Sejħa lil awturi u pubblikaturiGħalkemm dan il-proġett jiffoka fuq xogħlijiet klassiċi internazzjonali li huma ta' dominju pubbliku, ma jistax jonqos li jħeġġeġ ukoll il-qari ta' kitba bil-Malti aktar moderna, minn awturi lokali. Għaldaqstant, Kotba fil-But jistieden lill-awturi u l-pubblikaturi lokali jikkontribwixxu siltiet biex jiżdiedu fil-Librerija tas-sit. Bħala awtur, tista' toffri silta qasira jew kapitlu ta' xogħol ippubblikat. B'dan il-mod, qarrejja tas-sit ikollhom l-opportunità jibdew jaqraw ix-xogħol bit-tama li jitħajru jfittxuh fil-libreriji jew jixtruh. Ix-xogħol jista' jkun kemm proża kif ukoll poeżija, immirat għall-etajiet tal-aħħar sena tal-iskola Primarja u l-ewwel snin tal-iskola Sekondarja (bejn l-għaxar u l-erbatax-il sena). Is-silta tista' tkun minn xogħol diġà stabbilit li kien ħareġ żmien ilu, wieħed li ħareġ reċentement jew ġie ppubblikat mill-ġdid, kif ukoll xi xogħol li se joħroġ dalwaqt. Bħala pubblikatur, tista' tippromwovi sensiliet sħaħ ta' kotba li ħarġu jew li se joħorġu dalwaqt. Mas-silta tidher ukoll ħolqa għas-sit elettroniku minn fejn il-qarrejja jkunu jistgħu jiksbu x-xogħol sħiħ. Tista' tara eżempju ta' kif is-siltiet ikunu ppreżentati fuq is-sit billi tara s-sezzjoni Agħti daqqa t'għajn fil-Librerija. Għaldaqstant, jekk inti interessat/a tagħti kontribuzzjoni, imla l-formola hawn isfel. Il-kontribuzzjoni tiegħek tkun apprezzata tassew u se tgħin biex l-interess fil-qari bil-Malti jinxtered u jissaħħaħ aktar. |
Avventura | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja