
Kitba ta’ Rita Saliba
Madwar 1,000 kelma
Pubblikazzjoni: Horizons 2023
***** ***** ***** ***** *****
Din l-istorja ġrat ħafna u ħafna żmien ilu, ġo renju ċkejken mistur qalb l-għoljiet u b’arja ċċaqlaq il-weraq tas-siġar taċ-ċawsli. Ħadd ma kien jaf x’jismu eżatt. Lanqas fuq il-mappa ma kien immarkat b’isem, tant kemm kien hemm siġar. Għaldaqstant, bosta kienu jsibuh bħala r-Renju tas-Siġar taċ-Ċawsli. Dar-renju aktar kien qisu belt żgħira bil-pjazez u t-toroq imserrpin tiegħu. Ir-Re Fonzu u martu r-Reġina Mafalda kienu jsaltnu trankwilli hawn. Gawdew snin twal ta’ paċi u rispett mingħand is-sudditi fidili tagħhom. Dejjem mexxew b’għaqal u paċenzja man-nies tal-belt u mal-ħaddiema tal-palazz.
Ir-renju ċkejken kien magħruf għall-ifjen drappijiet tal-ħarir fin li kien jipproduċi. Ir-Reġina Mafalda kienet tieħu ħsieb id-dud tal-ħarir irjali tal-palazz. Kienet tara li qatt ma kien jonqos il-weraq taċ-ċawsli biex dad-dud ikollu x’jiekol u jeħxien ħalli jsir fosdqa u jinseġ madwaru l-ħarir. In-nies tal-belt kienu joħorġu bi ħġarhom jaqtgħu l-weraq taċ-ċawsli u joħduh il-palazz fil-bxiekel tal-qasab. Il-ħaddiema tal-ħarir kienu jinsġu l-ħarir fi drapp li kien ikanġi minn abjad għal isfar dehbi. Il-palazz kien imżejjen bl-isbaħ purtieri u r-Reġina Mafalda kienet titgħaxxaq tarahom jiżżeffnu ma’ żiffa riħ f’xi tieqa miftuħa. Negozjanti kbar kienu jiġu jixtru l-ħarir u b’hekk ir-renju ċkejken baqa’ jgawdi minn prosperità u ġid għal ħafna snin.
In-nies f’dil-belt żgħira kienu ħabrieka. Wieħed minn dawn kien il-ħajjat Arċimboldu. Tista’ tgħid li l-ħjata kollha tal-palazz kienet tgħaddi minn taħt idejh u subgħajh kienu draw jagħrfu dak id-drapp fin minsuġ mill-ħaddiema tal-ħarir tal-palazz. Kif kienet tasallu xi pezza, kien inaddaf sewwa l-ħanut u jittratta d-drapp daqslikieku kien minsuġ minn ħjut tad-deheb. Imbagħad erħilu jfassal, iqasqas, ixellel u jħit ħwejjeġ skont l-ordni li tingħatalu. Ir-Re u r-Reġina kienu jħallu f’idejh u wara li jkun lestielhom il-ħwejjeġ, kienu jibagħtu għall-pittur irjali biex ipittirhom bl-ilbies il-ġdid. Tant kellhom pitturi li ma kellhomx fejn idendluhom aktar u spiċċaw tawhom b’rigal lil rejiet u rġejjen ta’ renji oħra li minn tant għal tant kienu jżuruhom. Lil Arċimboldu dejjem ħallsuh tajjeb u r-Reġina Mafalda ma kinitx tonqos li tfaħħru għall-ħila tiegħu. Arċimboldu kien ibaxxi rasu mistħi u jirringrazzjaha minn taħt l-ilsien.
Kemm kien imur lura d-dar kuntent Arċimboldu! Kien jixtieq itir lura fi triqtu lejn martu Mandolina biex jgħidilha kemm kienu kuntenti r-Re u r-Reġina. Mhux biss, imma Arċimboldu ma tantx kien iħobb jitbiegħed wisq minn Mandolina. Ftit qsajra u mbaċċa, martu kienet qisha pupa taċ-ċeramika. Li kieku seta’ Arċimboldu kien jagħmilha fuq xkaffa u joqgħod ifarfrilha l-wardiet ħomor ileqqu ta’ wiċċha. Mandolina kienet ħafifa fit-tindif u t-tisjir. Lil Arċimboldu kienet tħobb taħmilu l-gallettini favoriti tiegħu tal-ġinġer moħmijin f’forma ta’ farfett tal-ħarir imżejnin bil-ġelu. Dawn il-gallettini kienu l-ħelu tradizzjonali tar-Renju tas-Siġar taċ-Ċawsli u kont issibhom f’kull ħanut tal-ħelu. Iżda dawk li kienet taħmi Mandolina kienu speċjali. Kull darba kienu jieħdu togħma differenti. Daqqiet ikunu togħma ta’ ġiżimin, oħrajn ikunu togħma taż-żahar tal-larinġ, u ħafna drabi t-togħma xxaqleb lejn dik ta’ xarba ħelwa magħmula mill-għasel. Iżda Mandolina qatt ma kienet tiżvela s-sigriet tar-riċetta tajba tagħha.
“Aqta’ x’togħma għandhom il-gallettini llum?” kienet tidħol b’passi ħfief ħdejh Mandolina. U Arċimboldu erħilu jinkiha u jipprova jaqta’ t-togħma żbaljata, ħalli jara l-wardiet ta’ wiċċha jiħmaru kemxejn aktar. Iżda għall-kuntrarju ta’ Arċimboldu ftit li xejn kienet tinqala’ għall-ħjata.
Wara li tlesti l-borma u l-faċendi kienet titla’ fuq il-bejt titma’ l-għasafar u tirrakkontalhom stejjer ta’ postijiet kollha siġar b’għadajjar u fatati żgħar bilkemm jidhru. Imbagħad terġa’ tinżel ħdejn Arċimboldu li kien joqgħod jiggustaha tgħidlu x’kienu qalulha dawn il-ħlejjaq.
Darba minnhom damet ma niżlet ħdejh. Arċimboldu kien fuq ix-xwiek biex jisma’ dak il-leħen itaqtaq u hekk kif tfaċċat fil-bieb tal-ħanut induna li kien ġara xi ħaġa. Mandolina daħlet ħdejh titbissem. Il-wardiet ta’ wiċċha kienu qed ileqqu aktar u xofftejha kienu lewn il-peprin. Il-ħajjat telaq il-ħjata minn idejh u għamlilha l-wisa’ biex tiġi tpoġġi ħdejh.
“Mid-dehra kellhom ħafna x’jgħidulek l-għasafar illum,” qalilha bil-ħlewwa. Mandolina serrħet rasha fuq spallejh u xi ftit mistħija ħabbritlu li kien se jkollhom tarbija. Minn għajnejn Arċimboldu ħarġu żewġ demgħat li ċarċru għal fuq biċċa drapp tal-ħarir u ffurmaw par ġwienaħ qishom tal-kristall, li kif qabdu raġġ dawl sparixxew minnufih.
Arċimboldu u Mandolina ma damux ma kellhom tarbija. Tweldilhom tifel li tant kien ċkejken li kien joqgħod eżatt daqs il-pala ta’ id Arċimboldu. Semmewh Benjaminu. Kellu wardiet ħomor u jleqqu bħal ta’ ommu Mandolina, li kienet il-ħin kollu tbennen fih u tirrakkontalu l-istejjer li kienu jġibu magħhom l-għasafar minn artijiet ’il bogħod minn tagħhom. Benjaminu kien jissaħħar jisma’ u dlonk kien jieqaf jibki hekk kif jisma’ leħen ommu ssefsiflu rakkont wara ieħor f’widnejh. L-għasafar fuq il-bejt tagħhom bdew jiżdiedu u malli kienu jilmħu lil Benjaminu f’idejn ommu, kienu jtiru tond fi ċrieki madwar Mandolina jpespsu l-aħħar praspar tagħhom sakemm jaraw liċ-ċkejken ifaqqa’ d-daħk.
Għodwa minnhom, kien hemm arja ta’ festa fir-Renju tas-Siġar taċ-Ċawsli. Fl-arja nstemgħet il-mużika ħelwa li kienet qed tindaqq fit-toroq.
Iż-żwiemel bojod qotna tal-palazz kienu qed jiġbdu l-karozzella tar-Re Fonzu u r-Reġina Mafalda. Magħhom kellhom ukoll il-Prinċep li tweldilhom. In-nies tar-renju ċkejken ħarġu bi ħġarhom jilqgħuhom u jifirħu magħhom. Anke Arċimboldu waqaf iħit u flimkien ma’ Mandolina u Benjaminu ħarġu fil-bieb tal-ħanut biex jifirħu bil-familja rjali. Hekk kif rat lil Benjaminu f’idejn ommu, ir-Reġina Mafalda waqqfet il-karozzella u niżlet bit-tarbija f’idejha. Imxiet lejn Mandolina u ressqet lit-tarbija lejn Benjaminu.
“Ara, Fawstinu,” bdiet tgħid lill-prinċep ċkejken f’idejha, “se jkollok ma’ min tilgħab.” Benjaminu ħares lejn it-tarbija rjali ġdida u beda jitbissem. Iżda hekk kif il-Prinċep Fawstinu ħares lejn Benjaminu, beda jitkerrah u nfexx f’bikja kbira, tant li kellhom jiġu ż-żeffiena rjali jiżfnu quddiemu biex forsi jaljenawh.
Benjaminu baqa’ jikber qalb it-tpespis tal-għasafar tal-bejt li kienu jġibu magħhom rakkonti ta’ kavallieri qalbiena, ta’ ninfi lewn il-fidda u ta’ friefet kbar li joħorġu biss billejl. Ommu, Mandolina kienet tieħu ħsieb iżżewwaq dawn l-istejjer u tgħannilu xi għanja filwaqt li tbennu biex jorqod. Iżda biż-żmien, saħħet Mandolina bdiet tnin u l-wardiet ta’ wiċċha bdew jitilfu xi ftit tal-kulur. Bilkemm kien ikollha saħħa biex tbennen lil binha. Lejla waħda hi u tbennen lil Benjaminu biex jorqod u tirrakkontalu x’qalulha l-friefet u n-nannakoli biżlin, mejlet rasha fuq l-imħadda tiegħu u għalqet għajnejha. Hekk sabhom Arċimboldu, Benjaminu jilgħab man-nokkli ta’ Mandolina u Mandolina mimduda bla ħajja ħdejn binha bi tbissimha fuq fommha. Minn għajnejn Arċimboldu niżlu jiġru żewġ demgħat, li malli waqgħu fl-art iffurmaw żewġt iqlub skuri fuq it-tapit.
***** ***** *^^^* ***** *****
Kif tagħmel biex tkompli taqra din l-istorja
Din is-silta hija mill-ktieb Il-Ħajjat tal-Istejjer miktub minn Rita Saliba u ppubblikat minn Horizons. Sib il-ktieb fil-librerija tal-iskola jew dik pubblika, biex tispiċċa l-istorja. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il-ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.
|