Id-Daqqaq ta' Hamelin

Kitba ta’ Victor Fenech
Madwar 1,200 kelma
Pubblikazzjoni: Horizons (2023)
***** ***** ***** ***** *****
Il-belt ta’ Ħamlin

Il-belt antika ta’ Ħamlin (Hameln bil-Ġermaniż) tinsab mibnija biswit ix-Xmara Weser, fil-Ġermanja. Bdiet bħala monasteru fis-sena 851 W.K., kibret f’raħal, u baqgħet dejjem tikber sakemm saret belt lejn tmiem is-seklu 12.

Imma, nistħajjel qegħdin tgħidu, x’fiha speċjali? Għaliex baqgħet tissemma?

Skont leġġenda Ġermaniża, fl-1284 f’din il-belt seħħ inċident li fih kellhom sehem ġrieden, tfal, u ċertu daqqaq tal-fifra li baqa’ jissemma fl-istejjer.

Din l-istorja saret popolari fil-ħrejjef tal-aħwa Grimm. Il-poeta Ingliż, Robert Browning, ukoll kiteb poeżija twila u sabiħa ħafna bl-isem The Pied Piper of Hamelin. Xi darba forsi taqrawha. Isimgħu x’kien ġara ...

***** ***** ***** ***** *****
1

Fiż-Żminijiet tan-Nofs il-belt ta’ Ħamlin kienet infestata bil-ġrieden. Ħadd ma sab tarf mnejn kienu ġejjin, jew għaliex kienu nġabru f’Ħamlin.

Imma l-fatt hu li għal xi raġuni jew oħra din iċ-ċorma ġrieden fettlilha tieqaf f’Ħamlin. U f’qasir żmien il-belt kollha kienet infestata bil-ġrieden.

Ġrieden ta’ kull daqs u kull kulur. Ġrieden xjuħ u ġrieden frieħ. Ġrieden jiġru fit-toroq, jidħlu fid-djar, jigdmu lit-tfal huma u jilagħbu, jidħlu fis-suq u jieklu l-prodotti tal-ikel.

Fi ftit kliem, il-ġrieden kienu daħlu f’kull qasam tal-ħajja — u kienu ta’ inkwiet kbir.

Il-membri tal-Kunsill ta’ Ħamlin iltaqgħu kemm-il darba biex jaraw kif se jeħilsu mill-ġrieden. Is-Sindku ħassu qed jiġġennen. Kulħadd beda jsus warajh biex jagħmel xi ħaġa. Imma ħadd ma kien jaf jagħti parir siewi – u l-ġrieden baqgħu jitkattru.

Darba minnhom, f’laqgħa oħra tal-Kunsill, qam wieħed mill-kunsillieri u qal, “Jien għandi ħatni f’belt qrib tagħna u qalli li jaf mezz kif neħilsu minnhom...”

“Ehh!” għajjat is-Sindku, ferħan li tfaċċa xaqq dawl. L-irjus tal-kunsillieri bdew iduru minn fuq is-Sindku għal fuq il-kunsillier li kien tkellem ... u lura lejn is-Sindku.

“Kif?” bdew jgħajtu lkoll f’daqqa. “Għidilna, isa, għidilna!”

“Isa, isa, fittex għidilna,” qallu s-Sindku, li kien qam bilwieqfa minn mal-mejda.

***** ***** *^^^* ***** *****
2

U dan il-kunsillier qalilhom, “Dan ħatni qalli li din l-affari darba kienet ġrat band’oħra, għad li mhux bil-ġrieden ...” U waqt li l-oħrajn kollha reġgħu dendlu rashom ’l isfel, il-kunsillier issokta, “Qalli li kienu ġurati li niżlu f’massa u bdew jieklu l-prodotti kollha tal-għelieqi.”

“U allura x’għandhom x’jaqsmu l-ġrieden mal-ġurati?” bdew jgħajtu l-oħrajn. “Qisek m’għidtilna xejn.”

“Intom isimgħuni, ħudu paċenzja, isimgħuni ...”

“Ħudu paċenzja, isimgħuh,” talab is-Sindku, li daqshom kellu tama f’dan il-kunsillier.

U dan reġa’ beda: “Ħatni qalli li xi ħadd mill-belt tagħhom kien jaf b’wieħed daqqaq li kellu fifra maġika, u meta jdoqqha l-ġurati kienu jibqgħu sejrin warajh, u ħadhom xi mkien qalb il-muntanji, u qatt ma ġew lura.”

“U ħallina!” bdew jgħajtu l-oħrajn. “Aktar int ukoll, temmen fil-fifra maġika!” U fil-kamra tal-Kunsill qamet għagħa liema bħalha, u bdew jiddieħku bih.

Is-Sindku ma qal xejn. Kien kwiet qed jaħseb: ‘Min jaf li kieku ... ħeqq, nippruvaw, m’għandna xejn x’nitilfu. Nippruvaw.’

U reġa’ qam minn mal-mejda u qalilhom, “Ħbieb, kont qed naħseb. Ippruvajna kollox. Għala ma nippruvawx lil dan id-daqqaq? Jekk din l-istorja tassew seħħet, u għandi nifhem li ħaten seħibna ma kienx qed jgħaddih biż-żmien ...”

“Le, x’jiġifieri?” qam jitmasħan il-kunsillier. “Ħatni raġel fuq l-irġiel ...”

“Tajjeb, tajjeb,” interrompieh is-Sindku. “Mela staqsi lil ħatnek fejn nistgħu nsibu lid-daqqaq, u nitkellmu miegħu.”

***** ***** *^^^* ***** *****
3

Għadda ftit taż-żmien u ma seħħ xejn. Imbagħad, ġurnata fost l-oħrajn, fil-belt ta’ Ħamlin deher wieħed raġel liebes stramb, qisu xi pulċinell tal-kummiedja, jew maskarat tal-karnival. Kellu lbiesu kull kulur u kien liebes barnuż aħdar bi pjuma bil-ġolġol li kienet tlaħħaq sa nofs dahru. Saħansitra ż-żraben kienu ta’ kulur aħdar u bi pjuma tobrom ’il fuq.

In-nies ta’ Ħamlin qatt ma kienu raw wieħed bħalu u waqfu jħarsu lejh. It-tfal bdew jidħku, u xi wħud anki mxew filliera warajh, jippruvaw iżommu mal-pass tiegħu, qishom qed jiddieħku bih.

Id-daqqaq ma qal xejn, ma ħares lejn ebda naħa, u baqa’ miexi dritt dritt bil-fifra taħt abtu. Meta wasal ħdejn il-bini tal-Kunsill waqaf, ħares madwaru, imbagħad baqa’ dieħel fil-bini qisu kien tiegħu.

Il-Kunsill kien qiegħed f’seduta dak il-ħin, imma kif rawh kull kunsillier baqa’ ċass iħares lejh. Is-Sindku qam minn postu u resaq lejh. “Għaddi, ħabib tagħna,” qallu.

Ftit wara kien bilqiegħda ħdejn is-Sindku li beda jfiehmu kollox. “Taħseb li taqdina, ħabib?” staqsieh fl-aħħar waqt li l-kunsillieri l-oħra baqgħu kollha ħalqhom miftuħ bla lissnu l-iċken kelma.

“Naqdikom, imma l-ewwel irridu niftiehmu l-prezz,” wieġbu d-daqqaq bla tlaqliq. Deher kunfidenti fih innifsu. Tal-Kunsill baqgħu jħarsu lejh. U hu dritt dritt baqa’ jistenna tweġiba.

Fl-aħħar tkellem is-Sindku: “Eh, eh, naturalment, naturalment, kull xogħol fih il-ħlas tiegħu. Għidilna kemm, basta teħlisna mill-ġrieden kollha darba għal dejjem.”

Fil-kamra waqa’ skiet taqtgħu b’sikkina. Għaxar pari għajnejn kienu msammrin fuq id-daqqaq, jistennew tweġiba.

U d-daqqaq tahom it-tweġiba: “Elf gilder.”

Kull wiċċ inbidel. Baqgħu jħarsu lejh b’ħalqhom miftuħ, ma jridux jemmnu s-somma li semmielhom.

“Elf gilder!” għajjat xi ħadd minnhom. “Elf gilder!” bdew jgħajtu kollha, mistagħġbin. Imbagħad fil-kamra waqa’ skiet perfett.

Id-daqqaq baqa’ wieqaf dritt u ma qal xejn. Is-Sindku ħarislu dritt f’għajnejh u b’leħen ċivili qallu, “Elf gilder, ħabib, huma flejjes kbar. U din belt żgħira, ta’ ftit riżorsi. Kieku għidtilna ‘ħames mitt gilder’ konna naraw mnejn se nġibuhom u mmexxu ...”

“Elf gilder,” reġa’ lissen id-daqqaq, u wera li ma jridx kliem aktar. “B’elf gilder neħliskom mill-ġrieden kollha darba għal dejjem.”

Fil-kamra reġa’ waqa’ s-skiet, kulħadd iħares lejn xulxin, imbagħad ilkoll f’daqqa lejn is-Sindku, li deher mifxul daqshom. “Ara,” qallu fl-aħħar, “agħtina ċans nitkellmuha ...”

“Nagħtikom sal-lejla,” qalilhom. “Inkella għandi biċċa xogħol oħra, f’post ieħor, u ma tarawnix aktar. Jekk taċċettaw, nibda għada filgħodu kmieni. Sa filgħaxija tkunu belt kwieta, u ġrieden ma taraw qatt aktar.”

“Sal-lejla,” wieġeb b’ton baxx is-Sindku. “Issa ħallina ftit waħedna ħa nitkellmuha.”

Ma kellhomx għażla. Jew iħallsuh is-somma li ried, jew jibqgħu bil-ġrieden għal għomorhom. “Elf gilder!” qal wieħed u beda jrodd is-slaleb. “Ara b’elf gilder kemm nistgħu noħolqu xogħol f’Ħamlin tagħna!”

Wieġbu sieħbu, “U nibqgħu b’dal-misħutin ġrieden għal dejjem? Lanqas it-tfal fi djarna stess ma nistgħu nafdaw, għax il-ġrieden jidħlu minn kullimkien ...”

U s-Sindku fl-aħħar qalilhom, “Intom ħallu f’idi. L-aqwa li jeħlisna minn dan l-għawġ.”

L-għada filgħodu kmieni feġġ id-daqqaq fil-pjazza ewlenija tal-belt. Mid-djar kollha tal-madwar it-twieqi u l-gallariji kienu imballati bin-nies jittawlu u jistennew x’se jiġri, għax il-kelma malajr kienet xterdet li ġie daqqaq irqiq liebes ta’ kummidjant li kien se jeħlishom mill-ġrieden darba għal dejjem.

Id-daqqaq kien jaf li kulħadd qed iħares lejh. Imma ma weriex. Qisu hu waħdu kien jeżisti. Dam ftit iteftef fl-istrument li kellu f’idu. Imbagħad għolla l-fifra ma’ xufftejh u beda jmexxi subgħajh irqaq matulha. Bdiet ħierġa mużika stramba u ftit wara deher l-ewwel grupp ta’ ġrieden ħiereġ mill-moħbiet lejlija tagħhom.

Il-ġrieden baqgħu ħerġin minn kullimkien, ma jaqtgħu xejn. Imbagħad id-daqqaq beda miexi bil-ġrieden mexjin warajh. Dar mal-pjazza u żdiedu aktar ġrieden. Meta l-pjazza ma felħithomx aktar, id-daqqaq beda miexi mit-triq ewlenija u rħielha lejn tarf il-belt, bil-ġrieden dejjem joktru warajh.

Kien hemm xi ħaġa tassew stramba, xi ħaġa maġika, f’dik il-mużika, għax wara d-daqqaq bdew jimmarċjaw eluf ta’ ġrieden li bdew joħorġu minn kull fejn jgħaddi.

U d-daqqaq baqa’ ħiereġ mill-belt lejn il-muntanji, bil-massa ġrieden dejjem warajh.

Il-mużika ntfiet fil-bogħod u f’Ħamlin waqa’ kwiet perfett. Meta mbagħad deher li l-ġrieden kienu tassew għebu għalkollox il-belt splodiet f’għajjat ta’ ferħ u tgħanniq u ċapċip, u s-Sindku deher fil-gallarija jxejjer lill-folla.

***** ***** *^^^* ***** *****

Kif tagħmel biex tkompli taqra din l-istorja

Id-Daqqaq ta' HamelinDin is-silta hija mill-ktieb Id-Daqqaq ta' Hamelin miktub minn Victor Fenech u ppubblikat minn Horizons. Sib il-ktieb fil-librerija tal-iskola jew dik pubblika, biex tispiċċa l-istorja. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il-ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Horizons.