Ġganti

Kitba ta’ David Aloisio
Madwar 2,400 kelma
Pubblikazzjoni: Horizons (2022)
***** ***** ***** ***** *****

Il-Gżira

L-ulied kienu jinġabru fl-isbaħ wied tal-gżira; xi wħud kienu jinxteħtu b’ruħhom u b’ġisimhom fuq il-ħaxix ifewwaħ bin-nida għodwija, oħrajn kienu jerħulha jħufu qalb il-qasab iqarmeċ. Imbagħad, fil-qiegħa umduża tal-wied, kienu jilagħbu bil-ħaġar – dak il-ħaġar kbir li kien jitrembel mill-ġnub għoljin waqt xi lejl ta’ xita qliel.

Bil-ħaġar kien jirnexxilhom joħolqu kull sura ta’ logħba. L-għors tagħhom kien meta jpoġġu l-ħaġriet fuq xulxin, waħda fuq l-oħra, biex jaraw min minnhom kellu l-ħila jtella’ l-itwal torri. U meta l-qamar kien ikun sħiħ, il-logħba kienet tiħrax aktar mis-soltu. F’dak il-jum biss, il-Kbir tal-Ġemgħa kien jiġi, jara u jkejjel ... biex imbagħad idewwaq biċċa xehda tqattar l-għasel lill-bennej tal-itwal torri.

It-torrijiet tal-ħaġar, imferrxin matul il-wied kollu, kienu joffru spettaklu mill-isbaħ. Kull torri kien ipaxxi l-għajn – aktar ma jkun twil, aktar kien fih x’tammira. Ħaġra fuq ħaġra fuq ħaġra, bl-aktar waħda mdaqqsa fil-qiegħ sabiex it-torri jitla’ sod u kemm jista’ jkun dritt, u bl-iżgħar u l-eħfef waħda mpoġġija fuq nett bit-tama li ma titlifx il-bilanċ ta’ sħabha taħtha.

Iżda l-ispettaklu mhux dejjem kien jitgawda fit-tul; ma kinitx tkun l-ewwel darba li meta wieħed mill-ulied kien ikun qed jiġġebbed fuq ponot subgħajh biex iżid saff ġdid fit-torri tiegħu, il-ħaġar kollu kien jibda jiġġenneb u jitmejjel bil-mod il-mod sakemm, fost il-ħafna għajjat u storbju tal-ulied, kien jinżel b’tisbita qalila u jinxtered ma’ kullimkien ... U mhux l-ewwel darba li ħaġra minnhom laqtet xi skantat li fettillu ntasab fil-qrib!

Tanu kien isibha diffiċli ferm biex jibni torri twil – hu kien l-iqsar minn sħabu li dejjem kienu jilħqu jirbħu qablu. U biex tgħaxxaqha, siequ x-xellugija, ftit iqsar mil-leminija, kienet dejjem ittelliflu l-bilanċ – l-aktar meta kien jiġi biex ipoġġi l-ħaġar fl-għoli. Minkejja dan, Tanu kien baqa’ jinżel il-wied jittanta xortih. Ried li xi darba – imqar darba – ikun imiss lilu li jgħaddas snienu fix-xema’ għasli tax-xehda u jħoss dak il-likwidu dehbi nieżel idellek ma’ geddumu.

Iżda jipprova kemm jipprova, Tanu qatt ma kien jirnexxilu. Spiss, kien imur jibki għand ommu li kienet tfarrġu b’ħafna tmellis tal-qoffa nokkli ħomor li kellu fuq rasu. Suna kienet tħobbu daqs dawl għajnejha u ma riditu jsewwed qalbu għal ebda raġuni.

Darba waħda, wara li bil-ħlewwa ressqitlu b’idha n-nokklu mqareb li kien iħobb jiddendel quddiem għajnejh, qamet bilwieqfa u ħeġġitu biex jimxi warajha.

“Ħa mmorru nfittxu xehd’ għasel, ma?”

“Taf daqsi li dik ma nistgħux …”

“Naf, naf.”

“L-għasel qiegħed kollu fl-Għar il-Kbir u hemm ħadd ma jista’ jidħol ħlief …”

“U iwa naf ma, mela fej’ sejrin?”

Suna kienet tħobb itterraq waħedha madwar il-gżira, l-aktar f’dawk il-meded ma jispiċċaw qatt ta’ matul il-kosta. Mhux soltu li kien ikollha lil binha f’dawn il-mixjiet twal; beżgħet li se jegħja imma Tanu, minkejja li kellu jħaffef biex ilaħħaq mal-passi kbar tagħha, ma gergirx – għalkemm izappap, Tanu kien daħħalha f’rasu li ma jaqa’ lura f’xejn.

“Ħa nieħdok f’post ġdid fej’ se nagħmlu xi ħaġa mhux tas-soltu,” qaltlu ommu meta ratu miexi b’tant ħerqa imma fis-skiet.

Fil-ħemda tal-bajja, li kienet tinkiser biss miċ-ċafċifa kajmana, Tanu ħassu fis-seba’ sema. U meta mbagħad rifes għall-ewwel darba fuq ir-ramel, Tanu ħassu bħal f’ħolma – qatt qabel ma mess dik l-irtuba kollha bil-paliet ta’ saqajh; għall-ewwel ħaseb li kien se jibqa’ nieżel bit-toqol tiegħu stess; imbagħad midd pass ieħor, imbagħad ieħor, sakemm telaq jiġri, ifaqqa’ d-daħk u jħares lura lejn ommu filwaqt li bil-paliet wiesgħa ta’ saqajh kien qed itajjar ir-ramel f’kull direzzjoni.

“U issa? X’se nagħmlu?” saqsa lil ommu meta reġa’ ntasab maġenbha.

Suna, b’fommha mitbuq, kompliet miexja bil-passi tqal tagħha. Iżda Tanu dlonk intebaħ li ommu bidlet id-direzzjoni: kienet miexja dritt lejn il-baħar. Huwa ddeċieda li ma jsegwihiex; jekk fir-ramel ma kienx imdorri jimxi, wisq inqas kien komdu jimxi fil-baħar fejn ma kellux idea jekk kienx se jlaħħaqlu jew le.

Tanu triegħex meta ra lil ommu tkompli titbiegħed minnu. Tbikkem u ma felaħx isaqsiha aktar fejn sejra. Il-baħar kien rah qabel, imma rah dejjem mill-bogħod. Mill-bogħod kien jidher sabiħ – medda kaħla li ma kienet toffri ebda theddida. Iżda mill-viċin ma baqax ikħal u innoċenti. Minkejja li ma kienx riħ qawwi, iċ-ċafċifa tiegħu kienet għaġġelija, donnha mbuttata minn forza moħbija fil-qiegħ. Għal ħin qasir Tanu nesa ’l ommu u għajnejh iċċassaw fuq l-ilma mċaqlaq. Midd l-ewwel pass, it-tieni ... imbagħad, mal-paliet ta’ saqajh ħass il-kurrenti friski, ħass li dak l-ilma fil-baxx kien l-istess ilma li kien hemm ’il bogħod, fil-fond, hemm f’dak il-fond inġazzat u mudlam ... minkejja l-biża’ li ħakmu, Tanu ħass ix-xewqa stramba li jibqa’ miexi dritt għal ġo fih, jinżel u jħalli lilu nnifsu jinġibed ’l isfel ...

Meta l-kesħa tal-baħar telgħet tiġri mas-sinsla ta’ dahru, il-ġgant iż-żgħir ġie f’sensih. Maħsud, donnu mbeżża’ li tilef lil ommu, dar dawramejt biex jara jilmaħhiex. Dlonk intebaħ li Suna ma kinitx ’il bogħod minnu u serraħ rasu.

U dak il-ħin, intebaħ ukoll li sakemm kien fl-ilma, Suna kienet qed tkanta minn taħt l-ilsien. Għarafha – dik kienet it-taħnina li fi ċkunitu kienet tgħannilu kull filgħaxija, fil-ħin qsajjar qabel kien jintilef fil-lejl ħalliemi.

Sakemm binha kien qed jitpaxxa b’dik il-melodija antika, Suna baxxiet driegħha taħt wiċċ l-ilma u b’ħeffa mbuttat mewġa ilma fid-direzzjoni ta’ binha.

Tanu ħass bħal żrar jaħbat ma’ wiċċu u ma’ ġismu kollu. Imbagħad ħares lura lejn ir-ramel u rah miksi ħlejjaq ħomor joqomsu. Ma riedx jemmen lil għajnejh ... imbagħad, meta għaddiet minn fuqu l-ħasda u ntebaħ x’kienet għamlet ommu, ħares lejha b’għajnejh imberrqin. “Daw’ x’inhuma, ma?!”

“Gambli, Tanu! Gambli kemm trid! Isa, kul!”

“X’nagħmel?”

“Hekk, ara,” qaltlu ommu waqt li bdiet riesqa lejn ix-xatt. Suna tbaxxiet, fetħet il-paliet ta’ jdejha qishom paliet enormi tal-bajtar u kaxkret kemm felħet gambli; għaqqdet idejha flimkien, ressqithom lejn ħalqha u qabdet tmeċlaq waħda f’waħda. Tanu, li żaqqu kienet ilha tgerger żmien, dlonk fetaħ l-aptit meta ra ’l ommu tmaxtar b’tant gost u ma ħasibhiex darbtejn – ġera lura lejn ix-xatt, tbaxxa, ġabar ponn ġeneruż ta’ gambli jimmullaw, u tefgħu f’ħalqu, mingħajr ma ta kas li mal-gambli kien tella’ wkoll ħafna ramel. “Daw’ tajbin aktar mill-għasel, ma!” għajjat wara ftit, fost ħafna tmeċliq u tqarmiċ.

Dakinhar, l-omm u binha kielu sakemm imlew sew il-ħawsla. Imbagħad, Suna ħeġġet lil Tanu biex jibdew jaħsbu għall-mixja lura d-dar. Iżda Tanu ma tax kasha u bil-mod niżżel idejh mimlija qxur u ramel minn ma’ ħalqu – għajnejh kienu msammrin fuq ix-xefaq.

***** ***** *^^^* ***** *****

Il-Ħbieb

Meta tistenbaħ, Żita tħobb ittella’ l-liżar fuq rasha u titgħatta bih minn fuq s’isfel, qisha xi mummja Eġizzjana. Tibqa’ hekk – stenduta f’sodditha – għal xi kwarta, tissemma’ xi jkun qed jiġri madwarha. U meta s-skiet jiġi jiġri ħerqan mill-kmamar kollha tad-dar, Żita sserraħ rasha li l-oħrajn telqu kollha.

F’dan il-ħin, meta donnu kollox ikun wieqaf u kollox ikun sieket ħlief għat-tpespis tal-għasafar fuq barra, Żita tedha tiġbed minn imneħirha l-arja bejn il-pori rqaq tal-liżar. Meta tiġi biex tarmi l-arja minn ħalqha, din ma jirnexxilhiex toħroġ kollha lura mill-pori – minflok, l-arja sħuna taħbat mal-liżar u terġa’ lura għal wiċċha.

Meta tkun battala, din id-dar qadima xxidd seħer isbaħ mis-soltu. Malli l-ġenituri jlebbtu lejn ix-xogħol, mal-erbat irjieħ tad-dar tibda tinxtamm arja aktar safja – donnha l-fwieħa tas-siġar taċ-ċitru li jdawruha tinfilsa ruħha minn bejn ix-xquq dojoq tal-aperturi kollha. Kull filgħodu, Żita ssegwi l-istess ritwal: qabel tinżel titrejjaq, it-tfajla taħfen il-flixkun minn fuq il-komodina, tbexxaq il-bieb tal-gallerija u żżid l-ilma fil-bieqja fl-art. Mhux l-ewwel darba li waqt li tkun qed tferra’ l-ilma, jiġu xi żewġ għasafar tal-bejt fuq iċ-ċinta, jimmullaw bla paċenzja sakemm seħbithom tinġibed ’il ġewwa u toqgħod tnemmsilhom minn wara l-ħġieġ. Imma Żita titgħaxxaq l-aktar meta l-għasafar jintefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom fil-bieqja, jintefħu f’ballun rix u jinħaslu b’ħafna tferfir ferħan ta’ rjus, ġwienaħ u dnieb – għal dawn il-ħlejqiet ċkejkna, l-ilma ta’ dit-tfajla b’qalb taz-zokkor kien l-aqwa antidotu kontra l-qilla xemxija tas-sajf Mediterranju.

Isfel, Żita drat issib it-traċċi tal-eżodu mgħaġġel tal-oħrajn: żewġ maggijiet b’suba’ kafè kiesaħ li jkun beda jeħel mal-qiegħ, żewġ platti mdellkin u miksijin frak; ma’ dawn spiss issib ukoll ħafna rċevuti mgħaffġin u kull xorta ta’ imbarazz ieħor li jitbattal mill-bagalja u mill-handbag fil-bidu tal-ġurnata, ħalli jagħmel wisa’ għal imbarazz ieħor li jakkumula matulha.

Kemm ommha kif ukoll missierha huma bgħula għax-xogħol. Lil ommha, Żita ma tiftakarhiex dejjem hekk, imma f’dawn l-aħħar snin saret bħal żewġha – jekk mhux agħar minnu. Anke xħin tasal lura, ommha tibqa’ titkellem fuq il-kollegi, fuq l-inġustizzji, fuq it-tradimenti u ħafna paroli ieħor li għal Żita jsir qisu id kbira trasparenti li timbuttaha malajr lejn kamritha. Hemm fuq, Żita tedha tisma’ l-għasafar tal-bejt jinġabru għar-raqda fis-siġar taċ-ċitru u malajr tinsa t-treddin t’isfel.

Missierha, minn daqshekk, huwa raġel konsistenti. In-namra tiegħu għall-flus hija fissa daqs iż-żonqor ingastat f’qiegħ l-irdum ftit kilometri ’l bogħod mid-dar. Dan l-aħħar kien qabad jittanta lil Żita biex malli ttemm is-sixth form, jintroduċiha għad-“dinja tax-xogħol” – jew aħjar, “dinjitu.” Issa li beda s-sajf u l-eżamijiet għaddew kollha, Żita xorta tippreferi tibqa’ hawn – f’dinjitha. Namra għall-flus qatt ma kellha u minn mindu missierha kkonvinċa lil ommha biex imorru fi flett arjuż f’wieħed mill-aktar torrijiet lussużi tal-pajjiż, aktar umbratu – fil-preżenza ta’ missierha, ma saritx tiflaħ toqgħod aktar minn minuta.

Mill-bidu tal-jum, meta tinżel għall-kolazzjon solitarju, Żita qatt ma tpoġġi mal-mejda inkallata – tkun trid tinsa, imqar għal ftit, dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ġenituri tagħha. Għaldaqstant, is-sufan jibqa’ dejjem il-post ideali biex f’ħobbha tibbilanċja b’attenzjoni l-iskutella taċ-ċereali u l-mobile, bit-tama li ma jrabbux kunfidenza ma’ xulxin u jsiru tgħassida waħda.

Għodwa minnhom, waqt li b’sebagħha ż-żgħir kienet qed ittella’ l-biżibilju ta’ stampi u kliem li ħafna nies bakkarija kienu diġà ferrgħu f’kull rokna tal-internet, għajnejha waqgħu waħedhom fuq ritratt sfukat, b’titlu stramb fuqu: TINTLEMAĦ BALENA. Għalkemm pajjiżha hu mdawwar b’baħar ifannad, Żita qatt ma basret li balena tista’ tgħaddi daqshekk viċin. Dejjem assumiet li l-baleni tista’ tarahom biss fuq id-dokumentarji jew f’xi ġita apposta. Meta qrat l-ewwel ftit linji tal-artiklu, għajnejha nfetħu ħafna aktar kmieni mis-soltu. Il-balena ntlemħet minn fuq l-art, proprju minn fuq l-irdum f’tarf ir-raħal!

“Hello?!”

“Haw’ Żi, għala qed iċċempel, xi dwejjaq?”

“Ibgħatha bil-posta! Bonġu!”

“U ajma, is-soltu tiktibli litanija messaġġi – mhux iċċempel. Ħsadtni hux, dalgħodu!”

“Rajt x’raw?”

“X’int tgħid?”

Nada kienet taf bl-ossessjoni ta’ Żita bl-annimali kbar. U kienet taf bil-frustrazzjoni ta’ seħbitha għax f’dal-pajjiż bilkemm kien hawn annimali żgħar, aħseb u ara kbar. Għaldaqstant, meta għarrfitha bl-aħbar tal-balena, Nada ġibdet nifs silenzjuż ’il ġewwa u kompliet magħha.

Dakinhar, Nada nzertat xogħol filgħaxija u ma ħasbithiex darbtejn biex timxiha s’għand Żita – aktar biex taraha milli biex toqgħod tisma’ dwar il-baleni. Iżda malli rifset l-għatba, Nada ntebħet li dik l-għodwa kienet se tkun iddedikata għall-imbierka balena li xi ħadd għoġbu jilmaħ minn fuq l-irdum.

Żita laqgħetha bil-laptop f’idha.

“Ara se jaqagħlek!” għajtet Nada b’wiċċ pallidu aktar mis-soltu.

“Ġibt dan għax fuqu l-video jidher aħjar!”

“Mela anke video ħadulha?”

Ma kienx filmat ċar imma ma kienx hemm dubju li dik kienet tassew balena kbira, tielgħa u nieżla bil-lajma, u kull darba li tfeġġ, tarmi sħaba ilma minn fuq rasha. Il-video mċaqlaq kien akkumpanjat minn tfaqqigħ ta’ riħ qawwi u minn ħafna stagħġib ta’ min kien wara l-mobile. Nada, biex turi interess fis-suġġett, ressqet wiċċha lejn l-iskrin u kemmxet għajnejha. “Isma’, naħseb hemm tnejn ta ... għaliex qed jgħidu li raw waħda?”

“Istra, taf li għaddieli l-istess ħsieb! Is-soltu dawk ikunu grupp.”

“Ma nafx ta, għax mhu ċar xej’ da’ ... mela kellu r-rogħda min ħadu?”

Żita kienet ilha ftit li daħħlet ħsieb f’rasha. U fi kliem Nada sabet ix-xoqqa f’moxtha. Żita ma tilfitx ħin u bdiet tħajjar lil seħbitha biex imorru jittawlu minn fuq l-irdum, forsi jaraw il-balena, forsi jiġbdu video aħjar minn dak li raw, forsi jikkonfermaw it-teorija li hemm aktar minn balena waħda. Għall-ewwel Nada ma riedet tniżżilha b’xejn li se jkollha terġa’ toħroġ timxi – ix-xemx kienet laħqet ikkargat u saqajha ħassithom tqal, qishom kolonni tal-irħam. Iżda wara tazza ilma friska u ħafna qrid ta’ seħbitha, Nada aċċettat – basta jmorru bir-roti ġodda li kienet ilha għomor tinnota mgħottijin bil-plastik fil-garaxx. Żita ma ħabblitx rasha

u aċċettat il-kundizzjoni – sa filgħaxija kienu jilħqu jpoġġu r-roti lura taħt il-plastik u l-ġenituri tagħha lanqas b’nemes ma kienu se jindunaw li missewhomlhom.

B’ħarsa ħafifa lejn xulxin, qablu li l-għażla li jirkbu r-roti kienet idea brillanti. Żita tpaxxiet bir-riħ iħabbat ma’ wiċċha u jgħaddi b’saħħa minn ġo xagħarha. Nada, li kellha xagħarha qasir, kienet qed titpaxxa mod ieħor: il-qdif bir-rota kien qed iħollilha l-ansjetà ta’ darha; fiha ma kienx hemm ħafna nies: ommha kienet telqet m’ieħor sentejn qabel u missierha, għalkemm jgħidilha li jħobbha, kien ikun aktar fis-sakra milli f’sensih. Dak il-ħin, ir-rabja, l-uġigħ fl-istonku u l-ħsibijiet imdaħħna bdew itiru u jintilfu b’ħeffa mar-riħ Majjistru.

Wara ftit iż-żewġt iħbieb ma kellhomx għal xiex jaqdfu ħafna aktar – it-triq bdiet taqleb ’l isfel u r-roti donnhom bdew iserrpu waħedhom qalb il-ħafna blat għoli u siġar dellija.

Meta waslu f’wesgħa kbira, li fil-Ħdud tkun miżgħuda bil-familji jgawdu l-veduta u l-arja friska, Żita għamlet sinjal b’sebagħha l-werrej. “Minn hemm irridu ninżlu.”

“Mela mhux minn haw’ fuq se nittawlu?”

“Jiġi tajjeb il-video kieku!”

“Imma hemm kif se ninżlu bir-roti?” saqsiet Nada rassenjata li lil seħbitha xejn ma kien se jgerrxilha l-fellus li daħħlet f’rasha.

Żita serrħitilha rasha li r-roti jistgħu jħalluhom fuq. Setgħu jaqfluhom bil-katina u l-lukkett – wara kollox ma kinux se jdumu ħafna.

Il-passaġġ li niżlu minnu kien jgħaddi minn qalb il-blat ġgantesk tal-qawwi. Huma u neżlin, ħafna drabi b’idejhom it-tnejn iserrħu mal-ħitan umdużi fuq kull naħa, iż-żewġ tfajliet bdew joħorġu l-mobile biex jieħdu r-ritratti – darba ta’ xi fjura, darba ta’ gremxula u darba ta’ qoxra ta’ serp stirata fuq roqgħa sagħtar. Iżda Nada, aktar milli bil-qoxra niexfa, kienet qed taffaxxina ruħha bl-ammont ta’ għeruq ħoxnin imperrċa minn ġol-blat li kienu qed jiddendlu għal fuqhom qishom sriep ħoxnin ibbalzmati; għajnejha kienu wkoll qed jiġru ’l fuq biex tipprova tagħraf ta’ liema siġra jew arbuxxell kienu l-għeruq li kellha jitbandlu quddiemha.

Żita kellha seba’ mitt sena biex jinżlu s’isfel nett ħdejn il-baħar imma seħbitha kienet beħsiebha ttawwal l-istennija; hekk kif rat li Nada niżlet għarkupptejha tħaffer b’idejha taħt arbuxxell, Żita qabdet zokk matnazz u bdiet tħaffer hi wkoll. Wara li Nada kkuntentat ruħha li rat b’għajnejha u misset b’idejha l-għeruq bojod u mimlijin ilma tal-arbuxxell, iż-żewġt iħbieb setgħu jkomplu l-aħħar parti tal-vjaġġ ’l isfel fejn il-ħamrija u l-veġitazzjoni saru aktar skarsi u l-blat delli sar aktar skur u kiesaħ.

F’daqqa waħda, iż-żewġ tfajliet inqatgħu minn saqajhom – għajta qawwija dwiet mal-wied u għal ftit baqgħet tirbombja mal-ħitan għoljin tiegħu. It-tfajliet ma kellhomx għażla fejn iħarsu, ħlief’il fuq. Fix-xaqq sema li kien baqa’ jidher fil-għoli, Nada ħalfet li kienet rat xi ħaġa għaddejja b’ħeffa ta’ vleġġa. Imma kif għajta li kienet ġejja mis-smewwiet setgħet qatt tinstema’ daqshekk ċara u tonda fil-qiegħ nett ta’ dak il-ħondoq? Minkejja d-dubji, u minkejja li seħbitha ħeġġitha biex ikomplu mexjin, Nada baqgħet tgħarrex għal ftit b’dawk l-għajnejn kbar u suwed tagħha biex forsi tagħraf x’kien għadda minn fuqhom, sakemm imbagħad qatgħet qalbha u segwiet lil Żita.

***** ***** *^^^* ***** *****

Kif tagħmel biex tkompli taqra din l-istorja

Il-Professur Għasfur (2015)Din is-silta hija mill-ktieb Ġganti miktub minn David Aloisio u ppubblikat minn Horizons. Sib il-ktieb fil-librerija tal-iskola jew dik pubblika, biex tispiċċa l-istorja. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il-ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.