
Kitba ta’ Norman C. Borg
Madwar 740 kelma
© Norman C. Borg
Silta mill-ktieb Tużżana (Ġorġ Mallia u Trevor Żahra (ed.), Merlin Library, 1998).
***** ***** ***** ***** *****
Kulħadd jaf li l-Qamar huwa mtaqqab. Imtaqqab minn fuq u minn isfel, mil-lemin u mix-xellug, minn kullimkien. Imtaqqab b’ħofor: kbar, żgħar, fondi, baxxi, tondi, kwadri, koroh, sbieħ. U kulħadd jaf li s-sbejħa Qawsalla, dik l-arkata kollha lwien li tidher wara li tkun għamlet ix-xita, titlaq minn din id-dinja u tieqaf hemm fuq, fl-akbar ħofra li hemm fuq il-Qamar, li minħabba f’hekk tissejjaħ il-Ħofra tal-Ilwien.
Tistgħu tobsru għalhekk li f’din il-ħofra t-taħlita ta’ kuluri li hemm ma ssibha fl-ebda ħofra oħra fuq il-Qamar. Ngħiduha kif inhi, il-ħofor l-oħra fuq il-Qamar issibilhom jew kważi kollox abjad, jew kważi kollox iswed, jew kważi kollox griż biss!
Fil-Ħofra tal-Ilwien, il-kuluri jitħalltu u għalhekk, ħafna affarijiet għandhom kulur jew kuluri mhux tas-soltu. L-għelieqi wkoll huma mħalltin b’kuluri varji, u l-fjuri, m’għandniex xi ngħidu huma mill-isbaħ.
Midella kienet tieħu ħsieb waħda minn dawn l-għelieqi, waħda minn dawk fejn in-nies ta’ Belt l-Ilwien kienu jkabbru l-fjuri biex jagħtuhom lin-nies tal-ħofor l-oħra biex iżejnu bihom.
Il-fjuri ta’ dawn l-għelieqi kienu speċjali, għaliex kull petala tagħhom kellha lewn differenti mill-oħrajn. Kienet l-għaxqa ta’ Midella li tieħu ħsieb l-għalqa tagħha u tkabbar il-fjuri fiha. Meta kien jasal iż-żmien li ssaqqi l-għalqa, kienet tgħinha l-ħabiba tagħha Sħaba, li kienet ittir fuq l-għalqa u ssaqiha bix-xita tagħha. Fil-fatt Sħaba kellha xogħol importanti ħafna fil-Ħofra tal-Ilwien, għax kienet hi li tittajjar fuq l-għelieqi kollha biex issaqqihom skont il-bżonn. In-nies ta’ Belt l-Ilwien kienu jiffrankaw ħafna xogħol bl-għajnuna tagħha, u lil Sħaba ma kellhomx ħliefha.
Jum minnhom, bħas-soltu, Sħaba taret lejn l-għalqa ta’ Midella biex tagħmel xogħolha. Sabet lil Midella tistennieha f’nofs l-għalqa. Midella rat li Sħaba kienet bla nifs u kienet qed tonfoħ bil-qawwi, tant li l-bnadar imlewna li kellha fuq is-saqaf tal-għorfa tagħha bdew iperpru mhux ħażin.
“L-għodwa t-tajba, Sħaba. Kemm ġejt bil-ġirja dalgħodu!” lissnet Midella.
“L-għodwa ... l-għodwa t-tajba, Della!” wieġbet Sħaba bejn nifs twil u ieħor. “Illum imissni nsaqqi xi tużżana għelieqi wara xulxin, u qed ikolli ngħaġġel biex inlaħħaqhom kollha. Diġà saqqejt erbgħa qabel ma ġejt għal tiegħek!”
“Toqgħodx tinkwieta fuq hekk, Sħaba,” kompliet Midella, hi u tħares ’il fuq. “L-importanti huwa li ...”
Midella waqfet hekk kif xi ħaġa fis-sema, aktar ’il fuq minn fejn kien hemm Sħaba, ġibditilha l-attenzjoni. Kien hemm xi ħaġa, ċkejkna ċkejkna, li bil-mod il-mod kienet nieżla lejhom.
“Dik x’inhi?” staqsiet Midella.
Iżda l-imsejkna Sħaba ma kellhiex ċans tgħid tagħha. Hekk kif dawret wiċċha biex tara fejn kienet qed tħares Midella, ħadet l-akbar ħasda li qatt kellha f’ħajjitha!
L-oġġett li Midella kienet rat nieżel lejhom kien ġej sparat, tant li Midella lanqas biss kellha ċ-ċans li tgħid lil Sħaba biex iżżul min-nofs. Baqa’ għaddej sparat minn ġo Sħaba!
“Dak x’il-mniefaħ hu?!” qabdet twerżaq Sħaba.
Ma kellhomx ċans jaraw sew x’kien, lanqas meta mess mal-art. Issa kienet Midella li ħadet qatgħa kif imiss, hekk kif l-oġġett niżel fuq xi fjuri li kellha fl-għalqa u għaffiġhomla bħal pulpetta.
“Il-fjuri tiegħi!” qabdet twerżaq Midella.
Araw taħsbu li l-inkwiet waqaf hawn! Hekk kif l-oġġett mess l-art reġa’ tar fl-ajru minnufih. Għal daqsxejn ma reġax laqat lil Sħaba li kieku din issa ma laħqitx resqitlu min-nofs. L-oġġett tar ftit aktar ’il fuq fis-sema, u għal xi sekondi, donnu waqaf fl-arja, qabel ma reġa’ qabad in-niżla ’l isfel.
“Ommi ma, reġa’ ġej!” lissnet Midella, hekk kif irħitilha bil-ġirja lejn l-għorfa tagħha għall-kenn.
L-oġġett reġa’ niżel fuq parti oħra tal-għalqa, u għaffeġ aktar fjuri.
“Dak se jeqridli l-fjuri kollha!” għajtet Midella mbikkma.
L-oġġett kien għadu ma waqafx. Beda joqmos ’l hawn u ’l hinn, bi Sħaba l-ħin kollu tersaq minn naħa għal oħra biex tiskarta li jerġa’ jgħaddi minn ġo fiha.
Madankollu, issa kemm Sħaba kif ukoll Midella setgħu jaraw aħjar x’kien dak l-imbierek ta’ oġġett. Kien xi ħaġa tonda, forma ta’ ballun. Minn dan il-ballun kienu ħerġin ras, żewġ idejn u riġel wieħed. U setgħu jisimgħu ukoll leħen irqiq.
“Oj! Oj! Oj! Oj! Ma nistax nieqaf! Ma nistax nieqaf!” beda jgħid.
Dażgur li ma setax jieqaf! Midella ntebħet li l-għonq, l-idejn u r-riġel ta’ dak l-oġġett ma kienux għajr molol. Mhux ta’ b’xejn beda joqmos ’l hawn u ’l hinn bla rażan!
Iżda issa il-biża’ u l-fixla ta’ Midella kienu bil-mod il-mod saru rabja liema bħalha. “Ara kif tagħmel biex tieqaf!” qabdet tgħajjat, “għax diġà għaffiġtli nofs il-fjuri tal-għalqa!”
L-ewwel ħaġa li sabet f’idejha, ġewwa l-għorfa, kienet l-ixkupa. Ħarġet sparata fil-għalqa tfajjarha lejn dik l-imbierka ħlejqa. Iżda din tant kienet qed toqmos bil-għaġla li Midella lanqas laqtitha darba.
“Oj! Oj! Oj! Oj! Ma nistax nieqaf! Ma nistax nieqaf!” kompliet il-ħlejqa.
Sadanittant, ...
^
Kif tagħmel biex tkompli taqra din l-istorja
Din l-istorja hija waħda mill-ġabra Tużżana, editjata minn Ġorġ Mallia u Trevor Żahra, u ppubblikata mill-Merlin Library fl-1998. Sib il-ktieb fil-librerija tal-iskola jew dik pubblika, biex tispiċċa l-istorja u taqra l-oħrajn li hemm fil-ġabra. Jekk trid, tista’ tixtri l-ktieb mill-ħwienet tal-kotba jew online mingħand Agenda Bookshop jew BDL Books.
|