Esopu
Sors: wikipedia.org

Esopu (?620 – ?564 QEK)

Esopu kien ilsir Grieg magħruf għal ħafna stejjer li kien jirrakkonta u li nġabru minn ħafna kittieba oħra matul iż-żminijiet. Dawn il-ħrejjef xterrdu f’ħafna pajjiżi b’lingwi differenti, u għadhom popolari sal-lum. Il-parti l-kbira tal-ħrejjef huma antropomorfiċi, jiġifieri l-karattri fl-istejjer huma annimali li jitkellmu u jġibu ruħhom bħall-bnedmin, bil-preġji u d-difetti kollha tagħhom.

Minn kittieba bikrija nafu li Esopu kien ilsir fil-belt ta’ Samos, li permezz tal-għerf tiegħu rnexxielu jingħata l-ħelsien. Miet fil-belt ta’ Delfi. Jingħad li hemmhekk offenda lin-nies ta’ Delfi. Ivvintaw storja biex jakkużawh li seraq oġġetti prezzjużi mit-tempju, u b’kastig xeħtuh minn għolja għal isfel.

Ma teżisti l-ebda kitba tiegħu, u x’aktarx il-ħrejjef tiegħu ma niżżilhomx bil-miktub. Maż-żmien ħafna kittieba oħra ġabru l-ħrejjef fil-kitbiet tagħhom. Xi wħud mill-ħrejjef saħansitra nkitbu fil-forma ta’ poeżiji.

Matul is-sekli tant inkitbu verżjonijiet differenti tal-ħrejjef li llum il-ġurnata ħafna jiddubitaw kemm fil-fatt il-ħrejjef li baqgħu humiex bħal dawk oriġinali li Esopu kien jirrakkonta. Mill-20 seklu ’l hawn ħafna studjużi qed jippruvaw iqarrbu l-verżjonijiet moderni lejn dawk oriġinali.

Skont it-tradizzjoni Esopu kien ikrah ħafna, ħotbi, b’ras sfigurata u mnieħer ċatt. Saqajh kienu mgħawġin u kellu driegħi qosra. Kien werċ u xofftejh kienu ħoxnin. In-nies kienet tidħaq bih mhux għall-ħrejjef li kien jirrakkonta, imma għad-dehra u l-vuċi tiegħu. Kitba tat-tieni seklu wara l-era Komuni, Ir-Rumanz ta’ Esopu, tiddeskrivih hekk. Studjużi moderni jaħsbu li din il-kitba hija aktar fantasija milli realtà, u ma nafux kemm minn din id-deskrizzjoni huwa veru. Madankollu din l-idea ta’ Esopu ikrah saret popolari ħafna maż-żminijiet, tant li pitturi u skulturi jippreżentaw lil Esopu f’din ix-xbieha.

Fil-fatt Esopu kien stuż u għaqli, u l-għerf tiegħu għenu biex isir konsulent u ambaxxatur ta’ bosta rejiet.

© Norman C. Borg
Qari tal-provi: Therese Vella

Avventura | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja