx hemm, ilbieraħ? U kif erġajt dħalt? U rrid inkun naf – “

“ISKOT!” għajjat l-istranġier, b’tant qilla li ssummat minnufih. “Mela ħalli nurik! Jien kolli qiegħed hawn – imma jien inviżibbli!”

Tella’ idu ma’ wiċċu u poġġa xi ħaġa f’id is-Sinjura Hall. Dik werżqet hekk kif rat li kien l-imnieħer ir-roża, u bil-qatgħa tefgħetu mal-art. F’nofs wiċċ l-istranġier issa kien hemm biss ħofra, u xejn aktar! Ħataf in-nuċċali, u tefgħu mal-art. Minflok għajnejn, kien hemm biss żewġ ħofor fondi. U mbagħad neħħa l-kappell, u l-mustaċċi. Wara dan beda jħoll il-faxex li kienu madwar rasu. Hekk kif il-faxex waqgħu mal-art, ma beda jidher xejn taħthom, sakemm fl-aħħar kien hemm vojt minn għonq ir-raġel ‘il fuq. Għalkemm baqgħet tisma’ t-tgergir, ir-raġel kien kompletament bla ras!

Is-Sinjura Hall werżqet twerżiqa twila u lebbtet mill-bieb ’il barra.

***** ***** **^** ***** *****

8: Il-Ħarba

Barra fit-triq, kulħadd inġabar biex jara x’kien inqala’. F’ħin minnhom tfaċċa s-Sur Hall mal-Kuntistabbli Jaffers. Kellu f’idu par manetti u permess ta’ arrest. Malli daħlu fil-lukanda sabu lill-istranġier fis-sala tal-mistednin, bilqiegħda fuq pultruna jnaqqar biċċa ħobż b’id waħda u biċċa ġobna bl-oħra, it-tnejn bl-ingwanti.

“Ibqgħu lura!” għajjat hekk kif qam minn postu.

Is-Sur Hall u Jaffers ippruvaw jaħtfu lill-istranġier. Dan ipprova jirreżisti, u t-tlieta fl-aħħar spiċċaw jissaraw mal-art.

Fl-aħħar leħen l-istranġier instema’ jgħajjat, “Inċedi! Inċedi!”

Il-kuntistabbli ħareġ il-permess. “Narrestak talli dħalt f’dar u sraqt xi flus!”

“M’hemmx manetti,” lissnet il-vuċi tal-istranġier mill-imkien.

“Imma dawk huma r-regoli ...” beda l-kuntistabbli.

F’daqqa waħda, l-istranġier qagħad bilqiegħda u tajjar il-papoċċ, u neża’ l-kalzetti u l-qalziet. Wara dan, qam bilwieqfa u neħħa l-kowt.

“Ieqaf!” għajjat il-kuntistabbli. “Jekk jinża’ kollox ...”

Imma kien diġà tard wisq. Issa kienet tidher biss qmis ittir fl-arja!

“Attenti! Żommuh! Żommuh! Agħlqu l-bieb!”

Imma l-istranġier kien laħaq għosfor.

***** ***** **^** ***** *****

9: Is-Sur Thomas Marvel

Fuq xi għoljiet madwar mil ’il bogħod, il-ħajbu Thomas Marvel kien bilqiegħda fil-ġenb tat-triq. Is-Sur Marvel kien qasir u kemxejn imbaċċaċ, wiċċu roża u b’leħja twila. Kellu kappell imqatta’ fuq rasu, u ma’ saqajh par kalzetti mtaqqbin, bis-swaba’ ħerġin minnhom. Kellu quddiemu żewġ pari żraben – it-tnejn imkagħbrin – u kien qiegħed jipprova jiddeċiedi liema jilbes minnhom.

“Għall-inqas huma bwiez!” instema’ leħen jgħid minn warajh.

“Bwiez tal-karità,” lissen Thomas b’ċertu diżgust, “u m’hemmx wieħed isbaħ mill-ieħor!”

Dar biex iħares lejn iż-żarbun ta’ min kien kellmu warajh, imma ma ra la l-persuna u lanqas iż-żarbun.

“Fejn qiegħed?” staqsa. Ma seta’ jara xejn warajh għajr il-ħaxix jiżfen maż-żiffa.

Beda jitħasseb. “Qed nitkellem miegħi nnifsi?”

“Tiħux qatgħa,” lissnet il-Vuċi.

“Inti midfun?” staqsa Thomas, issa b’leħen jirtogħod.

“Qed taħseb li jien sempliċement parti mill-immaġinazzjoni tiegħek?” staqsiet il-Vuċi. Mument wara żewġ żrariet tfaċċaw mill-imkien u għaddew minn ħdejn ras Thomas.

“Issa se tisma’?” reġgħet il-Vuċi.

Il-ħajbu mejjel rasu, imma ma kellux il-ħila jitniffes.

“Jiena sempliċement bniedem bħalek, solidu, bil-ġuħ, bil-għatx, u mingħajr ħwejjeġ. Biss, jien inviżibbli,” kompliet il-Vuċi.

Id inviżibbli ħatfet lil Thomas mill-polz. Thomas baqa’ mbellah.

“Speċi ta’ fatat, hux?” lissen b’leħnu għadu jirtogħod.

“Ikkalma,” qalet il-Vuċi, issa aktar soda. “Int se jkollok bżonn tgħinni – iġġibli ħwejjeġ, ikel u affarijiet oħra. Imma jekk tikxifni ...” u id inviżibbli fajritlu daqqa soda fuq spalltu.

“Ma nikxfekx! Ma nikxfekx!” għajjat Thomas, imwerwer. “Għidli x’għandi nagħmel!”

***** ***** **^** ***** *****

10: Ieqaf, Ħalliel!

Sadattant, fil-kamra tal-mistednin tal-lukanda Coach and Horses, it-Tabib Cuss u l-Vigarju Bunting kienu qegħdin jiflu tliet djarji li l-istranġier kien ħalla warajh l-aħħar darba li telaq mil-lukanda. Kienu mbellhin b’dak li kienu qed jaqraw. Ħin minnhom daħal raġel minn barra, kemxejn imbaċċaċ, wiċċu kollu roża, u b’kappell imqatta’. Resaq lejn il-bar, imma ħalla l-bieb ta’ barra miftuħ.

“Jimporta tagħlaq il-bieb warajk?” lissen il-vigarju. “Dieħla wisq kesħa minn barra.”

Il-vigarju u t-tabib komplew jiflu d-djarji. Ma setgħu jifhmu lanqas kelma waħda għax kollox kien miktub f’kodiċi.

F’daqqa waħda l-vigarju ħass id soda taqbdu minn għonqu, u dwiet il-vuċi tal-istranġier minn imkien. “Dawk id-djarji huma tiegħi u rridhom lura. U fejn poġġejtuli ħwejġi?”

Is-Sinjur u s-Sinjura Hall kienu fil-bar meta semgħu dan il-kliem. Ftit sekondi wara semgħu għajta, “Ieqaf, ħalliel!”

Hekk kif ħarġu barra lemħu lis-Sur Thomas Marvel jiġri ’l barra mil-lukanda. Kellu miegħu xkora u t-tliet djarji. Il-vigarju u t-tabib kienu għadhom fil-kamra tal-mistednin. Kienu lebsin biss il-ħwejjeġ ta’ taħt, għax ir-raġel l-inviżibbli kien ħadilhom il-kumplament!

Fit-triq qam pandemonju. Nies bdew jiġru kullimkien, b’ħafna għajjat u twerżiq. Tkissru xi twieqi tal-lukanda u saħansitra nqatgħu xi wajers tat-telefon.

Tas-Sur Marvel u tar-raġel l-inviżibbli ma kienx hemm ħjiel.

***** ***** **^** ***** *****

11: Ir-Raġel li Kien Qed Jiġri

Fil-ftit jiem ta’ wara bdew jidhru ħafna stejjer straordinarji fil-gazzetti. F’raħal fil-qrib nies raw flus qed itiru fl-arja. Ta’ spiss nies lemħu lis-Sur Marvel qiegħed jiġri, imwerwer, qisu xi ħadd kien qed jiġri warajh – għalkemm in-nies ma raw lil ħadd. Kull darba li s-Sur Marvel kien qed jipprova jiżgiċċa jew jgħid lil xi persuna dwar ir-raġel l-inviżibbli, kien iħoss id taqbdu minn għonqu u id oħra tfajjarlu tnejn fuq rasu.

Imma fl-aħħar, il-povru ħajbu rnexxielu jaħrab, b’ħafna flus f’butu.

Darba filgħaxija, Dr. Kemp kien qiegħed bilqiegħda fl-istudju tiegħu, f’daru, fuq għolja żgħira viċin tar-raħal ta’ Burdock, maġenb ix-xatt. L-istudju tiegħu kien mimli rivisti xjentifiċi u apparat ieħor. Kien qed jagħmel ftit riċerka bit-tama li jsir membru tar-Royal Society.

Fettillu jħares mit-tieqa ’l barra u quddiem ir-raġġi ta’ nżul ix-xemx lemaħ il-figura ħoxna ta’ raġel liebes kappell imqatta’ jiġri kemm jiflaħ.

“Mmm, naħseb xi wieħed minn dawk il-boloh li qed jgħajtu, ‘Ġej ir-raġel l-inviżibbli’,” qal bejnu u bejn ruħu.

Imma min kien viċin dak il-povru raġel seta’ jara sew l-espressjoni mwerwra fuq wiċċu, u ma kienx tal-istess idea ta’ Dr. Kemp. Bil-ġiri tiegħu, il-bwiet tal-ġlekk kienu qed iċekċku bħallikieku kienu mimlija muniti, u malli għadda minn ħdejn in-nies, semgħu bħal passi u nifs maqtugħ jiġru warajh.

In-nies bdiet tibża’, u l-kelma ġriet mar-raħal kollu.

“Ir-raġel l-inviżibbli ġej tassew!”

***** ***** **^** ***** *****

12. Ir-Raġel l-Inviżibbli Jitlef il-Boxxla

It-tverna The Jolly Cricketers kienet f’qiegħ il-għolja. Sid it-tverna kien qiegħed jaqdi lil klijent, waqt li klijent ieħor, Amerikan b’daqna sewda u folta, kien qiegħed jitkellem ma’ pulizija li dak il-ħin ma kienx fuq xogħol. F’ħin minnhom semgħu ħafna passi mgħaġġlin barra: xi ħadd kien qed jiġri.

Il-bieb infetaħ ħesrem u tfaċċa Thomas Marvel. Kien mingħajr il-kowt u l-kappell, imma kien għadu qed iġorr id-djarji.

“Ġej!” għajjat iddisprat. “Ajjut! Ġej għalija!”

“Agħlqu l-bieb,” qabeż minnufih il-pulizija. “Min ġej? X’ġara?”

“Agħlquni xi mkien u sakkru l-bieb!” kompla jgħajjat is-Sur Marvel. “Ir-raġel l-inviżibbli! Qal li se joqtolni!”

F’daqqa waħda l-bieb beda jitriegħed hekk kif xi ħadd minn barra beda jsabbat fuqu u jgħajjat. Il-bieb żamm u ma nfetaħx. Minflok, il-ħġieġa tat-tieqa maġenbu nfaqgħet frak.

Marvel mar jistaħba wara l-bar. “Tiftħux il-bieb!” beda jwerżaq.

“Mank kelli l-lembuba miegħi,” lissen il-pulizija.

L-Amerikan ħareġ il-pistola tiegħu. “Warrbu minn quddiemi,” lissen. “Jekk jidħol ...”

“Il-bieb ta’ wara!” qabeż sid it-tverna. Ma laħaqx spiċċa s-sentenza. Il-bieb ta’ wara l-bar infetaħ beraħ b’tisbita. Xi ħadd ġibed lis-Sur Marvel minn għonqu għal ġol-kċina fuq wara.

Il-pulizija rnexxielu jaqbad l-id inviżibbli li kienet qabdet lil Marvel minn għonqu, imma xi ħaġa laqtitu bil-qawwi f’wiċċu, u tar lura. Sadattant, sid it-tverna u xi klijenti oħra rnexxielhom iżommu lir-raġel l-inviżibbli, li għajjat waħda hekk kif il-pulizija, mingħajr ma jaf, rifsu fuq sieq waħda. F’daqqa waħda, kulħadd tar lura, u waqa’ skiet perfett ... Ir-raġel l-inviżibbli rnexxielu joħroġ fil-bitħa.

“Jien inqiegħdu!” lissen l-Amerikan, u spara ħames darbiet minn naħa għal oħra tal-bitħa.

“Ġibu lampa ħa naraw inħossux xi ġisem mal-art,” kompla.

***** ***** **^** ***** *****

13. Żjara lil Dr. Kemp

Dr. Kemp kien għadu fl-istudju tiegħu meta sema’ l-isparaturi.

“X’miġnun hu, li qed jispara fir-raħal!” qal mistagħġeb, hekk kif mar jittawwal mit-tieqa. Ma seta’ jara xejn ħlief id-dawl tal-qamar fuq is-soqfa tad-djar, u folla żgħira ta’ nies quddiem it-tverna. Għalhekk reġa’ mar ikompli xogħlu.

Xi siegħa wara daqqet il-qanpiena tal-bieb. Seftura marret tara min kien, imma ma kien hemm ħadd.

Dr. Kemp lesta xogħlu lejn xi s-sagħtejn ta’ filgħodu. Niżel isfel fil-kċina biex jipprepara ftit te. Fil-kurutur lemaħ tebgħa skura mal-art. Meta messha b’sebgħu, ra li kienet tiċpisa ħamra. Ma tax kas ħafna dwarha, imma malli wasal quddiem il-bieb tal-kamra tas-sodda, intebaħ li l-pum kien imċappas – bid-demm.

Dr. Kemp żamm il-kalma, u daħal fil-kamra bil-mod. L-affarijiet fuq il-gradenza kienu mħarbtin, u l-wiċċ imċappas bid-demm. Parti minn liżar fuq is-sodda kien imqatta’, u s-saqqu kien jidher qisu xi ħadd kien mimdud fuqu. Għal ftit sekondi kellu l-impressjoni li xi ħadd lissen minn taħt l-ilsien, “Illaħwa, Kemp!”

Wara dan sema’ xi ħaġa tiċċaqlaq bejnu u bejn il-friskatur tal-ilma, u lemaħ ittir fl-arja faxxa mibruma u mdemmija.

“Kemp,” tenniet il-Vuċi.

Kemp fetaħ ħalqu, imbellah.

“Ikkalma, xbin!” qalet il-Vuċi. “Jien inviżibbli!”

“Dawn ħmerijiet, din xi ċajta!” lissen Kemp. Ħareġ idejh u pprova jmiss il-faxxa – u ħass swaba’ minflok.

“Tippanikjax, Kemp! Għandi bżonn l-għajnuna tiegħek,” qalet il-Vuċi. “Tiftakarni? Jiena Griffin. Kont student tal-mediċina miegħek fil-University College. Għamilt lili nnifsi inviżibbli!”

Kemp kien jiftakru lil Griffin. Ġuvni twil, b’xagħar tant bjond li kien kważi abjad, u għajnejn ċari. L-aħjar student fil-klassi tiegħu.

“Għidli kollox!” lissen Kemp mistagħġeb. “Kif ix-xjafek ...?”

“L-ewwel tini xi ħaġa x’niekol,” qabżet il-Vuċi. “Jien ferut u muġugħ, u għajjien mejjet!”

L-imbellah Kemp ġab xi ftit laħam kiesaħ mill-kċina, u qagħad iħares lejn ir-raġel l-inviżibbli waqt li dan ħataf l-ikel u belgħu.

“M’għandix bżonn frieket u skieken!” qalet il-Vuċi. “Imma jekk ma jimpurtax agħtini xi ħaġa x’nilbes!”

Kemp ġablu xi ħwejjeġ ta’ taħt, par kalzetti u papoċċ kif ukoll piġama. Malli libes u qagħad bilqiegħda fuq siġġu, ir-raġel l-inviżibbli talab xi ħaġa x’jixrob u sigarru. Kemp baqa’ jħares skantat hekk kif ra s-sigarru mqabbad itir fl-arja u d-duħħan ħiereġ minn fejn suppost kien hemm ħalq ir-raġel l-inviżibbli.

“X’kumbinazzjoni kelli ninzerta nidħol f’darek għal ftit faxex! Din l-ewwel xorti tajba li messitni! Hija inkonvenjenza kbira li demmi jibda jidher malli jagħqad. Irnexxieli nbiddel biss il-partijiet tal-ġisem ħajjin. Malli jitlaq ġismi d-demm jibda jidher!”

“Imma kif?! Kif irnexxielek?” staqsa Kemp. “U x’kien dak l-isparar li smajt?”

Imma l-ferita tar-raġel l-inviżibbli kienet qed tuġgħu wisq u kien għajjien. “Ili ma nagħlaq għajn xi tlitt ijiem!” lissen bil-mod.

Għalhekk Kemp ma semax l-istorja dak il-lejl.

***** ***** **^** ***** *****

14: L-istorja tar-Raġel l-Inviżibbli

Qabel ma mar jorqod, ir-raġel l-inviżibbli ġiegħel lil Kemp iwiegħdu li ma jikxfux man-nies li kienu qed ifittxuh. Kemp wiegħdu, imma xorta kien inkwetat.

Filgħodu, mar fl-istudju jfittex il-gazzetti tal-aħħar ftit jiem, u qara dwar il-qirda u l-vjolenza li r-raġel l-inviżibbli kien ħalla warajh fl-irħula viċin.

“Dan mhux inviżibbli biss,” qal bejnu u bejn ruħu. “Dan miġnun ukoll!” Kiteb ittra u indirizzaha lill-Kulunell Adye, il-kap tal-pulizija. Malli għamel dan sema’ xi tifrik fis-sular ta’ fuq. Ir-raġel l-inviżibbli kien qam u kien f’burdata ħażina.

Dr. Kemp talab lis-sefturi konfużi biex jippreparaw kolazzjon għal tnejn fl-istudju, u biex ma jidħlux aktar sakemm jgħidilhom hu. Malli lestew kollox, għajjat lir-raġel l-inviżibbli. “Il-kolazzjon lest!”

Il-piġama bla ras u bla jdejn niżlet, u ħadet post mal-mejda. “Qabel ma nkomplu,” qal Kemp, “hemm bżonn inkun naf iktar dwar din l-inviżibiltà tiegħek.”

“Sempliċi,” wieġbet il-figura bla ras, waqt li mesħet ix-xofftejn inviżibbli bis-sarvetta. “Aħna t-tnejn flimkien nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet kbar. Għandi bżonn sieħeb.”

Wara li kien spiċċa l-università, Griffin kien telaq il-mediċina biex minflok jaqbad il-fiżika. Kien affaxxinat ħafna mid-dawl. Beda jitkellem dwar l-aspetti tad-dawl qisu qed jagħti xi lezzjoni, daqslikieku Kemp kien student: kif l-affarijiet kienu jassorbu d-dawl, kif kienu jirriflettuh, u anki kif f’ċerti każijiet kienu jilwuh lura. Jekk affarijiet ma kinux jirriflettuh, kienu jkunu inviżibbli.

“Tara kaxxa ħamra għax il-kaxxa tassorbi l-kuluri l-oħra imma tarmi l-aħmar ’il barra, lejn għajnejk. Kieku l-kaxxa tirrifletti l-kuluri kollha, taraha bajda. U jekk iddaħħal ħġieġa fl-ilma, kważi tisparixxi għalkollox, għax dawl li jgħaddi mill-ħġieġ għall-ilma bilkemm jirrifletti,” spjega Griffin.

“Iva, imma dan kull student jafu,” qal Kemp, fuq ix-xwiek biex ikun jaf is-sigriet, “imma persuna mhijiex tal-ħġieġ!”

“Le! Huwa aktar trasparenti!” kompla Griffin, kollu eċċitat. “Il-bniedem huwa magħmul minn partijiet trasparenti – l-għadam, il-laħam, ix-xagħar, id-dwiefer, in-nervi. Minbarra l-aħmar tad-demm u l-kulur tax-xagħar. Irnexxieli nsib mezz kif inneħħi l-kulur tad-demm mingħajr ma neqred il-funzjonijiet l-oħra kollha tiegħu.”

Kemp stagħġeb malli sema’ dan kollu.

“Domt tliet snin,” kompla Griffin. “Kont persuna kwalunkwe, mingħajr flus, ma jafni ħadd, naħdem bla waqfien f’laboratorju taħt l-għajnejn seqer ta’ professur. Imma jien kont naf li stajt insir inviżibbli, bil-libertà u l-poter kollu li setgħet iġġibli. Imma wara tliet snin ta’ dubji u ħabi, ma stajtx inkompli x-xogħol ...”

“Għaliex?” staqsa Kemp.

“Għax spiċċawli l-flus!” wieġeb Griffin, hekk kif dar u ħares mit-tieqa. F’daqqa waħda dar lura lejn Kemp. “Sraqt lix-xiħ! Ħadt il-flus ta’ missieri! U l-flus ma kinux tiegħu. Waqa’ fid-dejn u miet bl-inkwiet!”

***** ***** **^** ***** *****

15: L-Esperimenti ta’ Griffin

Aktar ma beda jisma’, Kemp aktar beda jallarma ruħu. Griffin ma wera l-ebda dispjaċir għall-mewt ta’ missieru. Baqa’ jaħseb biss fil-flus għall-esperimenti tiegħu. Mar joqgħod f’kamra waħda rħisa fi blokk bini f’Londra, u ġabar hemm l-apparat kollu li kellu bżonn.

“Aktar tard ngħidlek aktar dwar il-proċess twil u kkumplikat,” kompla Griffin. “Ktibt kollox f’kodiċi sigriet fid-djarji tiegħi li seraqli dak il-ħajbu. Hemm bżonn inġibuhom lura.

“Xtrajt żewġ muturi żgħar u ħaddimthom b’magna tal-gass. L-oġġett li trid tagħmel inviżibbli kemm tpoġġih bejniethom. Fl-ewwel esperiment tiegħi ppruvajt bi ftit suf. Nixtieqek rajtha, x’biċċa stramba! Xi ħaġa daqshekk ratba u bajda, u taraha tgħib bil-qajla sakemm ma tibqa’ tidher xejn.

“Imma meta poġġejt idi fejn kien is-suf, xorta bqajt nista’ nħossu!”

Sadattant, waqt li Griffin kien mitluf jispjega, Kemp beda miexi bil-qajla biex joqgħod bejn Griffin u t-tieqa.

“Il-pass li jmiss kien interessanti ħafna. Il-mara li kienet toqgħod fil-kamra ta’ ħdejja kellha qattus abjad. Darba ħallejtlu xi ikel barra u daħħaltu għandi mit-tieqa.”

“U għamiltu inviżibbli?” staqsa Kemp.

“Iva, imma l-esperiment falla. Id-dwiefer u ftit mill-kulur tal-għajnejn baqgħu jidhru. Il-kumplament sparixxa. Beda jingħi u jwaħwaħ ħafna, allura rġajt ħriġtu barra mit-tieqa.”

“Mela qed tgħid li xi mkien hemm barra fid-dinja hemm qattus inviżibbli!” lissen Kemp.

***** ***** **^** ***** *****

Griffin kompla sejjer bl-istorja makabra tiegħu.

“Il-mara marret tilmenta ma’ sid il-post li qtiltilha lill-qattus waqt esperiment. Dak heddidni li jkeċċini, għalhekk kelli nieħu deċiżjoni ta’ malajr ...”

“Għamilt lilek innifsek inviżibbli?” Kemp ipprova jaqta’.

“Dak l-istess lejl. Xrobt il-mistura li setgħet tneħħi l-kulur tad-demm. U għaddejt qisni minn ħolma kerha. Bdejt nifhem għalfejn il-qattus beda jwaħwaħ daqshekk. Ma bsartx li kienet se tweġġa’ daqshekk. Kelli dardir u ħafna ħass ħażin. Ħassejtni bħallikieku l-ġilda kienet qed taqbad.

“Sebaħ l-għada. Qatt ma jien ser ninsa l-ewwel darba li, malli r-raġġi tax-xemx daħlu fil-kamra, rajt li jdejja issa kienu qishom tal-ħġieġ.

“Bil-qajla rajt li l-kuluri kollha kienu qed imorru, inklużi dawk ta’ difrejja u għajnejja. Inzerta kont suġġett ideali għall-esperiment. Xagħri kien diġà kważi abjad minnu.

“Xi ħadd beda jħabbat bil-goff fuq il-bieb. Kien sid il-post, flimkien mal-ġara u żewġt irġiel oħra. Fetħu l-bieb u daħlu, imma stagħġbu meta ma raw ’il ħadd. F’dak il-waqt bdejt inkisser l-apparat li kelli quddiem għajnejhom. Tant twerwru li l-erbgħa li kienu telqu jiġru mill-kamra. Kif kont waħdi, xħett l-imbarazz li kelli f’nofs il-kamra u tajthom in-nar, bil-kamra b’kollox.”

“Tajt in-nar lid-dar kollha?” tenna Kemp, mistagħġeb.

“Kien l-uniku mod biex ma jsibunix,” spjega Griffin. “Bil-qajla nżilt it-taraġ u tlaqt minn hemm. Moħħi kien mimli ħsibijiet dwar x’affarijiet straordinarji stajt nagħmel issa li kont inviżibbli!”

***** ***** **^** ***** *****

16: Il-Pjan li Falla

Griffin ma damx ma ntebaħ li kien hemm l-iżvantaġġi li tkun inviżibbli. Kienet ġurnata kiesħa ta’ Jannar. In-nies bdew jaħbtu miegħu u jirfsuh. Tajn u rmied taċ-ċmieni beda joqgħod fuq ġismu. Xi tfal osservaw il-marki tal-passi tiegħu waqt li kien miexi fil-borra, li bdiet tifforma madwar saqajh.

“Ara dik!” lissen tifel minnhom. “Il-fatat ta’ sieq!”

Bdiet nieżla l-borra wkoll. Griffin ħassu jiffriża u beda jagħtas. Klieb setgħu jxommuh, u bdew jinbħulu u jiġru warajh. Sab kenn f’ħanut matul il-lejl. Hemmhekk sab x’jiekol u xi ħwejjeġ biex jissaħħan. Imma filgħodu, meta l-bejjiegħa daħlu għax-xogħol, kellu jinża’ l-ħwejjeġ.

Għadda fejn il-kamra fejn kien joqgħod. Il-bini kien għadu sħun minħabba n-nirien. Imma kull ħaġa li kellu hemm issa kienet meqruda – minbarra ktieb taċ-ċekkijiet u xi kotba li kien ħalla f’loker pubbliku fl-istazzjon ta’ Bramblehurst il-ġurnata ta’ qabel.

Griffin waqaf, ħosbien.

“Kompli,” qallu Kemp, hekk kif ta ħarsa ta’ malajr lejn it-tieqa.

Griffin kompla. Ftit wara sab gabina żgħira b’xi kostumi tat-teatru. Minn hemm seraq xi affarijiet biex jinħeba bihom: il-mustaċċi, il-parrokka b’xagħar iswed, l-imnieħer falz, in-nuċċali, u xi ħwejjeġ li ma kinux għadhom moda. Il-gabina kienet ta’ wieħed ħotbi, li sema’ l-istorbju u sab l-affarijiet misruqin, u pprova jfittxu. Sabbtu mal-art b’daqqa ta’ banketta, u mbagħad, liebes b’dawk l-affarijiet, mar l-istazzjon biex jiġbor l-affarijiet li kellu hemm fil-loker.

***** ***** **^** ***** *****

17: Jinkixef il-Pjan

“Ma ħsibtx aktar fil-ħotbi?” staqsa Kemp.

“Kif stajt naħseb fih jekk kelli l-problemi tiegħi?”

Kemp ħares lejh biċ-ċiera.

“Imm’issa għandi lilek, Kemp,” kompla Griffin. “Se ssolvili l-problemi kollha! Tista’ tgħinni, speċjalment biex tidħol fid-djar u bil-qtil.”

“Qtil?” tenna Kemp imwerwer.

“Biħsiebni nwaqqaf renju ta’ terrur,” għajjat il-miġnun. “Naħtaf ir-raħal u nitterrorizzah! Nagħti ordnijiet! U noqtol lil min ma jobdix! ... Iskot! X’inhu dak il-ħoss, isfel?”

Minn hawn l-affarijiet ġraw bil-għaġla waħda wara l-oħra. Ir-raġel l-inviżibbli neża’ ħwejġu. Kemp ġera lejn il-bieb, imbotta lil Griffin laġenba u sabbat il-bieb. Ipprova jsakkar lil Griffin ġewwa, iżda bil-fixla waqgħetlu ċ-ċavetta minn idu.

Ir-raġel l-inviżibbli fetaħ il-bieb beraħ u attakka lil Kemp. Il-Kulunell Adye u żewġ kuntistabbli oħra kienu telgħin it-taraġ u waqfu skantati kif raw ħafna ħwejjeġ itiru fl-arja u lil Kemp jitgerbeb lura hekk kif xi ħadd imbuttah – imma ma kien jidher ħadd!

Mument wara l-kulunell innifsu ħass xi ħaġa qawwija taħbat miegħu. Iż-żewġ kuntistabbli daru u niżlu t-taraġ bil-ġirja. Il-bieb ta’ barra stabat magħluq.

Il-kulunell intebaħ li Kemp kellu d-demm ma’ wiċċu.

Malli Griffin ħarab mid-dar ta’ Kemp, tajjar tifel żgħir li kien qed jilgħab barra.

Issa Griffin sar bniedem imfittex. In-nies bdiet issakkar il-bibien kollha. Bdew jidhru avviżi dwaru f’kull kantuniera. Gruppi ta’ rġiel bil-klieb tal-kaċċa bdew iduru madwar ir-raħal f’kull ħin tal-ġurnata.

***** ***** **^** ***** *****

18: Ir-Renju tat-Terrur

L-għada filgħodu Kemp sab ittra taħt il-bieb ta’ barra.

“Din hija l-ewwel ġurnata tar-renju tat-terrur,” kien hemm miktub. “Se jkun hemm eżekuzzjoni – tar-raġel jismu Kemp! Il-logħba tibda hawn! Kemp ikollu jmut!”

“Din mhix ċajta,” ħaseb Kemp. Mar fl-istudju u ħareġ pistola minn wieħed mill-kxaxen tal-iskrivanija.

Dar madwar id-dar u għalaq u sakkar kull bieb u tieqa. Kiteb nota lill-Kulunell Adye u talab lis-seftura biex toħodhielu:

“B’xi mod naqbduh! Użaw lili bħala lixka!”

Ftit ħin wara ċemplet il-qanpiena tal-bieb. B’attenzjoni kbira, Kemp fetaħ il-bieb bil-qajla. Kien il-Kulunell Adye. “Attakka lis-seftura tiegħek! In-nota ħadha!”

Kemp wera lil Adye n-nota li kien bagħatlu Griffin. “Fin-nota lilek għidtlek li nista’ nkun il-lixka fin-nasba għal Griffin,” spjega Kemp, “imm’issa hu għandu n-nota, u jaf bil-pjan.”

Fl-istess waqt li Kemp qal dan, instema’ ħoss minn fuq, u tkissir ta’ ħġieġ. Telgħu jaraw x’ġara. Griffin kien tefa’ ġebla u faqa’ l-ħġieġ ta’ tieqa.

“Ħa mmur l-istazzjon u nġib il-klieb,” lissen Adye. “Islifni l-pistola.” Il-kulunell niżel it-taraġ u ħareġ barra mid-dar. Kemp sakkar il-bieb warajh.

***** ***** ***** ***** *****

Kemp reġa’ tela’ fuq biex jittawwal mit-tieqa. Ftit ’il bogħod mid-dar lemaħ lis-seftura ġejja ma’ żewġ kuntistabbli. F’daqqa waħda sema’ ħafna storbju isfel. Griffin kien sab mannara u kien qed ikisser il-bieb ta’ wara biex jidħol.

Kemp intebaħ li kulma kienu qed jagħmlu kien għalxejn. Imma ma setgħux jibqgħu sejrin hekk. Xi ħaġa kellha ssir.

Kemp ħa deċiżjoni ta’ malajr. Niżel u ħareġ mill-bieb ta’ quddiem, biex jipprova jiġbed lil Griffin warajh. Malli ż-żewġ kuntistabbli qorbu d-dar, lemħu mannara ttir fl-ajru u kważi tolqot lil Kemp li kien qed jiġri lejhom.

“Dak Dr Kemp huwa eroj!” lissen wieħed minnhom.

***** ***** **^** ***** *****

19: Il-Kaċċa

Wara dan bdiet kaċċa feroċi, immexxija minn Kemp. Għalkemm kien kollu għaraq, Kemp xorta baqa’ kalm. Beda jfittex f’art fejn kien hemm żrar jew biċċiet tal-ħġieġ, fejn Griffin seta’ rifes u qata’ saqajh. Mexa mal-istess rotta fejn kien ra lill-ħajbu jiġri ftit jiem qabel.

Id-djar kollha f’dik ir-rotta kienu msakkrin. Isfel nett tat-triq, lemaħ l-istazzjon tal-pulizija, u tramm li kien tiela’ lejhom. Wara t-tramm seta’ jara xi ħaddiema qed jagħmlu xogħol fid-dranaġġ tat-triq, b’munzell ħamrija u ġebel fil-qrib. Kollha kienu qed iħarsu lejn Kemp u l-grupp tiegħu.

“Ir-raġel l-inviżibbli!” għajjat Kemp. “Infirdu u agħmlu linja! Waqqfuh!”

Xi nies bdew jiġru lejhom. Ħaddiem minnhom kellu pala f’idu.

F’daqqa waħda Kemp ħass daqqa fuq widintu. Hekk kif ittanta jdur lejn mnejn ġiet id-daqqa, xi ħaġa mbuttatu mal-art u ħass par idejn sodi jaqbduh minn għonqu. Il-pala tal-ħaddiem niżlet bil-qawwi, u ħabtet ma’ xi ħaġa. Kemp ħass l-idejn inviżibbli jitilquh, imma malajr ħataf spalla inviżibbli, u żammha ’l isfel. “Għinuni! Qbadtu! Żommuh ’l isfel!”

Kieku f’dak il-waqt għadda xi ħadd minn hemm li ma kienx jaf x’kien qiegħed jiġri, żgur li kien jaħseb li dawk in-nies kienu qed jilagħbu xi logħba goffa tar-rugby. In-nies intefgħu kollha fuq ir-raġel l-inviżibbli fost ħafna tgħajjir, tixjir ta’ ponnijiet u daqqiet ta’ sieq, kif ukoll il-ħsejjes ta’ xi ħadd qed jaqta’ nifsu.

“Imxu lura,” qal Kemp f’daqqa waħda. “Muġugħ sew!”

“Titilquhx! Qed jagħmel hekk biex jingannana!” qabeż il-ħaddiem bil-pala mdemmija.

“Le,” lissen it-tabib. “Mhux qed jieħu nifs. Ma nistax nisma’ qalb tħabbat.”

Xwejħa fil-qrib għajtet, “Araw hemm!” Kulħadd ħares ’il fejn ippuntat. U kulħadd ra l-linji ta’ id, trasparenti.

“U araw!” qabeż kuntistabbli. “Qed jibdew jidhru saqajh!”

Qajla qajla, kompliet il-bidla tal-ġisem. L-ewwel dehru l-vini, u wara l-għadam, qisu tal-ħġieġ, u l-arterji, u mbagħad il-laħam u l-ġilda, sakemm fl-aħħar kulħadd seta’ jara l-ispallejn imkissrin, u sidru, u fl-aħħar wiċċu, kollu mbenġel u mdemmi.

Hemm kien, mixħut mal-art mingħajr ħwejjeġ, il-ġisem imkisser ta’ raġel ta’ madwar tletin sena. Xagħru kien abjad, għalkemm mhux biż-żmien, u għajnejh kienu ħomor. Idejh kienu magħluqin f’ponnijiet, u ħarstu kienet dik ta’ wieħed kollu xokk u rabja.

“Għattulu wiċċu,” għajjat xi ħadd. Ġabu liżar, għattewh u ġarrewh f’dar viċin.

U hemm, fuq sodda sempliċi, mibgħud u mitluq bla ebda ħniena, spiċċat il-ħajja straordinarja u terribbli ta’ Griffin, l-ewwel bniedem li għamel lilu nnifsu inviżibbli.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** **^** ***** *****

Noti:

Anarkiku: Wieħed li jkun kontra l-gvern u l-liġijiet. Illum il-ġurnata tintuża wkoll il-kelma terrorista. [Lura]

Ħajbu: Persuna li m’għandhiex dar u tiġġerra minn post għal ieħor. [Lura]

Seffud tan-nar: Lasta tal-ħadid li tintuża biex iċċaqlaq il-faħam jew iz-zkuk jaqbdu fil-fuklar. [Lura]

Tramm: Għamla ta’ trasport pubbliku li jimxi fit-toroq permezz ta’ ferrovija u wajers tal-elettriku. [Lura]

Vigarju: Kappillan fil-Knisja Anglikana. [Lura]

Xelin: Munita antika Ingliża. [Lura]

***** ***** **^** ***** *****

Tista’ taqra artiklu dwar dan ir-rumanz fil-ħarġa numru 380 (Novembru 2023) tar-rivista Sagħtar.