Rudyard Kipling
Sors: wikipedia.org

Rudyard Kipling (1865-1936)

Rudyard Kipling twieled f’Bombay (illum Mumbai), l-Indja, nhar it-3 ta’ Diċembru 1865, minn ġenituri Ingliżi. Dak iż-żmien, missieru John Kipling kien edukatur imsemmi, artist u kuratur ta’ mużew f’dik il-belt. Malli Rudyard kien ta’ età xierqa, il-ġenituri tiegħu bagħtuh jistudja l-Ingilterra.

Rudyard mar lura l-Indja ta’ sbatax-il sena, u hemm sab impjieg bħala assistent editur tas-Civil and Military Gazette fil-belt ta’ Lahore. Ta’ wieħed u għoxrin sena kien diġà ppubblika sitt volumi ta’ kitbiet. Il-fama tiegħu bħala awtur malajr infirxet fl-Indja u fl-Ingilterra. Fil-fatt, meta snin wara reġa’ żar l-Ingilterra, stagħġeb malli ra li hemmhekk kien diġà magħruf sew.

Is-suċċess tiegħu bħala kittieb kien l-aktar minħabba l-kreattività li kellu u l-ħila tiegħu kif jirrakkonta storja b’mod interessanti. L-istejjer tiegħu kollha għandhom dik l-atmosfera maġika, kemm jekk iseħħu fl-Indja, fl-Ingilterra, fl-Afrika, jew saħansitra fuq il-baħar. Il-karattri tiegħu huma varjati ħafna, forsi minħabba l-fatt li hu siefer ħafna u ltaqa’ ma’ ħafna persunaġġi minn kulturi differenti bħaċ-Ċina, il-Ġappun, l-Afrika t’Isfel u l-Amerka.

Fost l-aktar kitbiet popolari tiegħu nsibu Il-Kaptani Qalbenin − l-istorja tal-baħrin, Kim − l-istorja tal-ħajja ta’ tifel Indjan, Stejjer Kif Xieraq − għat-tfal, Ktieb il-Ġungla u It-Tieni Ktieb il-Ġungla − stejjer dwar id-dinja tal-annimali.

Fl-1907, wara ħafna snin jikteb rumanzi, poeżiji u stejjer qosra, id-dinja għarfet il-ħila letterarja tiegħu meta ngħata l-premju nobel għal-letteratura.

Miet f’Londra nhar it-18 ta’ Jannar 1936, fl-età ta’ 71 sena.

***** ***** **^** ***** *****

Qari tal-provi: Anabel Micallef

© Norman C. Borg