
Mill-antoloġija ta’ ħrejjef Griegi: L-Eroj,
ta’ Charles Kingsley (Ingliż, 1819-1875)
Madwar 3,800 kelma
Adattament: Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-provi: L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
Nota:
Dan huwa episodju wieħed mill-ġabra ta’ stejjer mill-mitoloġija Griega li Charles Kingsley ġabar taħt it-titlu “Eroj”. Il-ġabra fil-fatt għandha ħafna stejjer oħra, u Kingsley kien kitibhom b’Ingliż sempliċi biex ikunu jistgħu jaqrawhom it-tfal.
1: Mitluqin f’senduq f’nofs ta’ baħar |
2: Miġburin mill-baħar |
3: Ħolma stramba |
4: Wegħda għaġġelija |
5: Persew jhedded lir-re |
6: Persew jiftaħar |
7: It-tfittxija għal Medusa |
8: It-tlitt isħaħar |
9: Persew u Atlas |
10: Id-dwell ma’ Medusa |
11. Atlas meħlus |
12. Andromeda |
13: Il-Kraken |
14: Persew iżomm kelmtu |
15: Persew lura lejn daru |
1: Mitluqin f’senduq f’nofs ta’ baħar
Darba waħda, kien hemm żewġ prinċpijiet li kienu tewmin, u kien jisimhom Akrisju u Proteu. Kienu jgħixu fil-wied ta’ Argos, f’Ħellas. Hemmhekk kienu jgawdu għelieqi u ġonna sbieħ, mgħammra b’ħafna nagħaġ, barrin u żwiemel. Madankollu ma kinux kuntenti ħafna għaliex kienu jgħiru għal xulxin u qatt ma kienu jafdaw lil xulxin.
Meta kibru, kull wieħed ittanta jieħu s-sehem tal-pajjiż ta’ ħuh. Għalhekk Akrisju keċċa lil Proteu mill-pajjiż. Sakemm kien bogħod minn pajjiżu, Proteu dar ħafna postijiet u ġab lura f’daru prinċipessa biex jiżżewwiġha. Ġab ukoll ħafna ġellieda miegħu, iċ-Ċiklopi, u din id-darba kien hu li keċċa lil ħuh Akrisju mill-pajjiż. Damu jiġġieldu ħafna sakemm fl-aħħar azzettaw u waslu għal ftehim.
Bil-ftehim bejniethom, Akrisju żamm Argos u nofs il-pajjiż, waqt li Proteu żamm in-nofs l-ieħor tal-pajjiż u l-belt ta’ Tirnis. Proteu bena ħajt enormi madwar Tirnis.
Imma ma kienx se jkun hemm paċi għall-qalb iebsa ta’ Akrisju. Darba, profeta qallu, “Ladarba inti kont kattiv ma’ familtek, hekk se tkun ikkastigat minn familtek. Bintek Danej se jkollha tifel, u dan it-tifel se jkun il-kawża ta’ mewtek.”
Dan beżża’ lil Akrisju mhux ftit. U għalkemm kien kattiv mal-familja tiegħu, din il-profezija webbsitlu qalbu aktar. Minflok ma nidem, sar aktar kattiv. Lil Danej sakkarha f’għar mudlam magħluq b’kanċell tal-bronż, ħalli ħadd ma jkun jista’ joqrob lejha. B’dan il-mod ħaseb li seta’ jkun għaqli aktar mill-allat.
Maż-żmien Danej kellha tarbija; tifel tant sabiħ, li żgur kulħadd kienet tiġih ħnienu minnu, minbarra r-Re Akrisju. Ordna lis-suldati tiegħu jpoġġu lil Danej u ’l binha f’senduq u jitilquhom fil-baħar.
L-irjieħ tal-Majjistral nefħu bil-qawwi fuq il-baħar, u l-kurrent kaxkar lis-senduq, b’Danej u binha b’kollox, aktar ’il bogħod mix-xtut ta’ Argos, sakemm ma deherx aktar.
***** ***** [FUQ] ***** *****
2: Miġburin mill-baħar
Għal jumejn sħaħ, is-senduq baqa’ f’wiċċ l-ilma sakemm il-mewġ beda jbandlu b’qawwa liema bħalha. Danej intebħet li l-mewġ kien ressaqhom lejn art bi rdum għoli. L-arja mtliet bil-ħsejjes ta’ mewġ qawwi jħabbat mal-blat u jtajjar ragħwa kullimkien. Danej bdiet tgħajjat imwerwra għall-ajjut.
F’daqqa waħda tfaċċa raġel twil fuq il-blat, b’lanza f’idu u xibka tas-sajd fuq spalltu. Danej osservat li kien xi persuna importanti minħabba ż-żewġ sefturi li kellu warajh, iġorru l-basktijiet tas-sajd.
Ir-raġel telaq il-lanza, u b’ħila kbira xeħet ix-xibka madwar is-senduq, u ġibdu lejn l-art. Meta kienu fuq art soda, għen lil Danej u t-tarbija joħorġu minn ġos-senduq. “Kif sibt ruħek f’dan is-senduq?” saqsieha. Tbissem lejn it-tarbija hekk kif wiċċha xegħel bi tbissima. Imma Danej bdiet tolfoq.
“X’pajjiż hu dan?” saqsiet.
“Din hija l-gżira ta’ Serifos,” weġibha r-raġel. “Jiena ħu Polidektes, ir-re. Jisimni Diktis.”
Danej irrakkontat il-ġrajja tagħha.
Diktis sema’ l-istorja tagħha b’interess, u meta spiċċat, lissen, “Jien m’għandix tfal tiegħi. Jiena u marti nistgħu nilqgħuk bħala bintna, u nqisu lit-tarbija tiegħek bħala n-neputi tagħna.”
U kien hekk li fl-aħħar Danej sabet il-paċi fid-dar ta’ Diktis is-sajjied u martu. Lit-tarbija semmietha Persew.
***** ***** [FUQ] ***** *****
3: Ħolma stramba
Meta Persew kellu ħmistax-il sena, kulħadd seta’ jara li kien tifel speċjali, tant li laqqmuh Bin Żeus, ir-re tal-Immortali. Kien l-itwal raġel fuq il-gżira. Kien qalbu tajba u ġentili, u kien bniedem ta’ ħila f’kull arti u anki bħala baħri. Diktis kien għallmu sewwa.
Polidektes, mill-banda l-oħra, ma kienx bħal ħuh Diktis. Kien raġel xħiħ, stuż u ta’ qalb ħażina. L-ewwel darba li kien ra lil Danej, kien xtaq jiżżewwiġha. Imma Danej kienet ċaħditu, għax kien ħsiebha biss f’binha u f’żewġha li kienet ħalliet warajha f’Argos u li qatt ma ttamat li se terġa’ tara. Polidektes irrabja ħafna.
Darba, waqt li Persew kien qed ibaħħar ’il bogħod mill-gżira, Polidektes ħataf lil Danej. “La ma tridx tkun marti, se tkun l-ilsira tiegħi.” Għalhekk Danej kellha ġġiblu l-ilma, taħdem fil-mitħna u tagħmel faċendi oħra għalih, dejjem marbuta fil-ktajjen.
Sadattant, mingħajr ma kien jaf x’ġara lil ommu, Persew wasal fil-gżira ta’ Samos. Ix-xini tiegħu kien waqaf hemm biex iħott u jgħabbi. Persew niżel l-art biex jistrieħ, qagħad bilqiegħda taħt siġra u għajnu marret bih.
Beda joħlom.
Kienet l-aktar ħolma stramba li Persew qatt kellu. Resqet lejh mara sabiħa. Kienet liebsa elmu tal-gwerra, u kellha lanza f’idha. Fuq spallitha kellha ġilda tal-mogħoż, u magħha kien hemm imdendla tarka tonda tal-bronż, tant tleqq li kienet qisha mera.
Il-ħarsa tagħha tat lil Persew x’jifhem li kienet taf kollox dwaru, anki dak li minn dejjem kien jixxennaq għalih.
“Persew, hemm bżonn tmurli qadja,” qaltlu.
Mistagħġeb u fl-istess ħin kemm kemm imbezza’, Persew staqsieha, “Min inti, u kif taf x’jisimni?”
***** ***** [FUQ] ***** *****
4: Wegħda għaġġelija
“Jien Pallas Atena,” wiġbitu. “Jien naf ix-xewqat tal-bnedmin kollha, u ma jogħġbunix in-nies li għandhom qalb xierfa. Lin-nies tajbin nista’ nagħtihom qawwa akbar. Lil dawn nagħmilhom ulied l-Immortali, nagħmilhom eroj. U nibgħathom madwar id-dinja biex jiġġieldu kontra l-għedewwa tal-allat u tal-bnedmin. Għidli, Persew, liema minn dawn iż-żewġ tipi ta’ nies taħseb li huma l-aktar maħbubin mill-allat?”
U Persew wieġeb minnufih, “Aħjar li tmut waqt li qed twettaq xi ħaġa tajba u tibqa’ magħruf bħala eroj, milli tgħix ħajja ta’ ġwejjed bħal nagħġa u minsi minn kulħadd.”
Pallas Atena tbissmet malli semgħet dan, u għolliet it-tarka. “Ħares ’l hawn, Persew. Inti lest tisfida u toqtol mostru bħal dan, ħalli nkun nista’ npoġġi rasu fuq it-tarka tiegħi?”
Persew ħares lejn it-tarka u fiha feġġ wiċċ. Malli Persew rah, demmu kesaħ. Kien il-wiċċ ta’ mara, imdaħħla fiż-żmien, bi snien ippuntati u ġilda ħadranija. Għajnejha kienu jiddu b’dawl aħdar. Minflok xagħar, kellha gżuż ta’ sriep ħajjin, jitgħawġu ’l hawn u ’l hinn.
“Jekk jeżisti mostru bħal dan, tassew tkun ħaġa nobbli li wieħed joqtlu. Għidli, fejn nista’ nsib dan il-mostru, ħalli nkun nista’ noqtlu?”
“Mhux għalissa, Persew, għax għadek żagħżugħ u m’għandekx il-ħiliet kollha li għandek bżonn,” wieġbet Atena. “Din hija l-gorgon Medusa, omm il-gorgoni kollha. Mur lura darek, għax għad għandek xi xogħol x’tagħmel hemm qabel ma nara li tkun ippreparat biżżejjed biex tiffaċċja l-gorgon.”
Bil-mod il-mod il-viżjoni bdiet tgħib, u fl-aħħar Persew stenbaħ. Imma fil-jiem ta’ wara Persew baqa’ jġib quddiem għajnejh ix-xbieha ta’ dik il-ħlejqa bis-sriep flok xagħar.
Għalhekk mar lura f’Serifos, u rrabja, mhux ftit, meta sar jaf x’kien sar minn ommu.
***** ***** [FUQ] ***** *****
5: Persew jhedded lir-re
Persew mar ifittixha u sabha taħdem fl-għelieqi. Hekk kif qalilha biex titlaq miegħu, tfaċċaw Polidektes u Diktis. Malli lemaħ lil Polidektes, Persew għamel għalih qisu kelb imġewwaħ. “Viljakk u tirann!” beda jgħajjat. “M’għandek l-ebda rispett lejn l-allat? Bniedem bla ħniena! Se noqtlok għal dak li għamilt lil ommi!”
Persew ħataf ġebla mdaqqsa li kien hemm viċin, u għollieha fl-arja bit-tir li jixħetha fuq Polidektes, imma ommu qabdet twerżaq.
“Le, ibni! Aħna barranin f’dan il-pajjiż. Jekk toqtol lir-re tagħhom il-poplu jagħmel għalina u joqtluna.”
F’dan il-waqt qabeż Diktis ukoll. “Ftakar li huwa ħija, Persew. Jiena għallimtek u ħadt ħsiebek daqslikieku kont ibni. Eħilsu, imqar b’rispett tiegħi.”
Persew waqaf bħal statwa, għal mument, u mbagħad telaq il-ġebla. Sadattant Polidektes kien qed jitriegħed bil-biża’, għax kien jaf li wara kollox Persew kellu raġun. Malli Persew telaq il-ġebla, hu telaq jiġri minn hemm.
Persew ħa lil ommu biex toqgħod fit-tempju ta’ Atena. Hemmhekk kienet tkun imħarsa sew u mingħajr periklu. Polidektes żgur ma kienx ikollu l-wiċċ jaħtafha minn taħt għajnejn Atena. Minn dak iż-żmien, Persew, Diktis u martu marru jżuruha kuljum.
Imma issa li Polidektes kien qata’ jiesu li jkollu lil Danej, beda jfassal pjan waqt li Persew reġa’ mar ibaħħar. Għall-ewwel għamel tabirruħu li nesa kollox, għalhekk fil-bidu deher li kollox kien qisu kkalma.
***** ***** [FUQ] ***** *****
6: Persew jiftaħar
Polidektes organizza festa fejn stieden lil kulħadd, Persew inkluż, biex jagħtuh ġieħ bħala r-re tal-pajjiż. Kif kienet id-drawwa, kulħadd ġab rigal lir-re – minbarra Persew li, bħala sajjied fqir, ma kellu xejn x’joffri. Billi staħa jmur il-festa mingħajr rigal, Persew baqa’ barra, iħares lejn is-sinjuri jidħlu fil-palazz bir-rigali tagħhom.
Wiċċu ħmar malli bdew iħarsu lejh u jgħidu minn taħt l-ilsien, “X’għandu x’joffri dak il-misjub?”
Dan kien eżatt dak li Polidektes ried li jiġri. Ordna li Persew jidħol fil-palazz ħalli kulħadd ikun jista’ jżebilħu. “Fejn hu r-rigal tiegħek?” staqsieh quddiem kulħadd. Persew ħmar u, sakemm ipprova jsib tweġiba, beda jlaqlaq. In-nies ta’ madwaru bdew jidħqu minn taħt.
Dan kien wisq għal Persew, u f’daqqa waħda nfaqa’ f’rabja u beda jiftaħar, “Jien se nġib rigal ħafna aqwa mir-rigali tagħkom kollha f’salt!”
“U x’inhu dan ir-rigal?” staqsa Polidektes.
Mingħajr ma qagħad jaħsibha, Persew wieġeb fil-pront, “Ir-ras tal-gorgon!”
Malli semgħu dan, kulħadd fis-sala nfexx jidħaq, l-aktar Polidektes.
“Qed twegħedni li ġġibli ras il-gorgon?” tenna Polidektes, “Mela itlaq minn hawn u tiġix lura mingħajrha!”
B’hekk Polidektes sab mezz faċli biex jeħles minn Persew.
Persew mar fuq l-għoljiet, u beda jitlob. “O, Pallas Atena, il-ħolma tiegħi kienet vera? Se jirnexxili neqred lill-gorgon?”
Sejjaħ tliet darbiet qabel ma tfaċċat sħaba stramba fis-sema. Malli s-sħaba bdiet tinfirex, dehret ix-xbieha ta’ Pallas Atena. Magħha kien hemm żagħżugħ. Kien l-alla Ermes. Għajnejh kienu qed jiddu bħan-nar. Kien qed iżomm ximitarra miksija bid-djamanti u kien liebes par sandli kollu deheb, bi ġwienaħ żgħar ħajjin.
***** ***** [FUQ] ***** *****
7: It-tfittxija għal Medusa
“Darb’oħra aħsibha sew qabel ma twiegħed li toqtol lill-gorgon Medusa,” qaltlu Atena. “Għandek bżonn tkun ippreparat sew, u jkollok tibda vjaġġ ta’ seba’ snin li ma tistax tieqaf minnu. Jekk taqta’ qalbek, tmut fl-Art tal-Imkien, fejn ħadd ma jkun jista’ jsib l-għadam tiegħek.”
Madankollu dawn it-twissijiet ma beżżgħu xejn lil Persew, u baqa’ jinsisti ma’ Atena biex tgħidlu kif jagħmel biex isib lill-gorgon.
“Mur lejn it-Tramuntana,” qaltlu Atena. “Ibqa’ sejjer sakemm tiġi fil-pajjiżi tal-Iperboreani. Hemm se ssib l-Aħwa l-Griżi, it-tlitt isħaħar li għandhom għajn waħda u sinna waħda bejniethom. Saqsihom it-triq għal għand in-Ninfi, li jiżfnu madwar siġra tad-deheb lejn il-Punent. In-Ninfi mbagħad juruk it-triq biex issib u toqtol lill-gorgon.”
Atena kompliet, “Il-ġilda tal-gorgon magħmula minn qxur tal-ħadid u tal-bronż. Għajnejha tant huma terribbli li kull min iħares lejha, minnufih isir statwa tal-ġebel. Għalhekk se nagħtik it-tarka tiegħi biex meta tiltaqa’ ma’ Medusa ma tħarisx direttament lejha. Minflok, ħares lejn ir-riflessjoni tagħha fil-bronż tat-tarka. Hekk, tkun tista’ toqtolha mingħajr periklu għalik, u ssib postok fost l-eroj tal-Immortali.”
“Imma jien m’għandix xini,” lissen Persew. “Kif nista’ naqsam l-oċeani u nagħmel dawn il-vjaġġi kollha? Min se jurini t-triq? Jekk il-ġilda tagħha hija bronż u ħadid, kif nista’ noqtolha?”
Ermes neża s-sandli tiegħu u tah lil Persew. “Dan is-sandli jgħinek ittir fuq l-ibħra, u ma jitlef t-triq qatt,” qallu. “Ħu wkoll ix-xabla tiegħi. Din toqtol mal-ewwel daqqa, għax għandha qawwa speċjali.”
Persew ħa t-tarka, ix-xabla, il-ġilda tal-mogħoż u libes is-sandli. Atena kompliet, “Afda fl-armi tal-Immortali li tajniek, Persew. Issa, aqbeż!”
Hekk kif kien fuq il-quċċata tal-għolja, Persew qabeż. Minflok ma ħassu jaqa’ ’l isfel, baqa’ wieqaf fl-arja. Mument wara, ħass is-sandli jtajru lejn it-Tramuntana...
***** ***** [FUQ] ***** *****
8: It-tlitt isħaħar
Persew tar għal sebat ijiem qabel ma wasal fil-pajjiżi tal-Iperboreani, f’xifer il-Lejl Dejjiemi. Lill-Aħwa l-Griżi sabhom bilqiegħda fuq zokk ta’ siġra maġenb ix-xatt tal-baħar iffriżat. Kienu qed jgħaddu l-għajn waħda li kellhom lil xulxin. Dawk li ma kinux qed iżommu l-għajn kienu joħorġu jdejhom miftuħin, u l-oħra kienet toħroġ idha bil-għajn, u malli tħoss l-id ta’ oħtha, kienet titlaq l-għajn fiha.
“L-allat ta’ Olimpu bagħtuni biex tgħiduli kif insib lill-gorgon,” qalilhom Persew.
Waħda mis-sħaħar lissnet, “U min hu dan il-pastaż li ġie f’artna mingħajr ma stedinnieh?”
Qabżet oħra, “Newwilli l-għajn ħalli nkun nista’ nara min hu.”
Qabżet it-tielet, “Newwilli s-sinna ħalli nkun nista’ nigdmu.”
Persew mill-ewwel intebaħ li kienu ġejjin bil-meraq. Qagħad għal ftit ħin josserva kif bdew jgħaddu l-għajn u s-sinna lil xulxin. Mument minnhom, poġġa idu ħdejn tagħhom, u s-saħħara li kellha l-għajn ħasset idu, ħasbet li kienet waħda ta’ ħutha, u telqet l-għajn.
Persew minnufih għalaq idu, żamm l-għajn u tbiegħed lura.
“Għajnejkom qed inżommha jien,” għajjat magħhom. “Għiduli x’nagħmel biex insib il-gorgon, jew nixħet l-għajn fil-baħar!”
Għalxejn is-sħaħar bdew jokorbu, jingħu u jitbikkmu; Persew ma ċċaqlaqx.
Fl-aħħar, waħda mis-sħaħar tkellmet, “Mur lejn in-Nofsinhar u sib lill-ġgant Atlas, li qed iżomm is-smewwiet u l-art mifrudin biex ma jaħbtux. Saqsi lill-bniet tiegħu, l-Esperidi. Jgħidulek huma.”
Issa li kien ħa t-tagħrif li xtaq, Persew tahom l-għajn lura.
Malli għamel hekk, it-tlitt isħaħar intilfu f’raqda u saru tliet blokki tas-silġ. U hekk għadhom sal-lum, jiġġerrew mal-kurrenti tal-baħar, jingħu u jokorbu kull meta jħossu s-sħana tax-xemx fuqhom.
Sadattant Persew kompla jtir fi triqtu, u ħalla l-kesħa u s-silġ warajh.
***** ***** [FUQ] ***** *****
9: Persew u Atlas
Persew baqa’ jtir sakemm ra quddiemu, fil-bogħod, muntanja enormi, kollha ħamranija fid-dawl baxx ta’ nżul ix-xemx. Meta niżel hemm, seta’ jara ħafna widien, xmajjar u kaskati, u siġar, ħaxix u fjuri li qatt ma kien ra bħalhom f’għomru. Ma rax bnedmin, madankollu beda jisma’ għana ħelu, u fehem li kien wasal f’art in-Ninfi.
Dawn kienu wlied Atlas u l-Kewkba ta’ Filgħaxija, u kienu l-ħin kollu jiżfnu madwar is-siġra bil-frott tad-deheb. Meta lemħu ’l Persew, waqfu miż-żfin u l-għana tagħhom u staqsewh, “Inti Erakle, ġejt biex tisirqilna l-frott tad-deheb?”
“Le, jiena Persew,” wieġeb hu, u spjegalhom għalfejn kien wasal hemm.
In-Ninfi qalulu li ma kinux jafu t-triq għall-gorgon, u għalhekk ħaduh għand missierhom, Atlas il-Ġgant, li kien qed jerfa’ d-dinja.
“Qatt ma tista’ tersaq lejn il-gorgon,” qallu Atlas, “sakemm ma tilbisx l-Elmu tad-Dlam, li jagħmlek inviżibbli.”
“U fejn nista’ nsib dan l-elmu?”
“Bħala bniedem ma tistax,” wieġeb Atlas, “għax jinsab f’qiegħ l-Infern, u bnedmin ħajjin ma jistgħux imorru hemm. Uliedi jistgħu jmorru u jġibuhulek, imma trid twegħedni xi ħaġa. Meta toqtol lil Medusa, aqtgħalha rasha u ġibhieli ħalli nħares lejn għajnejha. B’hekk insir statwa, u neħles darba għal dejjem minn dan it-toqol li jien misħut inġorr għall-eternità. Huwa xogħol iebes wisq li nżomm l-art u s-smewwiet mifrudin.”
Persew wiegħed li jagħmel dan, u wlied Atlas ħaduh sad-daħla ta’ għar li kien ħiereġ ħafna duħħan minnu. Kien wieħed mid-daħliet għall-Infern. Qalulu biex jistenna sakemm huma jidħlu fil-għar.
U Persew qagħad jistenna għal sebat ijiem.
***** ***** [FUQ] ***** *****
10: Id-dwell ma’ Medusa
Malli Persew kiseb l-Elmu tad-Dlam mingħand in-Ninfi, irħielha għall-Art tal-Imkien biex ifittex lil Medusa. Kienet art deżolata li fiha ma kien jgħix xejn, l-ebda xini qatt ma resaq lejha, ma kienx hemm lejl u nhar, xejn ma kien f’postu u xejn ma kellu isem. Dlonk sema’ t-tħaxwix tal-ġwienaħ tal-gorgoni, lemaħ id-dwiefer ta’ saqajhom. Waqaf u qagħad attent li ma jħarisx dritt lejn wiċċhom. Suppost, kellu jrabbi l-kuraġġ u jkompli miexi, madankollu xorta beda jħossu beżgħan.
Ftakar fi kliem Atena, u għolla t-tarka u ħares lejn il-mera tagħha biex ikun jista’ jara x-xbihat tal-gorgoni minn fuqha. Kien hemm tlieta, u kienu jidhru reqdin. Huma ma setgħux jarawh għax kien liebes l-Elmu tad-Dlam.
Żewġ gorgoni kienu reqdin fil-fond, imma waħda – Medusa – kienet qed titqalleb. Rixha kien imlewwen bħall-qawsalla, u l-abjad ta’ għonqha t-twil tant kien qed jiddi fil-mera tat-tarka li Persew beda jaħsibha jattakkahiex jew le.
Imma, ħesrem, hekk kif kien qiegħed josserva mill-mera, is-sriep qamu jsefsfu minn fuq rasha u kixfu n-nejbiet tagħhom. Ġwenħajha nfetħu u difrejha bdew ileqqu. Kienet dehra li tkexkex.
Persew rabba l-kuraġġ, u hekk kif baqa’ jħares dritt lejn il-mera, fajjar daqqa qawwija warajh bix-ximitarra ta’ Ermes. Ras Medusa taret minn ma’ għonqha. B’ħeffa liema bħalha u mingħajr ma ħares lejha, geżwer ir-ras fil-ġilda tal-mogħoż li kienet ipprovdietlu Atena.
Kien f’dak il-waqt li l-gorgoni l-oħrajn stenbħu u ntebħu x’kien ġara. Bi twerżiqa li twaħħax, qomsu fl-ajru biex jagħmlu għal Persew. Imma s-sandli ta’ Ermes kien pront u minnufih tajru fil-għoli tant li l-gorgoni ma setgħux jilħquh.
***** ***** [FUQ] ***** *****
11. Atlas meħlus
Kif wiegħdu, Persew mar lura għand Atlas, bir-ras ta’ Medusa. Meta Atlas ħares lejha, minnufih sar blata waħda, u hekk straħ mix-xogħol iebes tiegħu li jżomm is-smewwiet u d-dinja mifrudin.
Ulied Atlas talbu lil Persew biex jibqa’ magħhom għal dejjem, imma Persew ċaħad l-istedina, għax kellu ħafna aktar xogħol x’jagħmel, u wara ried imur lura f’pajjiżu. Kontra qalbhom, it-tfajliet urewh it-triq li kellu jaqbad lura daru, u tawh ftit mill-frott tas-siġra msaħħra, frott li malli jieklu, kien jibqa’ mingħajr ġuħ għal sebat ijiem sħaħ.
Għalhekk Persew reġa’ ssokta t-titjira tiegħu, l-ewwel fid-deżerti, u mbagħad fl-għelieqi u fuq l-għoljiet kollha ħodor, dejjem bit-tama li fl-aħħar jasal fuq il-baħar fi triqtu lejn il-gżira maħbuba tiegħu.
Imma, ħesrem, qam riħ qawwi li bagħtu lura fuq id-deżert. Kellu jibqa’ fid-deżert madwar sebat ijiem, jimxi kontra r-riħ qawwi u t-tempesti tar-ramel. Kieku ma kienx jiġi mill-Immortali, żgur li bħala bniedem normali kien imut f’dik il-qilla tar-ramel – imma hu kellu saħħa straordinarja.
F’disprament, wara d-dawrien fil-vojt fid-deżert, għolla jdejh ’il fuq u talab lil Atena, “Ksibt ras il-gorgon kif tlabtni. Issa se titlaqni hawn f’dan id-deżert niexef?”
Kien f’dak il-mument li fil-bogħod sema’ ċ-ċafċif ta’ ilma ġieri, u lemaħ nixxiegħa tal-ilma fil-qrib, imdawra b’ħaxix u siġar. Hemmhekk sab biżżejjed x’jiekol u x’jixrob biex jistejqer sew, u fl-aħħar intelaq f’nagħsa ħelwa.
Hekk kif stenbaħ u ssokta l-vjaġġ tiegħu, Persew sab ruħu f’art mudlama, il-ħin kollu titheżżeż b’terremoti u miżgħuda b’vulkani jiżbruffaw bla waqfien. Kien wasal fl-art ta’ Posejdun. Biex jiskarta n-nirien tal-vulkani, Persew irħielha lejn ix-xatt tal-pajjiż.
***** ***** [FUQ] ***** *****
12. Andromeda
Tul ix-xatt lemaħ tfajla, b’xagħar twil iswed tuta, marbuta bil-ktajjen ma’ blata qrib il-baħar. Kellha għajnejha mberrqin bil-biża’ u kienet qed tgħajjat għall-ajjut. Lil Persew ma ratux għax kien għadu liebes l-Elmu tad-Dlam. Għal Persew kienet l-isbaħ mara li qatt ra, u qatagħha li jinżel u jeħlisha.
Meta niżel ħdejha u neħħa l-elmu minn rasu, it-tfajla ħadet qatgħa, imma kkalmat malli kellimha.
“La tibżax. Jien Persew u nista’ ngħinek taħrab minn hawn. Inti min int?
“Jiena Andromeda,” wieġbet. “Qiegħda hawn għax darba ommi ftaħret li jien isbaħ minn Atergatis, ir-Reġina tal-Ħut. Tant irrabjat li bagħtet dulluvju wara l-ieħor f’artna. Issa l-allat tal-Baħar ħatfuni u rabtuni hawn biex jiġi għalija l-mostru Kraken, maħluq mit-tajn li ġab miegħu l-għargħar.”
“Jien għandi l-armi tal-Immortali, li bla dubju huma aktar setgħana minn dak kollu li jistgħu jixħtuli l-allat tal-Baħar. Iġġilidt ma’ ħlejjaq aktar perikolużi minn mostru tal-baħar. Bil-għajnuna tal-allat ta’ Olimpu kelli l-ħila neqred lill-gorgon Medusa, u għandi rasha hawn. Nista’ nużaha kontra l-mostru tal-baħar, imma għalaq għajnejk meta nużaha, għax inkella tbiddlek fi statwa tal-ġebel.”
Bil-biża’ li kellha fuqha, Andromeda ma emmnitx lil Persew. Bdiet twerżaq hekk kif lemħet il-mostru jitfaċċa qalb il-mewġ, riesaq lejhom. “Hemm hu! Wasal! Se joqtolni! Għalxejn tibqa’ hawn, għax joqtol lilek ukoll! Itlaq minn hawn!”
***** ***** [FUQ] ***** *****
13: Il-Kraken
Persew fis kisser il-ktajjen ta’ Andromeda bix-ximitarra tiegħu, u dar biex jiffaċċja ’l-mostru. Is-sandli tajru ’il fuq, biex ikun jista’ josserva l-mostru sew. Il-mostru enormi lemaħ lil Andromeda, u beda jersaq lejha.
Minnufih, Persew tar ’l isfel u waqaf bejn il-mostru u t-tfajla. Malli ra li Andromeda ħbiet għajnejha bħalma qalilha biex tagħmel, dar fuq il-mostru, li kien għadu riesaq bil-ħeffa lejhom, ħareġ ras il-Medusa minn taħt il-ġilda tal-mogħoż, u għollieha fl-arja quddiem il-Kraken. F’daqqa waħda, waqa’ skiet perfett.
Andromeda kixfet għajnejha, u rat li issa, f’post il-Kraken, kien hemm blata oħra enormi ħdejn il-baħar fejn qabel ma kenitx.
Andromeda qaltlu li kienet bint ir-Re Ċefesu u r-Reġina Kassjopea, u kienet ċerta li l-ġenituri tagħha kienu se jirringrazzjawh bil-kbir talli kien salvalha ħajjitha. Persew talabha ħaġa waħda biss – li jiżżewwiġha. Andromeda ma qalitx le. U l-ġenituri tagħha kienu kuntenti b’dan ukoll, iżda talbu lil Persew jibqa’ magħhom għal sena, qabel ma jiżżewweġ lil Andromeda u jitilqu lura f’pajjiżu.
Għalhekk Persew baqa’ sena f’pajjiż Ċefesu, fejn bena tliet tempji, wieħed għal Atena, wieħed għal Ermes u ieħor għal Żeus. Imma malajr qam l-inkwiet meta Finew, ħu Ċefesu, baqa’ jsostni li Andromeda kienet għarusa lil ibnu, u ma ridhiex tiżżewweġ lil Persew.
Persew malajr sab argument biex jisfida lil Finew. “Fejn kien ibnek meta Andromeda kienet fil-periklu? Jien salvajtha. Ibnek jista’ jmur isib tfajla oħra xi jsalva!”
Dan il-kliem inkorla lil ħafna mis-suldati li kienu ħbieb ta’ Finew, u meta ħarġu x-xwabel u għamlu għal Persew, dan ħareġ ras il-Medusa u għamilhom kollha tal-ġebel!
***** ***** [FUQ] ***** *****
14: Persew iżomm kelmtu
Ftit żmien wara li Persew iżżewweġ lil Andromeda, Atena reġgħet dehritlu f’ħolma, fejn qaltlu li kellu jrodd lura l-armi tal-Immortali li kienet tagħtu: it-tarka tal-bronż, l-Elmu tad-Dlam, ix-ximitarra u s-sandli ta’ Ermes, li bis-saħħa tagħhom kien irnexxielu jwettaq dawk l-għemejjel straordinarji kollha. Madankollu, qaltlu li ras Medusa seta’ jżommha, għax dalwaqt kien se jerġa’ jkollu bżonnha. U minnufih, Persew radd kollox lura lill-Immortali.
Sena wara ż-żwieġ, kif miftiehem, Persew u Andromeda rħewlha lejn il-Baħar Eġew, lura lejn daru, il-gżira ta’ Serifos, fejn seba’ snin qabel kien wiegħed lil Polidektes li jġiblu ras il-gorgon, Medusa. Malli waslu laqgħuhom ommu, Danej, u Diktis. Issa Persew kien imissu jżomm kelmtu u jieħu ras Medusa lil Polidektes.
Meta daħal fil-palazz b’ras Medusa fi xkora, ħadd ma għarfu daqskemm kien tbiddel f’seba’ snin. Kien telaq minn hemm bħala ġuvnott timidu u f’qoxortu. Issa kien hemm raġel matur quddiemhom, b’għajnejn ta’ seqer, twil u mibni sew, u b’daqna folta daqs ta’ ljun li kienet taħbilu nofs wiċċu. Madankollu, Polidektes kien l-uniku wieħed li għarfu.
“Ara l-misjub!” għajjat malli lemħu. “Irnexxielek tagħmel dak li wegħidt?”
“Dawk li jgħinu lilhom infushom, l-allat jgħinuhom,” wieġeb Persew.
Kif qal hekk, ħareġ ras Medusa mill-ixkora u għollieha quddiem in-nies fis-sala. Hekk kif ir-re u l-mistednin tiegħu ttantaw iqumu, waqfu kollha ħesrem u saru statwi.
Issa Persew kien jonqsu ħaġ’oħra x’jagħmel. Baħħar lejn Argos biex isib lil nannuh Akrisju. Sadattant Akrisju kien mar f’eżilju f’pajjiż ieħor, mal-poplu tal-Pelasgi, u Persew sabu hemm, xiħ u xipli, waqt li kien qiegħed isegwi festa ta’ logħob atletiku.
Persew kien qed jittama li issa Akrisju jilqgħu bl-unuri wara dak kollu li kien għadda minnu, madankollu ma riedx jikxef min kien mill-ewwel. Għalhekk daħal bħala kompetitur fil-logħob atletiku. Minħabba l-esperjenza li kien ġabar u t-tbatija li ġarrab fl-avventuri tiegħu, Persew kien sar raġel b’saħħtu u ħafif, u minn ħames logħbiet malajr rebaħ erbgħa.
In-nies baqgħet mistagħġba bil-ħila tiegħu. “Dan bilfors li huwa xi eroj, xi wieħed minn ulied l-Immortali!” bdew jgħidu.
Imma Persew baqa’ sieket, u kkonċentra biex jirbaħ il-ħames logħba, il-logħba tad-diskus.
***** ***** [FUQ] ***** *****
15: Persew lura lejn daru
Meta kien imissu, waddab id-diskus ħafna aktar ’il bogħod mill-kompetituri l-oħrajn, u n-nies bdiet tħeġġu biex jagħmel aħjar minn hekk it-tieni darba.
Mat-tieni xeħta, qamet buffura riħ qawwija, tajret id-diskus lejn Akrisju u laqtitu f’siequ. Bid-daqqa, Akrisju waqa’ mal-art. Persew mar jiġri lejn nannuh biex jara kienx weġġa’. Akrisju kien xiħ u dgħajjef, u malli Persew u nies oħra daru miegħu biex jerfgħuh, sabu li kien miet.
Persew sogħobbih ta’ dan. Dar fuq in-nies ta’ madwaru, “Jiena Persew, in-neputi ta’ Akrisju, u dak li qatel lill-gorgon Medusa.”
Wara dan qalilhom li skont profezija kellu jkun hu li joqtol lil nannuh, u kompla jirrakkuntalhom l-istorja ta’ ħajtu.
Minn dak iż-żmien, hu u Andromeda saru r-re u r-reġina ta’ Argos, u maż-żmien kellhom erba’ subien u tlitt ibniet, u għexu għal ħafna snin f’paċi u hena.
Skont il-leġġenda, wara mewthom, Atena tellgħethom fis-smewwiet, flimkien mal-ġenituri t’Andromeda, ir-Re Ċefesu u r-Reġina Kassjopea, u biddlithom fi kwiekeb, biex kulħadd ikun jista’ jarahom mid-dinja.
U fi ljieli ċari, mingħajr sħab, fl-isfond tas-sema iswed, għad tista’ tarahom jiddu: Persew, Andromeda, Ċefesu bil-kuruna tiegħu, Kassjopea bilqiegħda fuq it-tron tagħha tal-avorju, tirranġa n-nokkli tagħha f’malji. Jibqgħu jiddu l-lejl kollu biex jiggwidaw lill-baħħara fil-vjaġġi tagħhom, bħalma kien għamel Persew f’żgħożitu, filwaqt li matul il-jum jgħixu mal-allat l-oħra fuq il-muntanja Olimpu.
***** ***** TMIEM ***** *****
***** ***** [FUQ] ***** *****
|