H. Rider Haggard
Sors: wikipedia.org

Henry Rider Haggard (1875 – 1925)

Għalkemm Sir Henry Rider Haggard illum huwa l-aktar magħruf bħala rumanzier, matul ħajtu kien fil-fatt segretarju tal-gvern kolonjali tal-Afrika t’Isfel, ragħaj tan-ngħam, avukat u espert fl-agrikoltura. Kienet waħda mill-kitbiet tiegħu dwar l-agrikoltura li għaliha kien ingħata t-titlu ta’ Sir fl-1912.

Twieled l-Ingilterra nhar it-22 ta’ Ġunju, 1856. Fl-1875, fl-età ta’ dsatax-il sena, mar l-Afrika t’Isfel bħala segretarju tal-gvernatur Britanniku għal Natal. Fl-1879 telaq dak ix-xogħol biex jibda jrabbi n-ngħam. Fl-Afrika t’Isfel in-ngħam kienu jrabbuhom għar-rix tagħhom, li kien moda kbira kemm għat-tiżjin kif ukoll bħala mriewaħ għan-nisa sinjuri.

Aktar tard f’ħajtu kiteb dwar dawn l-esperjenzi. “In-ngħama hija għasfur kemxejn antipatika. F’burdata ħażina tibqa’ tiġri warajk sakemm taqilbek mal-art. Jekk ngħama taqbad tiġri warajk l-unika ħaġa li tista’ tagħmel hija li tinxteħet ċatt mal-art. B’dan il-mod ma tkunx tista’ tolqtok b’saqajha u ma tkunx tista’ tagħtik b’munqarha. Tibda toqmos u tiżfen madwarek u mbagħad toqgħod bilqiegħda fuq rasek qisha tistħajjilha xi bajda li tkun tridha tfaqqas.”

Wara sentejn Haggard ma baqax irabbi n-ngħam u mar lura l-Ingilterra fejn ħa dottorat fil-liġi fl-1884. Madankollu ma ħadimx ħafna bħala avukat, għax fl-1885 ippubblika r-rumanz Il-Minjieri tar-Re Salamun, li għamel tant suċċess li lanqas kellu bżonn jaħdem aktar.

Haggard kien jikteb ir-rumanzi tiegħu malajr ħafna, u dejjem qal li kien jiktibhom sempliċement biex jaqla’ l-flus. Dak li tassew kien jinteressah, kien jgħid, kienu l-agrikoltura u l-kolonji tax-xogħol. Imma kien jieħu l-kitbiet tiegħu bis-serjetà wkoll, tant li semma lit-tlitt ibniet tiegħu għal tliet personaġġi mir-rumanzi tiegħu. Sakemm miet fl-1925 kien laħaq kiteb erbgħin rumanz.

Haggard qatta’ ħafna żmien minn ħajtu jivvjaġġa, speċjalment fl-Afrika, biex jiġbor tagħrif għar-rumanzi tiegħu. Żar il-piramidi tal-Eġittu u użahom bħala sfond għar-rumanz tiegħu Cleopatra, li kiteb fl-1889. Fl-awtobijografija tiegħu, Ġranet minn Ħajti, spjega kif kien juża l-esperjenzi tiegħu.

”Mill-Kajr, komplejt sejjer tul in-Nil, u bdejt nosserva t-tempji u l-oqbra kollha tar-rejiet ta’ Tebe. Meta mort hemm l-ewwel darba niftakar kif inżilt f’wieħed minnhom bit-torċa tan-nar biex ingerrex il-miljuni ta’ friefet il-lejl li kien hemm. Għadni qed narahom issa, dawk il-friefet il-lejl, fid-dawl tan-nar, qishom iħirsa jiżfnu fuq il-ħitan. Fil-fatt wara tajthom il-ħajja fl-ispirtu tal-farfett il-lejl ġgantesk fil-piramida fejn Cleopatra u Harmakis marru jfittxu t-teżor ta’ Menkau-ra.”

Haggard kien tal-fehma li kittieb għandu jżur il-postijiet li jkun irid jiddeskrivi fl-istejjer tiegħu. Kiteb hekk: “Jekk wieħed irid jikteb rumanz tassew tajjeb bi sfond ta’ xi perjodu antik, l-aħjar li jista’ jagħmel huwa li jmur iżur dawk l-imkejjen fejn il-personaġġi tal-istorja tiegħu kienu għexu, ħalli jintilef f’dak l-ambjent. B’hekk forsi jkun jista’ jaqbad xi ħaġa minn dik l-atmosfera. Umbagħad, jekk ikollu tagħrif biżżejjed, l-immaġinazzjoni tiegħu tagħmel il-kumplament.”

© Norman C. Borg

Avventura | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja