Il-Qattus li Fenda għal Rasu

Ħrafa tradizzjonali
Madwar 1,050 kelma
Adattament: Norman C. Borg
© Norman C. Borg
***** ***** ***** ***** *****

Fil-Ġermanja hemm il-belt kbira ta’ Bremen. Mhux ħafna bogħod minnha hemm raħal żgħir. Ħafna żmien ilu, f’dan ir-raħal kien jgħix raġel li kellu ħmar.

Dan il-ħmar kien ħadem qatigħ ħajtu kollha għal sidu. Kuljum, minbarra l-Ħdud, kien ikollu jġorr fuq dahru xkejjer tqal ta’ qamħ għall-mitħna, biex jintaħan fi dqiq. Imma l-ħmar issa xjaħ, u l-ixkejjer beda jħosshom ħafna aktar tqal minn qabel.

Ir-raġel għalhekk beda jaħseb kienx jaqbillu jibqa’ jitma ħmar li ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jagħmel xogħlu.

Il-ħmar, li fix-xjuħija tiegħu kien rabba ħafna esperjenza, basar x’kien il-ħsieb tar-raġel, għalhekk qatagħha li jaħrab.

Kien iħobb il-mużika u minn dejjem xtaq li jsir daqqaq. Seta’ jobsor li f’belt kbira bħal Bremen żgur li kien hemm xi banda, u forsi hu seta’ jsib xogħol idoqq fiha. Għaldaqstant irħielha lejn Bremen.

Fi triqtu ltaqa’ ma’ kelb mimdud fuq il-ġenb tat-triq. Il-kelb kien jidher għajjien. Kien qiegħed jonfoħ bil-qawwi daqslikieku kien għadu kemm jispiċċa tellieqa.

“Saħħa, sieħbi l-kelb. X’minnek?” staqsieh il-ħmar.

“Ah!” wieġeb il-kelb. “Xjaħt wisq biex nibqa’ nikkaċċja għal sidi, u qiegħed jippjana biex joqtolni. Għalhekk ħrabtlu. Imm’issa ma nafx fejn nista’ mmur u kif inqatta’ l-bqija ta’ ħajti.”

“Għax ma tiġix miegħi?” qal il-ħmar. “Jien ukoll kelli naħrab minn sidi. Dalwaqt se nkun xjaħt wisq biex inkun nista’ nġorr it-tagħbija tiegħu u jispiċċa biex ma jibqax jitmgħani iktar. Biħsiebni mmur Bremen biex insir daqqaq. Għax ma tiġix miegħi? Jiena nista’ ndoqq il-flawt u inti t-tnabar.”

Il-kelb għoġbitu l-idea, u t-tnejn li kienu komplew it-triq lejn Bremen.

Fi treqithom ma damux ma raw qattusa. Kienet bilqiegħda fuq ġenb it-triq, u kellha geddum twil.

“Saħħa, seħibti l-qattusa. X’minnek?” staqsieha l-ħmar.

“Ah!” wieġbet il-qattusa. “Issa li qed nixjieħ in-nejbiet tiegħu m’għadhomx daqshekk ippuntati u ma nistax naqbad il-ġrieden malajr kif kont nagħmel qabel. Aktar nippreferi nimtedd quddiem fuklar milli niġri wara l-ġrieden. Minħabba f’hekk sidti biħsiebha tgħarraqni fix-xmara. Għalhekk iddeċidejt li naħrab. Imm’issa ma nafx fejn nista’ mmur u kif inqatta’ l-bqija ta’ ħajti.”

“Mela għax ma tiġix magħna?” staqsieha l-ħmar. “Aħna wkoll ħrabna mis-sidien tagħna. Biħsiebna mmorru Bremen biex insiru daqqaqa. Naħseb li inti mdorrija tkanta billejl. Għax ma tiġix magħna?”

Il-qattusa għoġbitha l-idea, u t-tlieta li kienu komplew it-triq lejn Bremen.

Ftit żmien wara t-tliet vjaġġaturi waslu f’razzett. Kien hemm serduq qed jixxabbat fuq ir-rixtellu, jidden b’ħanxra daqsiex.

“Saħħa, sieħbi s-serduq. X’minnek?” staqsieh il-ħmar.

“Ah!” wieġeb is-serduq. “Il-Ħadd li ġej sidi se jġib xi mistednin. Sidti qed tippjana li tagħmel soppa tat-tiġieġ, u għada biħsiebhom joqtluni biex isajruni. Allura issa qed nidden kemm niflaħ sakemm għadni ħaj.”

“Tinkwetax, sieħbi serduq,” kompla l-ħmar. “Għadu mhux iż-żmien li tmut. Għaliex ma tiġix magħna? Biħsiebna mmorru Bremen biex insiru daqqaqa. Inti għandek vuċi sabiħa, u jiena żgur li tkun tista’ tgħinna. Għax ma tiġix magħna?”

Is-serduq għoġbitu l-idea, u l-erbgħa li kienu komplew it-triq lejn Bremen.

Billi Bremen kienet għadha ’l bogħod, ma setgħux jaslu f’dik l-istess ġurnata, għalhekk ftiehmu biex jieqfu u jqattgħu il-lejl fil-foresta.

Il-ħmar u l-kelb imteddew taħt siġra. Il-qattusa sabet post kenni bejn il-friegħi baxxi tas-siġra. Is-serduq tar sal-quċċata tas-siġra, għax ħaseb li hemm kien ikun iktar sigur.

Qabel ma għajnu marret bih, is-serduq ħares madwaru. Fil-bogħod lemaħ dawl dgħajjef.

“Naħseb li hemm dawl ftit ’il bogħod,” qal lil sħabu. “Naħseb li hija xi dar fil-qrib.”

“Jekk tassew hija dar,” wieġeb il-ħmar, “aħjar immorru nsibuha, għax hawnhekk ma nħossnix komdu ħafna.”

“U forsi nsib xi għadma bi ftit laħam magħha,” kompla l-kelb.

L-erbat iħbieb bdew mexjin lejn id-dawl dgħajjef. Aktar ma bdew joqorbu, aktar id-dawl beda jikber.

Fl-aħħar waslu ħdejn dar. Id-dawl kien ħiereġ minn tieqa. Billi l-ħmar kien l-itwal fosthom, seta’ jittawwal ġewwa.

“X’qed tara, sieħbi l-ħmar?” staqsa s-serduq.

“X’qed nara?” tenna l-ħmar. “Qed nara mejda, kollha miksija b’ikel u xorb, u xi ħallelin bilqiegħda madwarha jiċċaċċraw u jidħqu.”

“Dik hija ħaġa tajba għalina,” qal is-serduq.

“Ah! Kieku nistgħu nieħdu xi ftit minn dak l-ikel!” qal il-ħmar kollu mxennaq.

Għalhekk l-erbat iħbieb bdew jiddiskutu kif setgħu jagħmlu biex igerrxu lill-ħallelin. Fl-aħħar qablu fuq pjan.

Il-ħmar tella’ saqajh ta’ quddiem fuq ħoġor it-tieqa. Il-kelb tela’ fuq dahru. Il-qattusa telgħet fuq dahar il-kelb. Is-serduq ixxabbat fuq dahar il-qattus.

Dan kollu għamluh fi skiet perfett.

Malli kienu lesti, il-ħmar għamel sinjal, u għalenija bdew jagħmlu l-mużika b’kull saħħa li kellhom.

Il-ħmar beda jinħaq, il-kelb beda jinbaħ, il-qattusa bdiet tnewwaħ u s-serduq beda jidden. Żgur li qatt ma smajt storbju terribbli daqshekk!

Fl-istess waqt, l-erbat iħbieb sfrundaw it-tieqa u kissru l-ħġieġ kollu. Aktar storbju!

Il-ħallelin qomsu minn posthom maħsudin, u lebbtu mid-dar u dritt fil-foresta daqslikieku xi xifajk kien qed jiġri warajhom.

Wara dan, il-ħmar, il-kelb, il-qattusa u s-serduq qagħdu bilqiegħda madwar il-mejda u bdew jieklu sakemm infaqgħu.

Wara din l-ikla liema bħalha, tfew id-dwal u marru jorqdu.

Il-ħmar mar jimtedd fuq ftit tiben fil-bitħa. Il-kelb mar inxteħet wara l-bieb. Il-qattusa marret inxteħtet fejn il-fuklar, u s-serduq tela’ jistrieħ fuq wieħed mix-xorok taħt is-saqaf.

Tant kienu għajjenin wara l-mixja twila u l-ikla bnina li għajnhom fis marret bihom.

Sadanittant, il-ħallelin kienu qed jittawlu minn qalb il-ħaxix. Raw id-dwal jintfew fid-dar. Sa nofsillejl, kollox kien skiet perfett. U mbagħad bdew jaħsbu għalfejn kienu nħasdu daqshekk.

“Ma mmissniex bżajna u ħrabna malajr daqshekk,” qal il-kap tagħhom. Ordna lil wieħed mill-oħrajn biex joqrob lejn id-dar u jittawwal.

Bil-qajla, il-ħalliel resaq lejn id-dar. Ma kienx jinstema’ ħoss wieħed. Għalhekk, bil-mod il-mod, daħal fil-kċina biex jipprova jixgħel xemgħa.

Imma f’dak id-dlam, lemaħ għajnejn il-qattusa jleqqu. Ħaseb li kienu rmied tan-nar, għalhekk ressaq ix-xemgħa lejhom bix jixgħelha.

Il-qattusa m’għoġbithiex li jkollha xi ħaġa mtamma’ ma’ ħalqha. Qomsot f’daqqa, twerżaq u tobżoq, u girfet wiċċ il-ħalliel.

Il-ħalliel, bi msarnu f’saqajh, lebbet lejn il-bieb. Imma hemm tħabbel fil-kelb, li qam u gidmu f’siequ. Hekk kif il-ħalliel ipprova jaqsam il-bitħa, il-ħmar xejjirlu daqqa ta’ żewġ. Sadanittant, dan l-istorbju kollu gerrex lis-serduq. Niżel itir mis-saqaf, iwerżaq bħal miġnun.

Il-ħalliel kien imwerwer. Beda jzappap lura lejn sħabu malajr kemm jiflaħ.

“Xi ġralek?” staqsieh il-kap tal-ħallelin.

“Ommi ma!” beda jingħi il-ħalliel. “Hemm saħħara fid-dar. Beżqet fuqi u girfitli wiċċi b’dawk id-dwiefer twal tagħha! Wara l-bieb hemm raġel għassa b’sikkina. Tani daqqa f’sieqi. Fil-bitħa hemm mostru daqsiex iswed. Beda jfajjarli b’bastun tal-injam. U mas-saqaf hemm xi mħallef li beda jgħajjat, ‘Ġibu lill-ħalliel quddiemi!’. Għalhekk tlaqt niġri minn hemm kemm niflaħ.”

Wara din l-avventura terribbli, il-ħallelin qatgħuha li ma jersqux iktar lejn dik id-dar.

Dan kien perfett għall-erba’ ħbieb tagħna. Iddeċidew li jibqgħu joqogħdu hemm.

U qatt ma marru Bremen biex isiru daqqaqa!

***** ***** TMIEM ***** *****
***** ***** [FUQ] ***** *****