Logo Vetrina X'inhuma l-Kotba fil-But? Il-Librerija Il-Kittieba Norman C. Borg Għall-paġna Facebook Fittex fil-Librerija

Sejħa lill-Qarrejja tal-Provi

L-aħħar aġġornament: 4 ta' Settembru 2024

L-adattamenti li fassalt għal dan is-sit s'issa jgħoddu 'l fuq minn 203,000 kelma, u għalhekk ma jistax ikun li xi mkien ma ħarabx xi żball tat-tipa, tal-istil jew tal-ortografija.

Bħalma jgħid il-qaddis tal-qarrej tal-provi (jekk ma qlajthiex minn żniedi) żewġ pari għajnejn aħjar minn wieħed. Għaldaqstant nistieden lill-qarrejja tal-provi, stabbiliti u mhux, biex jagħżlu xi wieħed mill-kotba, jgħarbluh sewwa u javżawni fejn isibu xi diskrepanzi.

Dan is-sit huwa frott ta' xogħol volontarju u mingħajr ebda qligħ kummerċjali, għalhekk b'xorti ħażina ma nistax noffri ħlas għall-kontribuzzjoni tagħkom. Wieħed jista' jqisu sempliċement bħala ftit taħriġ biex torqom aktar il-ħiliet tiegħek bħala qarrej tal-provi.

Jekk inti interessat/a toffri qari tal-provi ta' xi wieħed mit-testi, tista' tiktibli personalment fuq dan l-indirizz:

Għarrafni dwar liema test tkun interessat/a teżamina, u niddiskutu l-proċedura. Ismek jidher fit-test bħala kontributur fil-qari tal-provi.

Jekk tixtieq tkun taf aktar, ara l-proċedura sħiħa hawn isfel.

Niżżik ħajr bil-quddiem għall-kontribut tiegħek.

Il-Proċedura għall-qari tal-provi

  • Agħżel ktieb mill-ewwel sezzjoni tal-Librerija (il-qxur bil-kulur). Tista' tagħżel skont is-suġġett jew, jiddependi kemm minn ħinek tixtieq toffri, skont it-tul tal-ktieb. Bħalissa, it-tul ivarja bejn l-1,000 kelma u 'l fuq minn 10,000.
  • Ara mil-lista t'hawn taħt il-ktieb li għażilt hux diġà qed jiġi ppruvat. Jekk iva, agħżel test ieħor.

Kif inkun naf kemm hu twil ktieb?

  1. Fuq PC jew iMac, poġġi l-pointer tal-maws fuq il-qoxra tal-ktieb mingħajr ma tikklikkja. Għandha titfaċċa kaxxa żgħira bit-tul tat-test fost tagħrif ieħor. JEW...
  2. Iftaħ il-ktieb. Għandek issib in-numru ta' kliem xi mkien taħt it-titlu. JEW...
  3. Fittex il-ktieb taħt waħda mill-kategoriji. Is-sommarji tal-kotba jkollhom it-tul tat-test.
sommarju
  • Malli tagħmel l-għażla tiegħek, ibgħat għidli fuq l-indirizz kotbafilbut@normancborg.eu.
  • Tibdiex il-qari tal-provi qabel ma nwieġbek. Nibgħatlek it-test f'format .docx ħalli tkun tista' tuża t-Track Changes.
  • Ibgħatli lura t-test proċessat b'dan il-mod.
  • Malli nivverifika x-xogħol, intellgħu fuq is-sit u ismek jitniżżel fit-test bħala kontributur.

Liema testi qed isir qari tal-provi fuqhom?

Biex ma jsirx xogħol doppju, hawn taħt se jitniżżel ix-xogħol li diġà sar jew qed isir qari tal-provi fuqu. Għaldaqstant agħżel xi test ieħor jekk tkun tixtieq toffri is-servizzi tiegħek.

  • L-Aħħar Moħikan (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu)
  • L-Avventuri ta' Pinokkjo (Therese Vella u l-ANL)
  • Ben Hur (l-ANL)
  • Dawra mad-dinja fi 80 jum (l-ANL)
  • Id-Dinja l-Mitlufa (Anabel Micallef)
  • Don Quixote (l-ANL)
  • Dracula (Anabel Micallef)
  • Il-Gabbana taz-Ziju Tom (Therese Vella)
  • Il-Gżira tat-teżor (Therese Vella)
  • Għanja tal-Milied (Therese Vella)
  • L-Għarajjes (l-ANL)
  • Għemejjel Persew (l-ANL)
  • 20,000 Lega taħt il-baħar (l-ANL)
  • Heidi (Priscilla Sammut)
  • Ħrejjef ta' Esopu (Therese Vella)
  • Ħrejjef minn Ktieb il-Ġungla (Anabel Micallef)
  • Il-Kelb ta' Baskerville (l-ANL)
  • Il-Leġġenda ta' San Dimitri (Therese Vella)
  • Moby Dick (l-ANL)
  • Il-Praspar ta' Nasreddin (Therese Vella)
  • Il-Qattus li fenda għal rasu (Priscilla Sammut)
  • Ir-Raġel l-inviżibbli (Therese Vella)
  • Stejjer qabel torqord 1 (Therese Vella)
  • Tesew u l-Minotawr (Therese Vella)
  • Il-Vjaġġi ta' Gulliver (Priscilla Sammut)

Nista' noffri qari tal-provi ta' ktieb li għadu ma ħariġx?

Iva. Is-sezzjoni fil-Librerija tal-qxur bil-griż tinkludi kotba li se joħorġu fil-ġejjieni, u fil-fatt uħud minnhom diġà inklużi fil-kalendarju għall-2024. Dawn nistgħu nibdew induruhom qabel ma joħorġu.

  • Ktieb huwa lest għall-qari tal-provi jekk jidher in-numru ta' kliem permezz tal-ewwel metodu msemmi hawn fuq (għaddi l-pointer fuqu). Agħżel wieħed minn dawn, iżda qabel ara l-lista t'hawn fuq biex tkun taf jekk dak ix-xogħol hux diġà qed jiġi ppruvat.