Alexandre Dumas
Sors: wikipedia.org

Alexandre Dumas (1802-1870)

Meta Alexandre Dumas ppreżenta l-ewwel reċta tiegħu għat-teatru, saqsewh, “Għandek xi xogħol ieħor barra minn dan?” Meta qalilhom li kien skrivan, qalulu “Mela erġa’ mur wara l-iskrivanija u ibqa’ skrivan!”

Imma Dumas ma tax kas dak il-parir, u spiċċa biex sar wieħed mill-aqwa kittieba u dramaturgi. Tant sar famuż li triq f’belt żgħira fejn kien twieled fl-1802, ftit ’il barra minn Pariġi, semmewha għalih.

Il-ħajja kienet iebsa għal Dumas meta kien żgħir. Missieru, li kien ġeneral fl-armata ta’ Napuljun, miet meta hu kien għad kellu erba’ snin. Dumas u ommu ma kellhom xejn għajr l-art żgħira fejn kienu jgħixu. Batew ħafna biex ikampaw, u Dumas ftit li xejn mar skola. Meta kiber beda jaħdem ma’ avukat bħala messaġġier, u aktar tard beda jaħdem bħala skrivan f’Pariġi.

Dumas minn dejjem kien miġbud lejn it-teatru, u waqt li kien jaħdem bħala skrivan beda jikteb ir-reċti. Malli kienet tiġih idea għal xi reċta, kien jirreċta l-vers, wieħed wara l-ieħor, lilu nnifsu u lill-ħbieb tiegħu. Meta r-reċta kienet lesta u ċara f’moħħu, kien jibda jiktibha.

Fl-1828 il-kumitat tat-Theatre Francais, għażel waħda mir-reċti tiegħu, Henri III, biex tiġi ppreżentata lill-pubbliku, u kienet suċċess immedjat. L-għada filgħodu editur ta’ gazzetta ħataf lil Dumas u ħadu għand artist biex dak il-ħin stess ipinġi x-xbieha tiegħu għall-gazzetta. B’hekk wiċċ Dumas sar dehra komuni f’Pariġi. Aktar tard kiteb, “Is-suċċess tiegħi, għalkemm forsi mhux daqshekk mistħoqq, kien bla dubju ta’ xejn sensazzjonali dak iż-żmien.”

Fl-1839 Dumas ltaqa’ ma’ Auguste Maquet, li kien studjuż tal-istorja, għalliem u anki kittieb. Maquet sar kollaboratur ta’ Dumas għal ħafna mill-kitbiet tiegħu. Lil Dumas tah l-informazzjoni storika, waqt li l-immaġinazzjoni ta’ Dumas qalbet dan it-tagħrif f’rumanzi epiċi bħal It-Tliet Muskettieri u Il-Konti ta’ Monte Kristo.

L-idea għal Il-Konti ta’ Monte Kristo kienet ġiet lil Dumas meta kien żar il-gżira ta’ Elba. Wara dik iż-żjara, hu u ħabib tiegħu kienu fuq vapur fi treqithom lejn gżira maġenb Elba għall-kaċċa. Fil-bogħod lemħu blata, u meta Dumas staqsa dwarha qalulu li kienet il-gżira ta’ Monte Cristo. L-isem laqtu u, għalkemm ma setax imur fuq il-gżira għax kienet taħt kwarantina, l-isem ma nesieh qatt.

Permezz ta’ kitbietu Dumas sar sinjur, imma kien jgħix ħajja stravaganti ħafna qisu wieħed mill-personaġġi tar-rumanzi tiegħu, u malajr spiċċa fid-dejn. L-isfortuna tiegħu bdiet meta beda jibni dar kbira u fastuża li semmieha Monte Cristo. Dakinhar li kienet kompluta stieden madwar sitt mitt ruħ biex jarawha.

Id-dar kellha ħafna kmamar għall-mistednin, u meta ħbiebu kienu jiġu, kienu joqogħdu hemm għal ħafna ġranet, il-ħin kollu jberbqu flusu, u l-flus bdew itiru aktar malajr minn kemm kien qiegħed jaqla’ b’kitbietu. Xi kultant xi mistednin kienu joffrulu xi ħaġa bħala kumpens. Lil persuna minnhom Dumas talabha tiċċekkjalu t-temperatura fil-kmamar tad-dar kuljum.

Sadanittant Dumas kompla jikteb, bil-għajnuna ta’ ħafna kollaboraturi, u reġa’ beda jaqla’ l-flus sew. Madankollu din it-tip ta’ ħajja kienet qiegħda tgħajjieh. Kien kważi laħaq il-faqar meta miet fl-1870, fl-età ta’ tmienja u sittin sena.

© Norman C. Borg

Avventura | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja