Ħrejjef tradizzjonali minn pajjiżi differenti
Adattati minn Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Fuq talba ta' waħda mill-qarrejja tagħna
***** ***** ***** ***** *****
Androkle u l-iljun | It-tfajla bl-isbaħ xagħar fid-dinja | Kif tiżen iljunfant | Is-Saħħara fil-fossa | Is-Sitt iħbieb | Il-Bajd li jitkellem | Kif ma titlifx il-paċenzja | L-Ikla għall-orsijiet | Seħer l-iljun | Kif iġġib deheb mit-trab
***** ***** ***** ***** *****
Androkle u l-iljun
Din l-istorja seħħet f’Ruma l-Antika, fejn ilsir Grieg jismu Androkle darba ħarab mid-dar ta’ sidu u mar jistaħba fil-foresta. Baqa’ jiġġerra hemm qatigħ, bil-ġuħ u bil-għatx, sakemm intefa taħt siġra għajjien u bla nifs. F’daqqa waħda sema’ ljun fil-qrib, jokrob u jingħi, u xi kultant jgħajjat bil-qawwi.
Għalkemm kien għajjien mejjet, Androkle qam minn fejn kien u beda jiġri, biex mingħalih jiskarta lill-iljun. Bil-paniku ma kienx qed jara fejn kien qed jiġri, saqajh tħabblu mal-għerq ta’ siġra, u waqa’ tulu fl-art. Hekk kif għolla rasu, lemaħ lill-iljun quddiemu, riesaq bil-mod lejh. L-iljun kien miexi jzappap fuq tliet saqajn. Is-sieq il-leminija ta’ quddiem kien qed iżommha ’l fuq mill-art.
Androkle kien iddisprat. L-iljun baqa’ riesaq lejh, u hu ma kellux saħħa jqum minn mal-art. Għalhekk stagħġeb meta l-iljun wasal ħdejh, u, minflok ma għamel għalih, baqa’ jokrob u jgħolli siequ l-leminija lejh. Kien f’dak il-waqt li Androkle ntebaħ li s-sieq kienet imdemmija u minfuħa ħafna.
Androkle ħares bir-reqqa lejn is-sieq, u ntebaħ li kien hemm xewka daqsiex imdeffsa fil-qiegħ ta’ sieq l-iljun. Mhux ta’ b’xejn kien qiegħed jingħi bl-uġigħ u ma setax ipoġġi siequ mal-art!
Bil-mod biex ma jgerrixx lill-annimal, Androkle qabad sieq l-iljun f’idejh. Rabba ftit tal-kuraġġ, qabad ix-xewka, u ġibidha ’l barra bil-ħeffa. L-iljun għajjat bil-qawwi, u għal mument Androkle ħaseb li kienet waslet tiegħu. Imma fis l-iljun siket hekk kif ma baqax iħoss l-uġigħ. Bil-qajla, ittanta jpoġġi siequ mal-art bi prova, u dlonk beda jmelles l-art. F’ħin minnhom, ħareġ l-ilsien enormi li kellu, u beda jilgħaq wiċċ Androkle kullimkien. Androkle, min-naħa tiegħu, kemm għax ħa r-ruħ li l-iljun m’għamilx għalih, u kemm għax l-iljun ħasillu wiċċu kollu, infexx jidħaq u beda jmellislu wara widnejh.
Dan ma kienx biżżejjed biex l-iljun wera li kien grat lejn Androkle. Dak il-jum stess, l-iljun ħadlu ċerva li kien qatel ftit qabel, u b’hekk l-ilsir ma baqax bil-ġuħ. Fil-jiem ta’ wara, l-iljun baqa’ jdur b’Androkle u jġiblu l-ikel. F’qasir żmien, Androkle rabat qalbu mal-iljun.
Madankollu Androkle kien jaf li, bħala lsir maħrub, ma setax jibqa’ ħafna żmien fil-foresta għax kien jaf li kienu qegħdin ifittxuh. Fil-fatt, ftit żmien wara ċorma suldati sabuh, ħatfuh u ħaduh lura fil-belt minn fejn kien ħarab. Hemmhekk tawh lura lil sidu, li minnufih ħadu quddiem l-imħallfin. Androkle kien jaf x’kien il-kastig għall-ilsiera li jippruvaw jaħarbu, u ma stagħġibtx meta qatgħuhielu għall-mewt. Xeħtuh fil-ħabs sakemm kellu jasal il-jum meta kellhom joqtluh.
F’Ruma l-Antika kienet drawwa li qattelin u kriminali oħra jinxteħtu fl-arena biex jittieklu mill-annimali mġewħin, biex il-pubbliku jiddeverti waqt li l-imsieken kienu jissaraw mal-annimali.
Għalhekk, meta wasal il-jum li Androkle kellu jaqla’ l-kastig tiegħu, tawh lanza żgħira biex jiddefendi ruħu, u xeħtuh waħdu f’nofs l-arena, li kienet għadha vojta. Fil-padiljun irjali kien hemm l-Imperatur, li għamel sinjal biex joħroġ l-iljun. Malli l-iljun ħareġ fl-arena u lemaħ lil Androkle, minnufih għajjat għajta feroċi u ġera lejh.
F’daqqa waħda, meta l-iljun kien qorob sew lejn Androkle, waqaf mill-ġirja tiegħu u ma baqax jgħajjat. Minflok, mexa bil-mod lejh, u beda jilgħaqlu wiċċu. Ma għamel l-ebda mossa biex iweġġgħu jew jieklu. Androkle minnufih intebaħ li dan kien l-iljun li kien għen fil-foresta u li kien għex miegħu għal ftit jiem. U bħalma kien għamel dakinhar, beda jmellislu wara widnejh.
Mistagħġeb b’dak li kien qiegħed jara quddiemu, l-Imperatur sejjaħ lil Androkle biex ikellmu. Staqsieh mnejn sa fejn annimali feroċi bħal dak l-iljun m’għamilx għalih bħalma għamel ta’ spiss ma’ kundannati oħrajn.
Androkle rrakkuntalu l-istorja kollha: kif fil-foresta sab lill-iljun muġugħ minħabba x-xewka f’siequ, kif hu ħariġhielu u neħħielu l-uġigħ, u kif, b’ringrazzjament, l-iljun dar bih u saħansitra ġablu l-ikel biex ma jmutx bil-ġuħ.
L-istorja messet qalb l-Imperatur. Għaldaqstant qatagħha li jaħfer li Androkle. Barra minn hekk, qabbad lil sidu jeħilsu mill-jasar. Lill-iljun ma nesiehx. Ordna li jinħeles, u ħallewh jiġri fil-foresta. Minn dakinhar, l-iljun baqa’ jgħix ħieles fil-foresta u fil-paċi.
***** ***** ***** ***** *****
It-tfajla bl-isbaħ xagħar fid-dinja
Darba waħda, fil-belt ta’ Ħindustan, kien hemm Merkant tal-fwejjaħ, u kellu tifla li kien jisimha Dorani. Kienet il-mimmi t’għajnejh. Dorani kellha ħabiba li kienet saħħara, u t-tnejn kienu jafu jkantaw u jiżfnu bl-akbar ħila u l-aktar mod sabiħ fil-pajjiż. Għalhekk ir-re, jew Raġà, ta’ Artisseħer kien jirrespettahom ħafna. Isem ir-Raġà kien Indra.
Barra minn hekk, Dorani kellha l-isbaħ xagħar fid-dinja. Kien qisu deheb mibrum, u kellu l-fwieħa ta’ ward frisk. Madankollu, xagħarha kien kemxejn oħxon u tqil, u xi drabi ma kenitx tiflaħ timxi bih. Darba, qatgħet nokkla, kebbitha ġo werqa kbira, u xeħtitha fix-xmara li kienet tgħaddi minn taħt it-tieqa ta’ kamritha.
Ġara li f’dak il-waqt, bin ir-Re kien qiegħed barra jikkaċċja, u niżel maġenb ix-xmara biex jistejqer. Hemmhekk lemaħ il-werqa mkebba fuq wiċċ l-ilma ġieri, u xamm il-fwieħa tal-ward ħierġa minnha. Ħatafha mill-ilma u fetaħha. Sab li l-fwieħa kienet ġejja minn dik in-nokkla ta’ xagħar dehbi mibrum.
Malli wasal lura fil-palazz, kien sieket ħafna u deher kemxejn imdejjaq, tant li missieru r-re beda jinkwieta, u saqsieh kienx ġara xi ħaġa.
Iż-żagħżugħ urieh in-nokkla xagħar li kien sab fix-xmara. Għollieha ’l fuq fid-dawl, u qal lir-re, “Ħares, missier. Qatt rajt xagħar bħal dan? Jekk ma nsibx u niżżewweġ lit-tfajla ta’ dan ix-xagħar, żgur li mmut!”
Għaldaqstant ir-re minnufih bagħat lill-messaġġiera tiegħu mal-erbat irjieħ biex ifittxu t-tfajla li kellha xagħar dehbi mibrum. Fl-aħħar waslitlu l-bxara li kienet bint il-merkant tal-fwejjaħ.
Ix-xnigħat jiġru malajr, u f’qasir żmien Dorani semgħat bl-istorja tal-prinċep u x-xagħar dehbi mibrum. Qalet lil missierha, “Jekk dak ix-xagħar huwa tiegħi, u r-Re jrid li niżżewweġ lil ibnu, mela jkolli nagħmel hekk. Imma nixtieqek titolbu jaqtagħli xewqa waħda: li wara li niżżewġu, nibqa’ fil-palazz tul il-jum, imma kull lejl niġi lura dari.”
Missierha stagħġeb b’dak li talbet, imma ma qal xejn, billi kien jaf li bintu kienet kemxejn aktar brava minnu.
Ir-re sejjaħ lill-merkant fil-palazz biex ikellmu, u qallu li ried lil bintu tiżżewweġ lill-prinċep. Il-missier baxxa rasu lejn l-art tliet darbiet, u wieġeb, “Jien u binti nagħmlu kulma tixtieq, Majstà. Binti qed titlob ħaġa waħda biss. Wara ż-żwieġ, matul il-ġurnata toqgħod fil-palazz, u matul il-lejl ikollha l-permess tmur lura fid-dar ta’ missierha.”
Għalkemm ir-re ħaseb li din kienet talba kemxejn stramba, ma qagħadx jaħseb ħafna dwarha. Kienet se tkun kwistjoni ta’ ibnu, wara kollox, u ħaseb li f’qasir żmien it-tfajla kienet tixba’ ġejja u sejra. Għaldaqstant ma qal xejn, u ftit jiem wara bdew iċ-ċelebrazzjonijiet għaż-żwieġ.
Għall-ewwel il-prinċep ma nkwetax ħafna dwar il-kundizzjoni li kienet talbet Dorani. Ħaseb li għallinqas kien jista’ jaraha matul il-ġurnata. Madankollu beda jara li sakemm kienet fil-palazz, martu ma kienet tagħmel xejn: kienet tibqa’ bilqiegħda b’rasha baxxuta fuq irkopptejha, u lanqas kien kapaċi joħroġ kelma waħda minn fommha.
Kull filgħaxija kienu jwassluha sa dar missierha riekba fuq palankin, u minnufih wara tlugħ ix-xemx kienu jeħduha lura l-palazz. Madankollu dejjem kienet tibqa’ siekta, u qatt ma wriet li kienet tisma’, jew tara jew tagħti każ ta’ żewġha. Dan beda jinkwieta ħafna lill-prinċep.
Darba waħda, waqt li kien qiegħed jippassiġġa fil-ġonna tal-palazz, kollu ħosbien u jhewden dwar martu, iltaqa’ ma’ ġardinar xwejjaħ li kien ilu jaħdem fil-ġnien tal-palazz sa minn żmien nannuh. Malli l-ġardinar lemħu, resaq lejn il-prinċep u baxxa rasu.
“Għalfejn tidher daqshekk ħosbien, Sinjur? X’inqala’?”
“Jiena ħosbien, ħabib tiegħi,” wieġeb il-prinċep, “għaliex iżżewwiġt mara sabiħa daqs il-kwiekeb, imma qatt ma tkellimni, u ma nafx x’naqbad nagħmel. Lejl wara lejl tmur lura dar missierha, u nhar wara nhar tiġi lura għandi u tibqa’ hemm, siekta bħal statwa mingħajr ma titniffes, ngħid x’ngħid u nagħmel x’nagħmel.”
Il-ġardinar talab lill-prinċep biex jistennieh hemm, hekk kif warrab għal ftit ħin. Malli ġie lura, kellu f’idu ħames jew sitt pakketti żgħar, li poġġiehom f’idejn il-prinċep.
“Għada,” qallu, “malli martek titlaq mill-palazz, roxx fuq rasek it-trab minn wieħed minn dawn il-pakketti. Inti tibqa’ tara kollox normali, imma ssir inviżibbli u ħadd ma jkun jista’ jarak. Ma nistax nagħmel aktar minn hekk, imma nittama li kollox imurlek b’wiċċ il-ġid!”
Il-prinċep irringrazzja lill-ġardinar, u ħeba l-pakketti fit-turban fuq rasu.
Dak il-lejl, hekk kif Dorani irħitilha lejn dar missierha, il-prinċep raxx it-trab minn wieħed mill-pakketti fuq rasu, u mexa wara l-palankin ta’ martu. Tabilħaqq, kif kien qallu l-ġardinar, għalkemm hu kien qed iħossu normali, intebaħ li ħadd ma kien qed jarah waqt li kien miexi fit-triq. F’qasir żmien waslu ħdejn dar il-merkant tal-fwejjaħ. Dorani daħlet fid-dar, u l-prinċep daħal warajha bl-akbar skiet.
Dorani marret dritt f’kamritha. Hemmhekk libset kullana ta’ perli madwar għonqha, u libset rand tal-fjuri fuq rasha. Wara poġġiet bilqiegħda fuq banketta mdaqqsa, b’erba’ saqajn u tinda żgħira fuq rasha. “Tir, banketta, tir sal-Artisseħer!” lissnet Dorani.
Minnufih, il-banketta għoliet fl-arja. Għalkemm il-prinċep baqa’ mbellah b’dak li ra, b’ħeffa kbira ħataf waħda mis-saqajn tal-banketta, u din refgħetu magħha fl-arja b’għaġla liema bħalha.
F’qasir żmien il-prinċep intebaħ li kienu waslu f’Artisseħer, il-pajjiż tar-Raġà u tas-saħħara ħabiba ta’ Dorani. Il-ħabiba tagħha kienet qegħda tistennieha quddiem id-dar tagħha. Hekk kif il-banketta niżlet ħdejha, is-saħħara għajtet mistagħġba, “Ara ftit, illum il-banketta qed ittir imxengla! Qed nissuspetta li dak għaliex tkellimt ma’ żewġek!”
Dorani qaltilha li ma kenitx kellmet lil żewġha, imma ma kenitx taf għaliex il-banketta kienet qed ittir imxengla. Is-saħħara baqgħet tidher ftit dubjuża, imma ma qalet xejn aktar. Minflok, qagħdet bilqiegħda maġenb Dorani. Sadattant, għalkemm il-banketta issa kienet mal-art, il-prinċep xorta waħda baqa’ jżomm ma’ waħda mis-saqajn. Għamel tajjeb li ma kienx telaqha, għaliex fis il-banketta reġgħet telgħet fl-arja, u ħadet liż-żewġt iħbieb fil-palazz ta’ Indra, ir-Raġà.
Matul il-lejl kollu, Dorani u ħabibitha qagħdu jkantaw u jiżfnu quddiem ir-Raġà, mal-mużika ħelwa ta’ flawt imsaħħar, li beda jdoqq waħdu. Kien l-isbaħ kant u mużika li l-prinċep kien qatt sema’, u l-ħin tar. Ftit qabel tlugħ ix-xemx ir-Raġà għamel sinjal biex tieqaf il-mużika. In-nisa reġgħu poġġew fuq il-banketta u din taret lura lejn Ħindustan, bil-prinċep inviżibbli imdendel ma’ sieq waħda. F’qasir żmien wasslet lil Dorani u lill-prinċep qawwijin u sħaħ quddiem id-dar tal-merkant tal-fwejjaħ.
Minn hawn il-prinċep mar jiġri lura lejn il-palazz. Malli daħal fil-kmamar tiegħu, is-seħer tat-trab għeb għal kollox u l-prinċep ma baqax inviżibbli. Intefa fuq pultruna, u stenna lil martu tasal.
Malli waslet, qagħdet fuq pultruna, u, bħas-soltu, ma tniffsetx, u baxxiet rasha fuq irkopptejha. Għal ftit mumenti, waqa’ skiet perfett. Fl-aħħar, il-prinċep tkellem. “Ħlomt ħolma stramba dal-lejl. Se ngħidhielek xorta, anki jekk naf li mhux se tagħti kas.”
Tassew, Dorani ma lissnet xejn. Madankollu, il-prinċep beda jirrakkonta dak kollu li ra dak il-lejl, bid-dettalji kollha. U meta l-prinċep wasal fil-biċċa meta semma l-kant sabiħ tagħha, għolliet rasha u ħarset lejh. Dorani xorta ma qalet xejn, imma bdiet titħasseb.
“Tabilħaqq ħolma stramba,” qalet bejnha u bejn ruħha. “Imma tassew kienet ħolma? Kif seta’ joħlom kull ħaġa li għamilt?” Xorta baqgħet ma tniffsetx, u ħarset lejn il-prinċep dik id-darba biss, u wara għaddiet il-jum bħas-soltu, rasha baxxuta fuq irkopptejha.
Malli reġa’ dalam, il-prinċep reġa’ sar inviżibbli u mar warajha. U ġara l-istess bħal-lejl ta’ qabel. Biss din id-darba Dorani bdiet tkanta aktar bil-qalb. L-għada filgħodu l-prinċep għat-tieni darba qal lil Dorani li reġa’ ħolom ħolma. Malli lesta jirrakkonta l-ħolma, Dorani għolliet rasha u ħarset ċassa lejh. “Tassew kienet ħolma, jew kont hemm miegħi?” staqsiet.
“Kont hemm,” wieġeb il-prinċep.
“Mela għaliex ġejt warajja?” staqsiet Dorani.
“Għaliex inħobbok,” qabeż il-prinċep fil-pront. “U nħossni kuntent kull meta nkun miegħek.”
Għal ftit sekondi għajnejn Dorani bdew jirtogħdu, imma ma qalet xejn aktar, u baqgħet siekta matul il-jum kollu. Madankollu, filgħaxija qabel ma rikbet il-palankin, daret lejn il-prinċep. “Urini li tassew tħobbni billi ma tiġix warajja dal-lejl.”
Għalhekk il-prinċep għamel kif talbitu, u baqa’ fil-palazz.
Din id-darba, waqt li Dorani u s-saħħara kienu qed itiru bil-banketta msaħħra, din bdiet titmejjel tant li t-tfajliet bilkemm setgħu jżommu sew. “Hemm raġuni waħda biss għalfejn il-banketta qed tixxengel daqshekk!” għajtet is-saħħara. “Bilfors li kellimt lil żewġek!”
U Dorani wieġbet, “Iva, kellimtu!” Imma ma qalet xejn aktar.
Dak il-lejl Dorani tant kantat sabiħ li r-Raġà Indra wiegħda li jagħtiha kulma tixtieq. Għall-ewwel baqgħet siekta, imma r-Raġà reġa’ ħeġġiġha ssemmilu xi ħaġa. “La qiegħed tinsisti,” wieġbet fl-aħħar, “nixtieqek tagħtini l-flawt imsaħħar.”
Ir-Raġà kien kemxejn diżappuntat b’dak li talbet Dorani, għaliex il-flawt kien għal qalbu. Iżda ladarba kien wiegħed, kellu jagħtihulha.
“La tiġi qatt aktar hawn,” qalilha. “Għax ladarba tlabt għal xi ħaġa daqshekk prezzjuża, kull rigal li nista’ nagħtik fil-ġejjieni se jiswa inqas.”
Dorani niżżlet rasha hekk kif ħadet il-flawt, u ħarġet mill-palazz mas-saħħara ħabiba tagħha, fejn kien hemm il-banketta. Il-banketta ħadithom lura Ħindustan, tixxengel ħafna aktar minn qatt qabel.
Malli filgħodu Dorani waslet il-palazz, saqsiet lill-prinċep kienx reġa’ ħolom. Il-prinċep infaqa’ jidħaq għaliex kienet kellmitu minn jeddha mingħajr ma talabha hu. “Le,” weġibha, “Imma issa se nibda noħlom, mhux dwar l-imgħoddi, imma dwar dak li jista’ jiġri fil-ġejjieni.”
Dak il-jum, Dorani baqgħet siekta bilqiegħda, imma bdiet twieġeb lill-prinċep kull meta kien ikellimha. U ma’ nżul ix-xemx, meta wasal il-waqt li titlaq, baqgħet bilqiegħda. Il-prinċep resaq lejha bil-mod, u staqsieha bil-ħlewwa, “M’intix sejra lura darek, dal-lejl, Dorani?”
Dorani qamet minnufih u għannqitu. “Qatt aktar!” lissnet minn taħt l-ilsien. “Qatt u qatt aktar!”
U kien hekk li fl-aħħar il-prinċep rebaħ l-imħabba ta’ martu. U għalkemm qatt aktar ma kellhom x’jaqsmu ma’ sħaħar, minn jum għall-ieħor bdew jitgħallmu jgħixu b’ seħer differenti – is-seħer tal-imħabba.
***** ***** ***** ***** *****
Kif tiżen iljunfant
Ħafna u ħafna żmien ilu, in-nies li kienu jgħixu fiċ-Ċina kienu jafu li f’pajjiż ’il bogħod kien jeżisti annimal kbir li kienu jsejħulu ljunfant, imma huma qatt ma kienu raw wieħed. Darba waħda, ambaxxatur minn dan il-pajjiż ġie jżur lill-Imperatur taċ-Ċina, u bħala rigal ġablu ljunfant ta’ veru, ħaj!
Ħadd qatt ma kien ra annimal daqshekk tal-għaġeb fiċ-Ċina. Meta l-ambaxxatur telaq lura lejn pajjiżu, fil-palazz tal-Imperatur ma bdew jitkellmu dwar xejn għajr dak l-iljunfant.
“Dan l-iljunfant huwa akbar minn barri tat-tagħbija!” lissen mandarin.
“Qed tiċċajta!” qabeż it-tieni mandarin. “Dak akbar minn rinoċeront!”
“Ma jistax ikun!” qabeż it-tielet mandarin, “Dak akbar minn żewġ rinoċeronti!”
Darba waħda l-Imperatur qal lill-mandarini, “Irrid inkun naf kemm jiżen dak l-iljunfant. Min jista’ jgħidli kif nistgħu niżnuh?”
“Jien nista’!” wieġeb l-ewwel mandarin, li qabel kien merkant. “Inpoġġuh fuq miżien!”
“Ma jistax ikun,” qal l-Imperatur. “Ma jeżistix miżien li jiflaħ iljunfant! Jekk inpoġġuh fuqu, jaqsmu!”
“Jien naf x’nagħmlu!” qabeż it-tieni mandarin, li qabel kien ħajjat. “Nistgħu inkejluh!”
“Le,” wieġeb l-Imperatur. “Jekk inkejluh insibu t-tul ta’ kull parti tiegħu, imma xorta nibqgħu ma nafux kemm jiżen!”
“Jiena naf kif!” qabeż it-tielet mandarin, li qabel kien furnar. “Inqattgħu l-iljunfant f’biċċiet żgħar u nsajruhom. Hekk inkunu nafu kemm jiżen!”
“Le, le! Dak żgur ma nagħmluhx!” għajjat l-Imperatur. “Kif, m’hawn ħadd minnkom li jista’ jgħidli kif niżnu ljunfant!?”
F’dak il-waqt dewa leħen irqiq jgħid, “Jiena nista’.”
U kulħadd dar iħares imbellah lejn it-tifel iċ-ċkejken tal-Imperatur!
“Ibni,” qal l-Imperatur, “suppost issa qiegħed fis-sodda rieqed!”
“Imma jiena naf kif,” tenna t-tifel. “U m’għandniex bżonn insajruh.”
“Kollox sew,” kompla l-Imperatur bi tbissima. “Mela għidilna kif nistgħu nkejlu ljunfant.”
U t-tifel beda jispjega...
“Tellgħu lill-iljunfant fuq dgħajsa kbira, u oħorġuha fil-baħar. Agħmlu linja madwar id-dgħajsa fejn tmiss eżatt ma’ wiċċ l-ilma. Ġibu d-dgħajsa lura x-xatt u niżżlu lill-iljunfant minn fuqha.
“Erġgħu oħorġuha fl-ilma, u ibdew għabbuha bil-ġebel. Żidu l-ġebel waħda waħda, sakemm il-linja madwar id-dgħajsa terġa’ tinżel sa wiċċ l-ilma bħal meta l-iljunfant kien fiha.
“Erġgħu tellgħuha x-xatt. Ħottu l-ġebel, u iżnuhom waħda waħda. L-użin tal-ġebel kollha flimkien għandu jkun l-istess użin tal-iljunfant!”
“Prosit! Bravu!” beda jgħajjat kulħadd fis-sala.
“Idea tajba ħafna!” lissen l-ewwel mandarin.
“Hekk se nkunu nafu eżatt kemm jiżen l-iljunfant!” qal it-tieni mandarin.
“Fejn stajna nobsru li ċ-ċkejken prinċep huwa daqshekk bravu!” kompla t-tielet mandarin.
U b’hekk l-għerf ta’ bin l-Imperatur sar magħruf madwar il-pajjiż kollu.
***** ***** ***** ***** *****
Is-Saħħara fil-fossa
Lars, bin il-bidwi, kien fis-seba’ sema. Kien riekeb iż-żiemel fi triqtu lejn il-belt, fejn kien biħsiebu jixtri ġakketta ġdida. Dakinhar fis-sitta ta’ filgħaxija kellu jżur id-dar tal-maħbuba tiegħu biex jitlobha tiżżewġu, u ried ikun liebes pulit kemm jista’ jkun.
Lars kien ċert li Lisa, il-maħbuba tiegħu, ma kinitx se tgħidlu le. Imma missierha kien kwistjoni oħra. Lars kien ta’ dak it-tip li ma kienx iżomm il-ħin, u kważi dejjem kien jasal tard għall-appuntamenti. U dan kien punt li l-missirijiet kienu jagħtuh importanza kbira meta jiġu biex jgħidu “iva” jew “le” lir-raġel li ried jiżżewweġ lil binthom. Għalhekk Lars ried ikun ċert li filgħaxija jasal dar il-maħbuba eżatt fis-sitta: wara dak, kollox kellu jmur ħarir.
Biex jiffranka ftit ħin u jasal il-belt qabel, Lars qatagħha li jitlaq it-trejqa tas-soltu u jgħaddi minn ġo l-foresta. Wara l-foresta, kien hemm għalqa. Tul din l-għalqa, fuq ġenb, kien hemm fossa. F’ħin minnhom deherlu li kien hemm xi ċaqliq fil-fossa. Il-kurżità għelbitu u resaq aktar viċin biex jara x’kien. F’qiegħ il-fossa, lemaħ xwejħa stramba miexja zzappap u mgħawġa ganċ.
Il-passi taż-żiemel tiegħu ġibdulha l-attenzjoni, u ħarset ’il fuq lejh. Lars qatt ma ra wiċċ daqshekk ikrah. Kellha għajnejha żgħar daqs żibeġ f’żewġ ħofor fondi suwed. Xagħarha kien abjad u kollu maħmuġ. Imneħirha kien ippuntat u mgħawweġ ganċ. Xofftejha kienu griżi, xotti u mkemmxin bħal-qoxra ta’ ħobża.
“Tagħmilli pjaċir?” qaltlu, “Inħallsek tiegħu.”
“Xi pjaċir?” staqsa Lars.
Ix-xwejħa spjegat li weġġgħet sieqha waqt li kienet miexja fil-foresta. Xtaqet tilħaq għolja żgħira b’sitt siġar taż-żnuber. Kieku setgħet tieħu ftit sugu minnhom kienet tkun tista’ togħrku ma’ sieqha biex isserraħha mill-uġigħ. Imma fi treqitha lejn il-għolja, waqgħet fil-fossa, u issa l-uġigħ kien ferm agħar, u bilkemm setgħet toħroġ mill-fossa. Talbitu biex imur jiġbor ftit sugu mis-siġar għaliha, u tħallsu sew.
“Minn dalgħodu,” kompliet, “diġà għaddew ħamsa min-nies, u tlabthom biex jgħinuni. Tajthom kollha munita tad-deheb, imma milli jidher żammew il-flus u qabdu triq oħra, għaliex ħadd minnhom ma ġie lura bis-sugu.” Ma’ dan il-kliem, ħarġet munita tad-deheb minn butha, u għollietha lejh. “Jekk taqdini, din hija għalik.”
Imma Lars kellu s-suspetti tiegħi. “Min inti, biex tidher daqshekk ħesrem b’dawk il-muniti kollha? Inti xi saħħara!”
Ix-xwejħa bdiet tokrob u togħrok sieqha. “Ajma kemm qed twaġġagħni! U ommi qegħda tfittixni fil-foresta u ssejjaħli. Tista’ tismagħha?”
“Ma jien nisma’ xejn,” wieġeb Lars.
F’daqqa waħda x-xwejħa feġġet ma’ ġenb iż-żiemel. Ħatfet il-krinjiera taż-żiemel u b’ħeffa kbira rikbet wara Lars, poġġiet idha ma’ widintu u bdiet tfesfes minn taħt l-ilsien. Lars stagħġeb hekk kif tassew beda jisma’ għanja ħierġa mill-foresta:
“Fejn inti, fejn inti, ja tifla tiegħi?
Ibagħtli sinjal, ħa’ terġa’ tkun miegħi!”
“Mela ibgħat sinjal lil ommok ħalli ssibek!” lissen Lars bid-daħqa.
“Ma nistax, għaliex dgħajfa wisq b’din is-sieq muġugħa,” wieġbet ix-xwejħa, hekk kif reġgħet qabżet f’qiegħ il-fossa. Żammet rasha ’l fuq mix-xifer, u għajnejha żibeġ baqgħu jiffissaw fuq Lars.
“Idħaq bija, jekk trid, u ogħbodni bħalma jagħmel kulħadd,” bdiet tgemgem. “Imma jiena nħallsek, nagħtik flus kemm trid, imqar jekk tnewwilli ftit sugu mis-siġar.” Bdiet iċċekċek il-muniti f’butha.
Lars ħares ċass lejha. “Le, grazzi. Issa naf żgur x’int. Inti tassew saħħara. Żomm flusek. Ma rridx li jkolli x’naqsam ma’ sħaħar.”
B’dan il-kliem, Lars kompla fi triqtu. Wasal il-belt, xtara l-ġakketta, u rħielha lura d-dar. Għadda minn fejn l-għolja li kienet semmiet ix-xwejħa, u ra li tabilħaqq kien hemm sitt siġriet taż-żnuber, f’filliera waħda, jixxenglu kemm kemm fiż-żiffa. F’dak il-waqt, reġa’ beda jisma’ l-għanja...
“Fejn inti, fejn inti, ja tifla tiegħi?
Ibagħtli sinjal, ħa’ terġa’ tkun miegħi!”
Resaq lejn is-siġar biex jara kienx hemm xi sugu ħiereġ miz-zkuk. Tassew, kien hemm. Imm’ issa kien se jkun diffiċli jiġbru għax kien qiegħed jidlam. U kien qed isir il-ħin ukoll. Kellu jasal għand dar Lisa fil-ħin għax inkella jitlef kollox. Għalhekk nesa s-siġar u kompla fi triqtu.
Iżda ma laħaqx mexa ħafna qabel ma ż-żiemel waqaf waħdu u għolla widnejh. U Lars reġa’ sema’ l-għanja.
“Fejn inti, fejn inti, ja tifla tiegħi?
Ibagħtli sinjal, ħa’ terġa’ tkun miegħi!”
“Li kieku kelli ftit ħin niġbor is-sugu...” qal bejnu u bejn ruħu. Dawwar iż-żiemel biex jerġa’ jmur fejn is-siġar. Iżda fis reġa’ biddel il-ħsieb. “Dan ġenn,” beda jaħseb. “X’jimpurtani mis-saħħara x-xiħa!?” U reġa’ telaq għal għonq it-triq.
Imma ma damx wisq qabel ma ż-żiemel reġa’ waqaflu. U għal darb’ oħra, Lars sema’ l-għanja.
“Fejn inti, fejn inti, ja tifla tiegħi?
Ibagħtli sinjal, ħa’ terġa’ tkun miegħi!”
“Ma nistax nissaporti aktar,” qal fl-aħħar. “Jekk ma niġborx dak is-sugu, se nibqa’ nisma’ dik l-għanja għal għomri.” Għalhekk din id-darba dawwar iż-żiemel għall-aħħar darba u saqu jiġri lejn is-siġar.
Malli wasal, ġabar ftit sugu fi xkora żgħira, miz-zokk ta’ kull siġra, u rħielha lura jiġri lejn il-fossa. Issa kien dalam ġmielu.
“X’għamilt b’idi!” beda jgerger. “Dik aktarx lanqas għadha fil-fossa, u ara kemm ħlejt ħin!”
Wasal ħdejn il-fossa. Ħaġa tal-għaġeb, ix-xwejħa kienet għadha hemm. Lars waddab l-ixkora lejha.
“Hawn,” għajjat, “Ħudu, x-xjafek ta’ sugu tiegħek. U nittama li ma narak qatt aktar! X’aktarx tlift lill-maħbuba tiegħi għal kollox minħabba fik!”
Mingħajr ma qagħad jistenna grazzi jew saħansitra l-munita tad-deheb bi ħlas, Lars dar u rħielha jiġri lejn dar il-maħbuba tiegħu. Kien beżgħan u rrabjat fl-istess ħin, għax issa kien kważi ċert li se jasal tard. U għalfejn, wara kollox?
F’daqqa waħda sema l-ħsejjes ta’ żiemel ieħor qed joqrob minn wara kantuniera. Kien ħuh Ġużeppi. Kien bla nifs u kollu għaraq.
“Se tasal tard! Se tasal tard!” għajjat ħuh. Għax il-familja kollha kienet taf li Lars kellu bżonn jasal dar il-maħbuba fil-ħin. U hekk kif ħuh ingħaqad miegħu fil-ġirja, daqqew is-sitta nieqes kwart.
Lars beda jagħti bil-frosta liż-żiemel aktar bil-qawwi ħalli dan jiġri aktar. Tant kien dalam li issa Lars bilkemm seta’ jara t-triq. Beda jiġri minn qalb is-siġar. Il-friegħi bdew jaqbdu mal-ġakketta l-ġdida u jqattgħuha u jolqtu ’l wiċċu u joborxuh – imma dak il-ħin ma beda jħoss xejn. Moħħu kien biss fuq kif jasal għand il-maħbuba tiegħu fil-ħin biex ma jiddiżappuntax la lil Lisa u lanqas lil missierha. Dak li taqla’ meta jkollok x’taqsam mas-sħaħar!
Iż-żiemel issa kien qiegħed jaqta’ nifsu u kważi jitfixkel f’saqajh, u Lars stenna li jaqa’ taħtu minn mument għal ieħor. Jagħtih kemm jagħtih bil-frosta, iż-żiemel beda jiġri inqas u inqas.
F’daqqa waħda, ħass ir-riedni jibbiesu f’idejh. Iż-żiemel għolla rasu u saqajh kważi bdew jogħlew minn wiċċ it-triq. Kien bħallikieku xi ħaġa tagħtu ħajja ġdida, u issa beda jiġri tant li l-beritta ta’ Lars taret minn fuq rasu.
Lars ħares warajh. Beda jħoss bħallikieku xi ħadd kien bilqiegħda warajh fuq iż-żiemel. Imma ma kien jidher ħadd, għalkemm xi mumenti beda jilmaħ speċi ta’ dell griż, filli jfeġġ u filli jgħib.
Ir-rikba issa kienet qisha ħadet il-ħajja għaliha, għax Lars bilkemm seta’ jmexxi aktar liż-żiemel. Iż-żiemel issa ma baqax mat-triq, u beda jgħaddi minn qalb għelieqi, jitla’ u jinżel għoljiet u jaqsam xmajjar. Kull darba li Lars beda jħares warajh kien jara dak l-ispeċi ta’ dell, daqqa jidher u daqqa le. U kull darba li jħares quddiem, kien aktar u aktar ċert li xi ħadd kien riekeb warajh.
Issa kienu waslu qalb l-għelieqi, u ż-żiemel kien qisu qed itir, maqtugħ mill-art. Malli waslu fl-ewwel salib it-toroq, Lars stħajjel li lemaħ lill-akbar ħabib tiegħu, Lucas, qed jistennieh.
“Baqagħlek ħames minuti biss!” għajjat Lucas. “Se tasal tard!”
“Issa naraw!” għajjat Lars hekk kif għadda sbrixx minn ħdejh.
Aktar lil hinn, lemaħ lix-xwejjaħ missieru qed ixejjer rasu b’disprament. “M’intix se tasal fil-ħin,” qallu. “Baqagħlek minuta!”
“Issa naraw!” għajjat Lars hekk kif bilkemm kellu ċans iħares lejn wiċċ missieru.
F’dar il-maħbuba, kulħadd kien qiegħed jistenna bil-ħerqa. Lisa kienet qed isserraħ idejha fuq ħoġor it-tieqa, kull mument tistenna li tisma’ l-ġiri ta’ żiemel, waqt li missierha kien qed idur mal-kamra, nervuż.
“Ara,” lissen, waqt li ħares lejn l-arloġġ fuq il-ħajt. “Għad fadal biss nofs minuta qabel is-sitta, u għad m’hemmx ħsejjes ta’ żwiemel qed jaqsmu l-pont. Ma tistax tiżżewweġ lil xi ħadd li mhux kapaċi jżomm ħin.”
“Se nibqa’ nistenna sas-sitta eżatt,” qalet Lisa. Baqgħet imsammra mat-tieqa, qalbha tħabbat sitta sitta.
L-arloġġ beda jdoqq it-tokki tas-sitta. Waħda... Tnejn...
“Tard!” qabeż missier Lisa.
Kien f’dak il-waqt li nstemgħu il-passi ta’ żiemel jiġri fuq il-pont. Għajnejn Lisa nfetħu beraħ bil-ferħ. “Isma’! Wasal!” għajtet.
“Imma xorta waħda tard!” kompla missierha.
Imma hekk kif l-arloġġ kien se jdoqq is-sitt tokk, il-bieb ta’ barra nfetaħ beraħ, u hemm kien Lars, kollu mxarrab, żmattat, xagħru mħabbel, u l-ġakketta l-ġdida trietaq. Imma għal għajn Lisa, xorta kien jidher sabiħ. Marret tgħannqu, għax kienet taf li kienet se tibqa’ miegħu għal dejjem.
Missierha baqa’ jħares imbellah. Ma setax jifhem kif Lars kien irnexxielu jasal eżatt mal-aħħar tokk tas-sitta, u, bejnietna, ħadd ma seta’ jifhem, lanqas l-istess Lars.
U ma kenitx l-aħħar darba li n-nies tbellhet b’għemejjel Lars. Minn dak iż-żmien ’l hinn, jitlaq x’ħin jitlaq minn xi post, dejjem beda jasal eżatt fil-ħin. U qabel ma jitlaq, ma kienx jidher inkwetat li jasal tard. Jekk kien jitlaq riekeb żiemel jew karozzin, jew saħansitra bil-mixi, dejjem kien jitlaq bil-kalma minn post ċert li kien se jasal f’post ieħor f’waqtu. Għaliex dejjem kien iħoss li kien hemm xi ħadd miegħu biex iżommlu r-riedni, jew maġenbu fil-mixi, ħalli l-vjaġġi tiegħu dejjem jispiċċaw tajjeb.
U qatt ma fehem eżatt il-għala kien dan, anki jekk xi kultant kien jilmaħ dak id-dell griż maġenbu waqt il-mixi, jew warajh fuq iż-żiemel. Fil-qalb ta’ qalbu, madankollu, kellu s-suspett min seta’ kien.
Ma kien talab l-ebda ħlas għal dak li għamel lil dik ix-xwejħa saħħara fil-foss. Imm’ issa kien jaf li kienet saħħara onesta, u li tassew kienet ħallsitu għal dak li kien għamel magħha.
***** ***** ***** ***** *****
Is-Sitt iħbieb
Ħafna snin ilu, f’pajjiż imbiegħed, kien hemm sitt żagħżagħ li kienu ħbieb kbar. Wieħed kien bin saħħar, ieħor kien bin ħaddied, wieħed kien bin tabib, ieħor kien bin skultur, il-ħames kien bin pittur u s-sitt wieħed kien bin prinċep. Kull wieħed minnhom xtaq isegwi l-karriera ta’ missieru, imma qabelxejn xtaqu jmorru f’avventura flimkien.
“Ejjew nitilqu lkoll flimkien,” qalu, “Inżuru xi pajjiżi ġodda, forsi nsibu x-xorti u nkunu nistgħu ngħixu ħajja ta’ sinjuri. Jekk le, għall-inqas ikollna storja sabiħa x’nirrakkuntaw meta niġu lura d-dar.”
Għalhekk, ġurnata waħda, filgħodu kmieni, irħewlha flimkien għal għonq it-triq. Baqgħu mixjin għal ħafna ġranet, lil hinn mill-pajjiżi li kienu jafu u f’artijiet li għalihom kienu ġodda. Imma ma sabu l-ebda avventura.
Fl-aħħar waslu ħdejn għadira żgħira fejn kienu qed jiltaqgħu sitt xmajriet. Bin il-ħaddied qal, “Ħbieb, hawn sitt xmajriet, waħda għal kull wieħed minna. Xi tgħidu jekk kull wieħed minna jaqbad waħda u jimxi magħha ħalli jsib fejn twassal? Kull wieħed minna jista’ jsib avventura differenti.”
Kollha qablu mal-idea. “Ngħidilkom x’nagħmlu,” qabeż bin is-saħħar. “Kull wieħed minn jiżra’ siġra maġenb ix-xmajra li jagħżel. Nagħmel seħer fuq kull siġra. Jekk xi wieħed minna jispiċċa f’xi inkwiet, is-siġra tiegħu tidbiel u tinxef. Hekk, malli nerġgħu niltaqgħu hawn u naraw is-siġra niexfa, inkunu nafu li seħibna qiegħed fil-għawġ u mmorru ngħinuh.”
“Ġietni idea oħra,” qabeż bin it-tabib. “Niltaqgħu hawn wara sena u ġurnata. B’dan il-mod inkunu nistgħu nerġgħu niltaqgħu. Jekk xi ħadd minna ma jiġix lura u s-siġra tiegħu tkun dbielet, nimxu max-xmajra tiegħu u nippruvaw insibuh.”
Wara li qablu ma’ dan kollu, żergħu is-siġriet ma’ kull xmajra. Bin is-saħħar dar kull siġra waħda waħda u għamel is-seħer fuqhom ħalli jidbielu jekk sidhom jaqa’ f’xi inkwiet. Wara li bin is-saħħar kien lest, għannqu lil xulxin għall-aħħar darba, u kollha telqu għal rajhom.
Issa, ħalli nimxu ma’ bin il-prinċep.
Beda miexi bil-mod tul il-ġenb tax-xmajra għaliex kienet kollha siġar u ħaxix twil, selvaġġ. Wara ftit, il-ħaxix beda jonqos. Baqa’ miexi sakemm ma’ nżul ix-xemx wasal f’għalqa miftuħa, wiesgħa. F’nofs l-għalqa seta’ jara bir, u wara l-għalqa kien hemm foresta mudlama. Wara dak il-mixi kollu kien għajjien, għalhekk inxteħet bilqiegħda maġenb il-bir biex jistrieħ ftit u jiffriska.
F’qasir żmien lemaħ tfajla ħelwa riesqa lejn il-bir, iġġorr buqar fuq spallitha. Xagħarha kien twil ħafna u iswed tuta. Kienet liebsa libsa bajda karta u kienet ħafja. Mixjietha kienet waħda ħafifa u kienet qed toqmos ma’ kull pass li tagħmel. Ħaġa tal-għaġeb, bin il-prinċep ra li kull darba li saqajha kienu jmissu l-art, hemm kienet tinbet fjura, u għalhekk it-tfajla kienet qed tħalli warajha mogħdija kollha mżewqa bil-fjuri.
Waqt li bin il-prinċep baqa’ jħares lejha mbellah, it-tfajla waslet ħdejn il-bir u niżżlet il-buqar minn fuq spallitha. Bin il-prinċep qam fuq saqajh minnufih. Ħatfilha l-buqar u offrielha li jiġbed l-ilma mill-bir għaliha. It-tfajla tbissmet imma ma qalet xejn. Dik it-tbissima tant kienet ħelwa li bin il-prinċep xtaq li jkun ma’ dik it-tfajla ħajtu kollha.
Malli mela l-buqar, reġgħet bdiet taqsam l-għalqa u tagħtu x’jifhem li xtaqitu jmur warajha. Hekk għamel. Daħlu fil-foresta hekk kif beda jidlam sew.
Fl-aħħar waslu f’dar żgħira mibnija miz-zkuk tas-siġar. Hekk kif qorbu lejha, infetaħ il-bieb u tfaċċa xwejjaħ xipli, xagħru kollha bajda, mgħawweġ ganċ. Warajh dehret xwejħa b’wiċċha kollu mkemmex bl-età.
“Idħol, binti,” lissen ix-xwejjaħ, hekk kif għamlilha sinjal biex tidħol. “Ġibtu miegħek, lil bin il-prinċep?”
“Iva, missier,” wieġbet hi. Leħinha kien ħelu daqs it-tbissima tagħha. Bin il-prinċep daħal fid-dwejra, kollu mistagħġeb b’dak li kien qiegħed jiġri.
F’qasir żmien ix-xjuħ ħejjew ikla bnina lil bin il-prinċep. Sadattant, it-tfajla daħlet f’kamra oħra.
Wara li bin il-prinċep kien kiel, ix-xwejjaħ beda jispjega. “Jiena ċert, ġuvnott, li għandek ħafna mistoqsijiet dwar it-tfajla li ġabitek hawn fid-dwejra tagħna. Ngħidlek tassew, sinjur, li lanqas aħna stess ma nafu ħafna dwarha. Għalkemm rabbejnieha u ħabbejnieha daqs li kieku kienet bintna, lanqas biss nafu minn fejn ġejja.
“Meta kienet għadha żgħira, sibnieha quddiem il-bieb tagħna, kollha daħqana b’dik it-tbissima ħelwa tagħha. Kienet liebsa ħwejjeġ fin, u naħsbu li hija t-tifla ta’ xi ħadd nobbli. Baqgħet magħna minn dak iż-żmien, imma qatt ma lissnet xejn li seta’ jagħtina ħjiel ta’ minn liema familja ġejja.
“Dan l-aħħar bdiet titkellem dwar xi ħaġa li kienet se tbiddlilha ħajjitha għal dejjem – dwar bin xi prinċep u ħafna affarijiet oħra li ma nistgħux nifhmu. Imm’ issa għandna qalbna sewda għaliex qed nibżgħu li bintna dalwaqt issib lil min tiżżewweġ u titlaqna – aħna li nħobbuha aktar minn kull ħaġ’ oħra fid-dinja.”
Kollu ħerqan, bin il-prinċep wieġeb, “Jiena fil-fatt l-iben ta’ prinċep. U naf fil-qiegħ ta’ qalbi li ma nista’ nħobb lill-ebda tfajla oħra għajr il-bint li intom tant tħobbu. Jiena lest li ngħix magħha f’din il-foresta; nibni dwejra hawn, maġenb tagħkom.”
“Ah,” kompla x-xwejjaħ, “mela sinjal li inti l-għarus, iben prinċep, li bintna ilha tgħidilna dwaru – kieku ma kinitx iġġibek magħha fid-dwejra tagħna qalb il-foresta. Nixtiqulek kull barka, ibni!”
U hekk ġara li bin il-prinċep iżżewweġ lil dik it-tfajla u bdew jgħixu fi dwejra fil-foresta maġenb dik tax-xjuħ li kienu rabbewha.
Darba waranofsinhar it-tnejn kien qed jippassiġġaw maġenb xmajra li kienet tgħaddi minn nofs il-foresta. L-ilma tant kien jidher frisk li t-tfajla qagħdet bilqiegħda fuq il-ħaxix biex tbill idejha u saqajha fl-ilma. Imma malli għamlet hekk, wieħed miċ-ċrieket żelqilha minn idha u waqa’ fl-ilma. Qabel ma kellha ċans taħtfu lura, beda nieżel taħt wiċċ l-ilma u rat il-kurrent ikaxkru. Iddisprat, għax dak iċ-ċurkett kien importanti għaliha.
“Toqgħodx tinkwieta, maħbuba tiegħi,” qalilha bin il-prinċep. “Meta mmur inżur il-pajjiż ta’ missieri nixtrilek ċrieket kemm trid.”
“Imma dak iċ-ċurkett huwa maġiku,” lissnet martu. “It-telfa tiegħu se ġġibilna ħafna tiġrib.”
Il-kurrent tal-ilma baqa’ jkaxkar iċ-ċurkett sakemm dan wasal qrib il-ġonna tal-Khan, is-sultan ta’ dik l-art. Hemmhekk sabu vjaġġatur, li malli rah basar li kien ċurkett minn xi art oħra, u ħadu mall-ewwel lill-Khan.
Il-Khan qagħad jiflih fit-tul.
Fl-aħħar sejjaħ lill-ministri tiegħu. “Qed nissuspetta li dan iċ-ċurkett għandu xi seħer fuqu. Naħseb li huwa ta’ xi tfajla msaħħra, forsi t-tifla ta’ xi re minn pajjiż ieħor. Ħuduh u araw fejn joħodkom. Jekk tassew iwassalkom għand tfajla straordinarja – kif qed nissuspetta – aħtfuha priġuniera u ġibuha hawn minnufih, ħalli nagħmilha l-qaddejja ewlenija tal-palazz.”
Malli wieħed mill-ministri qabad iċ-ċurkett f’idu, ħass forza stramba tiġbdu ’l quddiem. Il-ministru beda jimxi ’l fejn beda jiġbdu ċ-ċurkett. Dlonk wasslu ħdejn ix-xmajra, u mbagħad fil-foresta. F’qasir żmien il-ministru u s-suldati tiegħu waslu quddiem id-dwejra ta’ bin il-prinċep u martu.
Il-ministru għajjat lit-tnejn biex joħorġu minnufih mid-dar, u t-tnejn m’azzardawx ma jobdux. Malli ħarġu, is-suldati minnufih ħatfu lit-tfajla u ħaduha magħhom fil-palazz tal-Khan.
Il-Khan ħa pjaċir meta ra lit-tfajla, u ma tax kas il-biki tagħha hekk kif talbitu jibgħatha lura għand żewġha. Ħatarha l-kap tal-qaddejja kollha tal-palazz, u kellha tibqa’ hemm il-ħin kollu biex taqdih kull meta jsejħilha. Ma kien hemm l-ebda ċans li setgħet taħrab minn hemm.
Għaddew il-jiem, u d-dwejjaq li kellha kif ukoll in-nuqqas ta’ żewġha tant kienu qegħdin jagħmlu tagħhom fuq it-tfajla li bdiet titlef mill-piż u mill-kulur ta’ wiċċha. In-nies madwarha bdew jibżgħu li timrad u tmut. Il-Khan ukoll intebaħ b’dan, u għamel minn kollox biex iferraħha, imma kien kollu għalxejn. Fl-aħħar beda jitlef il-paċenzja.
“Kollu tort ta’ dak żewġha!” beda jgħajjat. “Hu qiegħed imarrad lill-qaddejja favorita tiegħi! Imma jien naf x’għandi nagħmel!”
Sejjaħ lill-bojja tal-palazz, u qallu kelmtejn f’widnejh.
Malli l-bojja telaq, dar lejn il-qaddejja tiegħu. “Issa, mela, malli l-bojja tiegħi joqtol lil żewġek, għalxejn tibqa’ tittama li jiġi għalik, u fl-aħħar tinsieh u ma tibqax qalbek sewda.”
It-tfajla għamlet minn kollox biex tipprova tbiddel ħsieb il-Khan. Aktar ma talbitu ħniena, aktar kien jirrabja u aktar kien iwebbes qalbu.
Il-bojja telaq, b’numru ta’ suldati miegħu. Malli wasal fid-dwejra ta’ bin il-prinċep, ħarġuh minn hemm u tefgħuh f’bir fond li kien fil-qrib. Wara, poġġew blata kbira fuq il-fetħa tal-bir, ħalli bin il-prinċep ma jkunx jista’ joħroġ. Issa kien waħdu, fid-dlam u mingħajr ikel u xorb. Kien qalbu maqtugħa li seta’ jerġa’ jara lil martu ħajja, għalhekk ma kienx jimpurtah jibqax ħaj jew le.
Issa ġara li l-għada kellha tkun eżatt sena u ġurnata wara li s-sitt iħbieb kien sabu l-għadira, u kif kienu ftehmu dakinhar, il-ħamest iħbieb l-oħra ltaqgħu hemmhekk, u stennew li jaraw ukoll lil bin il-prinċep. Sakemm qagħdu jistennew bdew jirrakkuntaw l-avventuri tagħhom, u qattgħu ħafna ħin b’dan il-mod. Imma fl-aħħar bin il-prinċep baqa’ ma wasalx, u lkoll intebħu li s-siġra tiegħu kienet dbielet u kważi mejta.
“Żgur li l-ħabib tagħna jinsab f’xi għawġ,” qal bin it-tabib. “M’għandniex naħlu aktar żmien, u jaqblilna mmorru nfittxuh. Jista’ jkun li diġà huwa tard wisq biex insalvawh!” L-oħrajn qablu miegħu, imma bin is-saħħar għolla idu.
“Mument,” qal. “Bis-seħer tiegħi nista’ nkun naf eżatt fejn jinsab. B’hekk ma nitilfux ħin infittxuh u nkunu nistgħu immorru dritt fejn qiegħed.”
Talab lil sħabu biex joqogħdu bilqiegħda sakemm jagħmel il-maġija tiegħu. Għamel ċirku mal-art u daħal fih. Beda jgħid ħafna kliem maġiku li l-oħrajn ma setgħux jifhmu, u jxejjer idejh ’l hawn u ’l hinn. Ftit ħin wara ħabbar lil sħabu li kien jaf fejn kien bin il-prinċep f’dak il-waqt.
“Imma hemm bżonn ngħaġġlu,” kompla. “Għax qiegħed f’periklu kbir u jista’ jmut jekk ma nilħquhx malajr!”
Għalhekk il-ħamsa rħewlha minnufih lejn fejn qalilhom bin is-saħħar, u baqgħu sejrin il-lejl kollu mingħajr waqfien. Sa tlugħ ix-xemx kienu waslu fejn il-bir fejn bin il-prinċep kien mitfugħ.
“Kif nistgħu nċaqalqu din il-blata?” bdew jgħidu ddisprati, malli lemħu l-blata fuq il-bir.
“Naf kif inċaqlaqha,” lissen bin il-ħaddied. Bil-martell il-kbir li dejjem kien iġorr miegħu, bin il-ħaddied beda jagħti daqqiet qawwija fuq il-blata, sakemm din bdiet titfarrak f’biċċiet iżgħar. Sħabu bdew ineħħu l-biċċiet żgħar waħda wara l-oħra.
Malli l-fetħa tal-bir kienet miftuħa sew, niżżlu b’ħabel lil bin it-tabib, biex ikun jista’ jara kif kien bin il-prinċep. Dan bilkemm kien f’sensih, kien abjad karti u qrib il-mewt.
“Ħabat tajjeb li nżilt jien,” qal bin it-tabib bejnu u bejn ruħu. Fittex fil-basket tiegħu sakemm sab il-mediċina li kellu bżonn, u għen lil bin il-prinċep jixrob ftit mistura. F’qasir żmien, dan beda jiġi f’tiegħu, u seta’ saħansitra joqgħod bilqiegħda sew.
B’diffikultà kbira, ħbiebhom irnexxielhom itellgħuhom minn ġol-bir. Malli tellgħuhom kollha bdew jgħannqu lil xulxin bil-ferħ. Bin il-prinċep irrakkonta l-istorja tiegħu u ta’ martu, u kollha wegħduh li jagħmlu minn kollox biex jgħinuh isalvaha.
Bin l-iskultur tkellem, “Nista’ nnaqqax għasfur kbir tal-injam, kbir biżżejjed biex jirkeb raġel fuqu. Nagħmillu ġwienaħ bil-molol biex ikun jista’ jċaqlaqhom u jtir!”
“U jien,” kompla bin il-pittur, “nista’ niżbgħu b’ħafna lwien sbieħ!”
Bin l-iskultur kompla jispjega l-idea tiegħu. “Bin il-prinċep jista’ jirkeb l-għasfur u jtir lejn il-palazz tal-Khan.”
“U meta l-Khan jarah b’dawk l-ilwien kollha, jaħseb li huwa għasfur maġiku u jitla’ fuq il-bejt tal-palazz biex jilqgħu, u mbagħad... u mbagħad...”
“Tista’ taħtaf lil martek u taħrab biha!” għajtu kollha għalenija.
L-idea ntogħġbot, u minnufih bin l-iskultur beda jaħdem fuq l-għasfur. Għamlu kbir u b’saħħtu, u bi ġwienaħ wesgħin biex ikun jista’ jtir sew. Bin il-pittur ħareġ il-pniezel tiegħu u żebgħu b’ħafna lwien li bdew ileqqu fir-raġġi tax-xemx. Malli l-għasfur kien lest, bin il-prinċep rikbu u dlonk l-għasfur tela’ fl-arja, bil-ħbieb l-oħra jxejrulu. L-għasfur dar dritt lejn il-palazz tal-Khan.
Fil-palazz qamet għagħa kbira hekk kif lemħu l-għasfur joqrob lejhom u jtir minn fuqhom. Kulħadd beda ħiereġ fil-btieħi, jew jittawwal mit-twieqi. Kulħadd beda jistaqsi minn fejn kien ġie, u għaliex kien qiegħed hemm. Il-Khan kien l-aktar wieħed eċċitat.
“Sinjal li huwa xi ħlejqa msaħħra!” beda jgħid. “Araw ġwenħajh, lewn id-deheb! Dak żgur li għandu xi messaġġ għalija! Hemm bżonn li nilqugħ kif imiss!”
Sejjaħ lill-qaddejja favorita tiegħu, mart bin il-prinċep, u qalilha tmur malajr fuq il-bejt biex tilqa’ lill-għasfur.
It-tfajla marret tobdi l-ordnijiet tiegħu, u stenniet wieqfa fuq il-bejt hekk kif l-għasfur beda nieżel lejha. Wieħed jista’ jimmaġina l-għaġeb tagħha hekk kif intebħet li riekeb l-għasfur ma kien hemm ħadd ħlief il-maħbub żewġha. B’leħħa, ħatafha mill-qadd u ġibidha għal fuq dahar l-għasfur. Qabel ma l-Khan u niesu setgħu jifhmu x’kien qed jiġri, l-għasfur tar fil-għoli fl-arja, ’il bogħod mill-palazz, sakemm għeb għal kollox fis-smewwiet.
U kien hekk li bin il-prinċep u s-sbejħa martu, flimkien mal-ħamest iħbieb tagħhom, reġgħu marru lura fid-dwejra tal-xjuħ li kienu rabbew lit-tfajla. Ftit jiem wara, kollha marru lura fil-pajjiżi fejn kienu twieldu, u minn dak iż-żmien bdew iżuru l-familji ta’ xulxin regolarment, dejjem jirrakkontaw l-avventuri l-ġodda li kien ikollhom.
***** ***** ***** ***** *****
Il-Bajd li jitkellem
Darba waħda kien hemm mara li kellha żewġt ibniet jisimhom Millison u Blanche. Millison kienet dejjem bil-buri u kattiva man-nies, waqt li oħtha Blanche kienet ħelwa u dejjem ferrieħa. Il-favorita tal-omm ma kenitx il-ħelwa Blanche, imma Millison, li kellha lsien iniġġeż, forsi għax kienet l-iktar li tixbahha fil-karattru. Ommha kienet iġġiegħel lil Blanche taħdem lejl u nhar, waqt li hi u Millison ma kienu jagħmlu xejn ħlief jitkellmu dwar kif xi darba se jgħixu fil-belt qalb is-sinjuri u l-ħbieb tagħhom.
Darba omm Blanche tatha barmil biex tmur tiġbed ftit ilma mill-bir. Meta waslet ħdejn il-bir, Blanche lemħet xwejħa, li qaltilha, “Ħanini, għandi ħafna għatx. Tagħtini ftit ilma?”
“Iva, sinjura, dażgur,” wieġbet Blanche. Laħalħet il-barmil sewwa, u mlietu bl-ilma biex ix-xwejħa tixrob minnu.
“Grazzi, qalbi, inti tifla tajba,” qalet ix-xwejħa wara li stejqret.
Ftit jiem wara l-omm ċanfret lil Blanche tant bl-ikrah li t-tifla bil-biża’ ħarbet fil-bosk. Imbikkma, ma kenitx taf fejn setgħet tmur, għax beżgħet tmur lura d-dar. F’daqqa waħda, Blanche rat quddiemha dik ix-xwejħa li kienet tat tixrob ftit jiem qabel.
“Għalfejn qed tibki, binti?” staqsietha x-xwejħa.
“Ommi sawtitni, u issa qed nibża’ mmur lura d-dar.”
“Mela ejja miegħi,” qaltilha x-xwejħa. “Nagħtik x’tiekol u post fejn torqod. Imma wiegħedni ħaġa waħda: tidħaqx b’dak li tara.”
Mexxiet lil Blanche minn idha u ħaditha aktar ’il ġewwa fil-bosk. Ħaġa tal-għaġeb, kull fejn kienu mixjin, il-ħaxix u z-zkuk kienu jwarrbu u jiftħulhom it-triq quddiemhom, u jingħalqu lura warajhom. Ftit wara, Blanche lemħet żewġ mannari jtiru fl-arja u jagħtu d-daqqiet lil xulxin. Dawn l-affarijiet kollha kienu strambi għal Blanche, imma ma daħqitx u ma qalet xejn. U kien hemm aktar! Ftit wara rat dirgħajn fl-arja, jagħtu bil-ponn lil xulxin, u wara dawn riġlejn itiru fl-arja jagħtu bis-sieq lil xulxin. Wara dawn lemħet żewġt irjus, itiru fl-arja wkoll, iħabbtu rashom ma’ xulxin. Dawn l-affarijiet ukoll kienu strambi għal Blanche, imma l-istess – ma daħqitx u ma qalet xejn.
Fl-aħħar waslu fid-dwejra tax-xwejħa.
“Qabbadli ftit in-nar, ħanini, ħalli nsajru ftit ikel,” qalet ix-xwejħa hekk kif qagħdet bilqiegħda maġenb il-fuklar. Umbagħad qabdet rasha f’idejha t-tnejn, dawritha dawra mejt, qalgħetha minn ma’ għonqha u poġġietha fuq ħoġorha daqslikieku kienet dulliegħa.
Għal Blanche, din kienet l-aktar ħaġa stramba li rat, imma baqgħet siekta, hekk kif ix-xwejħa qabdet moxt u bdiet tippettna xagħarha. Malli lestiet, reġgħet poġġiet rasha fuq għonqha.
“Tajjeb wisq, hekk aħjar,” qalet. Tat lil Blanche għadma biex tpoġġiha fuq in-nar u tagħmel soppa. Blanche ma setgħetx tifhem kif setgħet tagħmel soppa b’biċċa għadma. Imma, bħal qabel, ma qalet xejn u għamlet kif qaltilha x-xwejħa. Minnufih hekk kif tefgħet l-għadma fil-borma, din imtliet b’soppa tfuħ u bnina.
Wara dan, ix-xwejħa tat lil Blanche żerriegħa waħda tar-ross biex titħanha. L-istess, Blanche ma ratx xi skop kien hemm li titħan żerriegħa waħda, madankollu għamlet kif qaltilha x-xwejħa, u f’qasir żmien il-mehrież imtela kollu ross.
Meta Blanche stenbħet l-għada filgħodu, ix-xwejħa qaltilha, “Issa aħjar tmur lura d-dar. La kont tifla daqshekk brava, nixtieq nagħtik ir-rigal tal-bajd li jitkellem. Mur fil-gallinar. Dawk il-bajd li jgħidulek ‘Tiġbornix!’, tiġborhomx. Iġbor biss dawk li-bajd li jgħidulek ‘Iġborni!’. Fi triqtek lura d-dar, ixħet il-bajd wara dahrek biex tkissirhom, u jkollok sorpriża!”
Blanche marret fil-gallinar, u tabilħaqq sabet gozz bajd. Xi ftit minnhom kienu jidhru bħall-bajd normali, iżda uħud minnhom kienu tad-deheb u miksijin b’ħafna djamanti.
B’xorti ħażina, kienu l-bajd normali li qalulha ‘Iġborni! Iġborni!’, għalhekk Blanche ġabret ftit minnhom, u dawk tad-deheb u d-djamanti ma missithomx.
Fi treqitha lejn darha, Blanche għamlet kif qaltilha x-xwejħa. Qabdet bajda mill-qoffa, u xeħtitha wara daharha. Kif għamlet hekk rat dija minn taħt il-għajn. Malli daret, qalb il-biċċiet tal-qoxra tal-bajda rat gozz djamanti! Xeħtet bajda oħra, u minn din ħarġu ħafna ġojjelli. Minn bajda oħra tfaċċa karozzin kollu mżejjen. Minn oħra, ħafna lbies sabiħ u kollu mlewwen.
Sakemm waslet għand ommha, tant kellha oġġetti magħha li bilkemm setgħu jidħlu kollha fid-dar. Malli rat dak il-ġid kollu, ommha għamlet tabirruħha li ħadet pjaċir li Blanche ġiet lura. L-għada filgħodu kmieni l-omm qajmet lil bintha l-kbira kmieni, qabel Blanche, u qaltilha f’widintha, “Hemm bżonn li inti wkoll tmur bil-bosk għand dik ix-xwejħa. M’għandekx tkun ifqar minn oħtok.”
Millison ma kenitx imdorrija tqum kmieni filgħodu, u bdiet tgergir hekk kif qabdet it-triq lejn il-bosk. Imma f’qasir żmien iltaqgħet max-xwejħa, u din stednitha f’darha. Biss wissietha biex ma tidħaqx jekk tara affarijiet strambi. Imma meta Millison lemħet il-mannari, id-dirgħajn, is-saqajn u l-irjus itiru fl-arja ma felħitx ma tidħaqx bil-qalb. U malli rat lix-xwejħa taqla’ rasha minn fuq għonqha u tippettnaha, lissnet, “Dik hija l-aktar ħaġa stupida li qatt rajt!”
L-għada filgħodu, ix-xwejħa qalet lil Millison, “Ismagħni sew, dak li se ngħidlek għidtu lil oħtok ilbieraħ. U barra fil-gallinar naħseb li inti wkoll se ssib dak li jistħoqqlok. Iġbor biss dak il-bajd li jgħidlek ‘Iġborni!’. L-oħrajn ħallihom fil-gallinar. Int u sejra d-dar, ixħet il-bajd wara dahrek u jkollok sorpriża!”
Millison ġriet bil-ħerqa lejn il-gallinar. Il-bajd in-normali qalilha ‘Iġborni!’, waqt li l-bajd tad-deheb u d-djamanti reġa’ beda jgħid ‘Tiġbornix!’.
Minnufih Millison ħatfet kemm felħet iżżomm bajd tad-deheb, u lebbtet bihom.
Hi u miexja, ħatfet bajda minnhom u xeħtitha warajha. Malli ħarset lura rat biss ħafna sriep, gremxul u żrinġijiet , li bdew jiġru warajha. Xeħtet xi bajd oħra, imma minn dawn feġġew qtajja’ kbar ta’ nemus, ġurati u insetti oħra li bdew iduru madwarha. Millison bdiet twerżaq u tiġri.
Tant waslet għajjiena u bla nifs id-dar li bilkemm setgħet titkellem. Blanche minnufih intebħet li kienu se jwaħħlu fiha għall-inkwiet kollu li ġarrbet oħtha, u qatgħetha li kellha titlaq minn hemm mill-aktar fis. Madankollu, ħasset li xorta kellha tħalli ftit ġojjelli u xi affarijiet oħra lil oħtha.
Ġabret il-kumplament ta’ ħwejjiġha u rħitilha lejn il-belt fil-karozzin tagħha. Hemmhekk baqgħet tgħix bħala sinjura, qalbha tajba ma’ kulħadd, u mdawrha b’ħafna ħbieb.
***** ***** ***** ***** *****
Kif ma titlifx il-paċenzja
Darba waħda Konfuċju sema’ lil żewġ studenti jillitigaw. Wieħed minnhom, Nu-Wi, kien kwiet u magħruf ma’ sħabu bħala wieħed li ma jħobbx jaqla’ inkwiet. L-ieħor, Ze-Lu, kellu moħħ tajjeb u qalb tajba, imma kienu jitilgħulu malajr. Meta kien irid jagħmel xi ħaġa, kien jaqbad u jagħmilha, u ħadd ma seta’ jżommu; jekk xi ħadd kien jipprova jwaqqfu, kien jiżbroffa minnufih.
Darba minnhom, wara li ntilef f’dagħdigħa oħra, beda ħiereġ id-demm minn ħalqu, u mar għand Konfuċju kollu mwerwer. “Kif nista’ nieħu ħsieb saħħti? Qed nibża’ li ma ndumx ma mmut. Aħjar ma nibqax naħdem u nistudja. Jien student tiegħek u nqisek bħal missieri. Għidli x’nista’ nagħmel biex nieħu ħsieb saħħti.”
“Ze-Lu,” wieġeb Konfuċju, “Għandek idea ħażina dwar saħħtek. Mhuwiex l-istudju tal-iskola, mhuwiex ix-xogħol tad-dar, imma hija r-rabja kbira li għandek, il-problema.
“Ħalli ngħinek tifhmu, dan. Tiftakar meta kellek xi tgħid ma’ Nu-Wi ftit jiem ilu? F’qasir żmien kien reġa’ kuntent u ferħan, imma inti bqajt irrabjat għal ħafna żmien wara. Ma tistax tgħix fit-tul jekk tibqa’ sejjer hekk. Kull meta xi student jgħid xi ħaġa li ma togħġbokx, tibda tirrabja. Hawn eluf ta’ studenti f’din l-iskola. Jekk kull wieħed minnhom joffendik, se jkollok elf dagħdigħa din is-sena, jekk ma tikkontrollax ruħek. Ħalli snaqsik xi mistoqsijiet...
“Kemm-il sinna għandek?”
“Għandi tnejn u tletin, mgħallem.”
“Kemm-il ilsien għandek?”
“Wieħed biss.”
“Kemm-il sinna tlift, f’ħajtek?”
“Lift waħda meta kelli disa’ snin, u erbgħa meta kelli madwar għoxrin sena.”
“U lsienek – għadu hemm?”
“Dażgur.”
“Tafu lil Mun-Gun, ix-xiħ għakka?”
“Iva, nafu sewwa.”
“Kemm taħseb li kellu snien, meta kien tal-età tiegħek?”
“Ma nafx.”
“Kemm-il sinna għandu issa?”
“Tnejn, mingħalija. Imma lsienu għadu perfett għalkemm huwa mdaħħal sew fiż-żmien.”
“Qed tara kif is-snien intilfu għax kienu b’saħħithom u minn dejjem ħadu dak li riedu. Huma ibsin u kemm-il darba weġġgħu lill-ilsien. Imma l-ilsien qatt ma jweġġa’ lis-snien, u jibqa’ jissapporti sal-aħħar, waqt li s-snien huma l-ewwel parti tal-ġisem li jibdew jitmermru. L-ilsien jibqa’ kwiet, qatt ma jirrabja u qatt ma jiġġieled mas-snien, anki jekk huma jkollhom tort. Dejjem jgħinhom meta jagħmlu xogħolhom biex il-bniedem jiekol sew, imma huma qatt ma jgħinu lill-ilsien u qatt ma jċedu huma.
“Hekk l-istess jiġri bil-bnedmin. Dawk li jżommu u qatt ma jċedu huma l-ewwel li jitilfu saħħithom, u hekk se jiġri lilek, Ze-Lu, jekk ma titgħallimx tikkontrolla l-burdati tiegħek.”
***** ***** ***** ***** *****
L-Ikla għall-orsijiet
Raġel xiħ li kien joqgħod l-Alaska kien imdejjaq ħafna. Il-familja tiegħu u ħbiebu kollha kienu ilhom mejtin, u issa kien jgħix waħdu fil-foresta. Beda jtella’ u jniżżel imurx jgħix fil-belt u jibda ħajja ġdida. “Jekk immur ngħix xi mkien ieħor, għall-inqas ma nibqax f’din id-dar li ġġibli ħafna memorji ta’ dwejjaq,” beda jaħseb. “Imma, mill-banda l-oħra, jekk in-nies fil-belt jarawni ġej waħdi, forsi jaħsbu li ħrabt minn xi mkien għax għamilt xi ħaġa ħażina.” Fl-aħħar qatagħha li jmur jgħix f’raħal żgħir fil-qrib.
Wara ftit ġimgħat, xorta ma kienx kuntent. Tant kien għadu qalbu sewda li ħaseb li jmur qalb l-orsijiet tal-foresta u jħallihom jikluh! Ir-raħal tal-orsijiet kien qrib ix-xmara fejn kien jgħum is-salamun, għalhekk għodwa waħda rħielha lejn ix-xmara sakemm sab xi passi tal-orsijiet. Waqaf hemm u mtedd mal-art, bit-tama li jiġi xi ors, jarah u jieklu.
Wara ftit sema’ fil-qrib xi friegħi jinqasmu, u dlonk feġġ grupp ta’ orsijiet, immexxija mill-akbar wieħed minnhom. F’daqqa waħda x-xwejjaħ beda jibża’, u ntebaħ li wara kollox ma xtaqx li l-orsijiet jikluh. Għalhekk meta l-ors il-kbir wasal ħdejh, ix-xwejjaħ qam bilwieqfa, u qal l-ewwel ħaġa li ġiet f’rasu. “Ġejt biex nistedinkom għal ikla!”
Malli sema’ dan suf l-ors il-kbir qamlu fuq dahru. Ix-xwejjaħ ħaseb li kien se jispiċċa ħażin, u kompla jgħid, “Ġejt biex nistedinkom għal ikla, imma jekk minflok tridu toqtluni, ma jimpurtax. Jiena ngħix waħdi, għax tlift lill-familja u lill-ħbieb tiegħi kollha.”
Malli qal dan, l-ors il-kbir dar fuq l-orsijiet l-oħra u beda jkellimhom bil-lingwa tal-orsijiet. Malli waqaf jitkellem, l-orsijiet kollha daru u marru lura minn fejn ġew. Ix-xwejjaħ dar u mar jiġri b’kemm kellu saħħa lejn ir-raħal. X’kien qal l-ors il-kbir lill-orsijiet l-oħra? Tgħid kien qalilhom biex imorru jippreparaw ħalli jiġu għall-ikla?
“Jekk hu hekk,” qal ix-xwejjaħ bejnu u bejn ruħu, “aħjar ngħaġġel u nipprepara l-ikel.” Malli wasal fir-raħal, beda jnaddaf id-dar. Wara, mar iġib ftit ħatab għall-fuklar. Malli qal lir-raħħala l-oħra x’kien qiegħed jagħmel u għal min, dawn kollha twerwru. Bdew jgħidulu, “X’fettillek tagħmel dan? Ma tafx li l-orsijiet huma l-għedewwa tagħna? Dawk ma tistax tħallihom jidħlu f’darek!”
Malli mar lura d-dar, ix-xwejjaħ neża l-qmis u beda jiżbogħ sidru. Żebagħ strixxi ħomor fuq il-parti ta’ fuq ta’ driegħu, strixxa ħamra fuq qalbu, u strixxa oħra fuq il-parti ta’ fuq ta’ sidru.
Kmieni filgħodu, wara li kien lesta jħejji kollox, ħareġ barra l-bieb u qagħad jistenna lill-orsijiet jiġu. Fl-aħħar lemaħhom ġejjin, bl-ors il-kbir imexxihom. Ir-raħħala l-oħra twerwru malli rawhom resqin, u ssakkru kollha fi djarhom. Imma x-xwejjaħ baqa’ wieqaf quddiem daru biex jilqa’ lill-mistednin. Daħħalhom fid-dar, u offrielhom fejn joqogħdu bilqiegħda. Kien ipprepara l-kamra ta’ wara nett tad-dar. Poġġa lill-ors il-kbir fin-nofs, u l-oħrajn qagħdu madwaru.
L-ewwel offrielhom platt frott miksi bix-xaħam. L-ors il-kbir qal xi ħaġa lill-oħrajn, u kollha bdew jieklu. Bdew iħarsu lejh u jagħmlu kif beda jagħmel hu. Wara dan, ix-xwejjaħ offrielhom platt salamun imżewwaq bi ftit silla u weraq taċ-ċikwejra selvaġġa. Wara dan, tahom platt bil-laħam taċ-ċerv imżewwaq bil-karawett. Għad-deżerta kellhom frott tal-lampun miksi bil-għasel.
Wara li kielu, l-ors il-kbir beda jkellem lix-xwejjaħ, għalkemm dan tal-aħħar ma kien qiegħed jifhem xejn. Kienet diskursata twila, bl-ors xi kultant iħares lejn iċ-ċumnija. Malli spiċċa, mar fuq ix-xwejjaħ, u beda jilgħaqlu ż-żebgħa li kellu fuq sidru u dirgħajh. L-orsijiet l-oħra għamlu l-istess, wieħed wara l-ieħor. Ix-xwejjaħ ħass li kienu qishom qegħdin jeħilsuh mid-dwejjaq li kellu.
L-għada filgħodu, l-iżgħar ors mar iżur lix-xwejjaħ. Imma mar fil-forma ta’ tifel, u kellmu bil-lingwa tiegħu. Qallu li kien twieled bħala tifel, imma l-orsijiet kienu qabduh u rabbewh magħhom. It-tifel staqsa lix-xwejjaħ kienx fehem dak li qallu l-kap tal-orsijiet il-ġurnata ta’ qabel. Ix-xwejjaħ qallu “Le.”
“Kien qiegħed jgħidlek,” spjegalu t-tifel, “li hu qiegħed fl-istess kundizzjoni tiegħek. Issa hu wkoll xjaħ u tilef lill-ħbieb kollha tiegħu. Kien jaf bik minn qabel ma ltqajtu. Qallek biex meta tħossok imdejjaq u waħdek, aħseb fih, għax hu jaf kif tħossok.”
Wara dan ix-xwejjaħ saqsa lit-tifel għaliex ma deherx b’dik il-forma waqt l-ikla, u ma spjegalux dak kollu dakinhar. It-tifel wieġeb li kien hemm regola li ma setax jidher bħala tifel quddiem l-ors il-kbir u jitkellem bil-lingwa tan-nies.
Wara dan, saret drawwa fir-raħal li n-nies jistiednu lill-għedewwa tagħhom għal ikla, b’hekk kienu jsiru ħbieb magħhom, bħalma x-xwejjaħ kien għamel ħbieb mal-orsijiet.
Seħer l-iljun
Darba waħda kien hemm tfajla fqira li kienet qed iddur ir-raħal biex issib xi xogħol. Bidwi impjegaha biex tieħu ħsieb il-merħla baqar li kellu. Għalhekk kull filgħodu kienet toħroġhom fil-mergħa qrib ir-raħal u ddaħħalhom lura filgħaxija.
Għodwa waħda, waqt li kienet fil-mergħa, semgħet karba twila li kienet kważi qisha ta’ bniedem. Resqet lejn il-lok mnejn kienet ġejja l-karba, u stagħġbet hekk kif rat iljun qiegħed jokrob bl-uġigħ.
Għalkemm xi ftit beżgħana, it-tfajla bdiet toqrob bil-qajla lejn l-iljun, u ntebħet li kellu xewka kbira f’waħda minn saqajh. Bil-mod kemm jista’ jkun, ħarġitlu x-xewka, u rabtet il-maktur li kellha madwar il-ferita. L-iljun lagħqilha idha bl-ilsien kbir li kellu.
F’daqqa waħda t-tfajla ftakret fil-baqar li kienet ħalliet jimirħu waħidhom, u marret tiġri lejhom. Imma ma kinux fejn kienet telqithom! Bdiet tiġri ’l hawn u ’l hinn qalb l-għelieqi u l-boskijiet fil-qrib, imma lanqas baqra waħda ma sabet! Ma setgħet tagħmel xejn għajr li tmur lura għand il-bidwi u tgħidlu li kienet tilfet il-baqar.
Il-bidwi rrabja u beda jċanfarha, imma xorta ttama li l-baqar isibuhom xi mkien, għalhekk baqa’ jafdaha. “Għada oħroġ bil-qżieqeż,” qalilha, “imma ara li ma titliflix lilhom ukoll!”
Għaddiet sena. Għodwa waħda, waqt li t-tfajla kienet qed tirgħa l-qżieqeż fil-mergħa, reġgħet semgħet dik il-karba li, l-istess, kienet kważi bħal dik ta’ bniedem. Imma meta marret tiġri lejn il-ħoss, reġgħet sabet l-istess iljun ta’ sena qabel, jokrob bl-uġigh u din id-darba f’ferita kbira f’wiċċu.
Issa ma ħassithiex daqshekk beżgħana minnu. Ħaslitlu l-ferita, u poġġiet fuqha ftit weraq biex tfieq malajr. L-iljun reġa’ rringrazzjaha bħal qabel.
Malli reġgħet lura fil-mergħa, sabet li l-qżieqeż kienu għebu kollha! Fittxet kullimkien, imma kollu kien għalxejn. Issa beżgħet tmur lura għand il-bidwi biex tgħidlu li kienet tilfitlu l-qżieqeż ukoll. B’disprament, inxteħtet tibki taħt siġra. Meta ġiet ftit f’tagħha, ħasbet li jekk titla’ siġra għolja forsi kienet tilmaħ lill-qżieqeż.
Dlonk ixxabbtet mal-ogħla siġra li setgħet issib, u qagħdet bilqiegħda fuq l-ogħla fergħa. Iżda hekk kif bdiet tħares ’il bogħod, ċaqliqa taħtha ġibditilha l-attenzjoni, u l-qżieqeż ħarġulha għal kollox minn rasha.
Lemħet ġuvni sabiħ ħiereġ mill-bosk u riesaq lejn is-siġra fejn kienet hi. Ċaqlaq blata kbira li kienet qed tistrieħ maz-zokk, daħal f’toqba kbira li kienet fiz-zokk u għeb għal kollox!
Issa t-tfajla tant qabditha kurżità kbira li qatgħetha li tibqa’ tistenna fuq is-siġra sakemm dak il-ġuvni joħroġ mit-toqba, jekk hemm bżonn anki tibqa’ l-lejl kollu.
Fil-fatt sebaħ l-għada filgħodu, u t-tfajla kienet għadha qed tistenna. Ma’ sbiħ il-jum, il-blata ċċaqalqet, imma minflok il-ġuvni sabiħ, ħareġ iljun. L-iljun waqaf quddiem iz-zokk, ta ħarsa ’l hawn u ’l hinn u mbagħad telaq għal ġol-bosk. F’qasir żmien għeb qalb is-siġar.
Issa lit-tfajla l-kurżità għelbitha aktar. Xtaqet tkun taf x’kien hemm f’dik it-toqba ġewwa s-siġra. Niżlet u fliet il-blata. Din ma kien jidher li kellha xejn speċjali. Madankollu, meta ppruvat iċċaqlaqha, sabet li ma kenitx tqila, u malajr ressqitha fil-ġenb. Warajha kien hemm it-toqba kbira fis-siġra. It-tfajla daħlet bil-mod. Sabet li kien hemm tarġa, u wara din it-tarġa mogħdija dejqa li kienet qed tagħti għal dar sabiħa.
Daħlet f’din id-dar. Ma kien hemm ħadd fiha, dak il-ħin, imma fost il-kmamar li kien hemm, sabet librerija miżgħuda b’kotba ta’ kull daqs u kulur. Inxteħtet bilqiegħda fuq pultruna, u bdiet taqra. Qattgħet sigħat mitlufa fil-qari sakemm qabadha l-ġuħ. Ippreparat ftit ikel. Imma ma kilitux kollu. Ħalliet ftit mill-ikel fuq mejda, u miegħu ħalliet miftuħ il-ktieb favorit li sabet fil-librerija.
Telqet mid-dar u ħarġet mis-siġra. Telgħet lura fuq l-ogħla fergħa tas-siġra u ppruvat terġa’ tara tilmaħx lill-qżieqeż, imma baqgħet ma rat xejn.
Ma nżul ix-xemx l-iljun ġie lura mill-bosk, u daħal fis-siġra. Ftit ħin wara, ħareġ minn hemm il-ġuvni s-sabiħ. Ħares darba ’l hawn u ’l hinn, u daħal fil-bosk.
Fil-ġranet ta’ wara, it-tfajla għamlet l-istess. Stenniet sakemm l-iljun ħareġ mis-siġra, daħlet fis-siġra u fid-dar u qagħdet taqra xi kotba. Bħall-ewwel darba, lestiet xi ikel fuq il-mejda, u ħalliet wieħed mill-kotba li qrat miftuħ maġenb l-ikel. Għamlet dan għal tlitt ijiem wara xulxin.
Fir-raba’ jum, malli l-ġuvni s-sabiħ ħareġ mis-siġra, it-tfajla għajtitlu minn fuq il-fergħa. “Ieqaf! Tista’ jekk jogħġbok tgħidli x’jismek?”
Iż-żagħżugħ ħares lejha mistagħġeb. “Mela inti li qed taqra l-kotba tiegħi u tlestili l-ikel!” Spjegalha li hu kien prinċep. Ħafna snin ilu ġgant kien ħatfu u poġġa seħer fuqu. Matul il-jum kien jitbiddel f’iljun. Kien matul il-lejl biss li seta’ jerġa’ jitbiddel fi bniedem. Kien hu li t-tfajla kienet għenet darbtejn meta kien iljun. Barra minn hekk, qalilha wkoll li l-istess ġgant kien dak li serqilha l-baqar u l-qżieqeż, biex ipattilha talli kienet għenet lill-iljun.
It-tfajla staqsietu, “Kif tista’ teħles mis-seħer?”
“Hemm mod wieħed biss,” wieġeb il-prinċep. “Xi ħadd irid jaqta’ nokkla mix-xagħra ta’ bint re, jagħmel drapp minnha, u jagħmel mantell għal-ġgant minn dak id-drapp.”
“Mela issa mmur minnufih fil-palazz tar-re,” qabżet it-tfajla.
Malli nfirdu, it-tfajla marret minnufih sal-palazz tar-re. Qabel dan għamlet minn kollox biex tidher pulita. Inħaslet u ssettjat xagħarha sew. F’qasir żmien sabet xogħol bħala qaddejja fil-kċina tal-palazz, u hemmhekk malajr saret magħrufa għal qagħda pulita tagħha.
Maż-żmien il-prinċipessa semgħet dwar il-qaddejja l-ġdida fil-kċina li kienet pulita ħafna u kellha xagħarha ssettjat sabiħ, għalhekk sejħitilha biex tmur tieħu ħsieb xagħarha wkoll.
Xagħar il-prinċipessa kien folt ħafna u kulur id-deheb. It-tfajla ppettnatulha sakemm beda jiddi daqs ix-xemx. Lill-prinċipessa għoġobha ħafna, għalhekk qaltilha biex tmur tagħmilulha kuljum. Fl-aħħar it-tfajla sabet il-kuraġġ titlob lill-prinċipessa tagħtiha nokkla minn xagħarha.
Il-prinċipessa kienet kburija ħafna b’xagħarha, u ma kenitx lesta tagħti l-ebda nokkla minnu, għalhekk qalet le. Imma t-tfajla baqgħet titlob kull ġurnata li kienet tmur tirranġa xagħar il-prinċipessa, sakemm din fl-aħħar ċediet. “Kollox sew,” qaltilha, “B’kundizzjoni waħda: li ssibli l-isbaħ prinċep fil-pajjiż biex inkun nista’ niżżewġu.”
It-tfajla wiegħditha li tagħmel dan, u qatgħetilha nokkla minn xagħarha. Meta kienet waħidha bdiet tagħmel id-drapp min-nokkla, u fl-aħħar fasslet il-mantell. Malli kien lest, ħaditu lill-prinċep. Dan minnufih talabha tieħdu lill-ġgant, li kien jgħix fuq il-quċċata ta’ muntanja fil-qrib. Biss wissieha li malli tasal hemm kellha tgħajjat biex il-ġgant ikun jaf li kienet se ġġiblu l-mantell, għax inkella kien jagħmel għaliha.
Tassew, malli qorbot lejn il-muntanja, il-ġgant minnufih ħareġ b’xabla f’id waħda u għuda kbira fl-oħra. Imma t-tfajla mall-ewwel għajtitlu u qaltlu li kienet ġabitlu mantell. Malli sema’ dan, il-ġgant stedinha f’daru.
Il-ġgant poġġa l-mantell fuq spalltu, iżda kien qasir wisq għalih. Tefgħu mal-art bir-rabja. It-tfajla ġabret il-mantell u reġgħet lura fil-palazz, inkwetata.
L-għada filgħodu, waqt li kienet qed tippettna xagħar il-prinċipessa, reġgħet bdiet titlobha għal nokkla oħra. U għal darb’ oħra, il-prinċipessa ċediet b’kundizzjoni waħda: li l-prinċep li kellha ssibilha kellu jkun l-aktar wieħed sabiħ fid-dinja kollha.
It-tfajla qaltilha li kienet diġà sabitilha wieħed, u meta marret lura f’kamritha reġgħet bdiet taħdem fuq in-nokkla, id-drapp u l-mantell, li issa setgħet ittawwal sew. Malli lestietu, reġgħet ħaditu lura għand il-ġgant.
Din id-darba l-mantell kien perfett! Il-ġgant għoġbu ħafna, u staqsieha x’seta’ jagħtiha bħala ħlas. It-tfajla talbitu biex minnufih ineħħi s-seħer minn fuq il-prinċep, ħalli jkun jista’ jibqa’ bil-forma ta’ bniedem lejl u nhar.
Il-ġgant dam qatigħ jgħid le, imma l-mantell tant kien għoġbu li fl-aħħar aċċetta. Barra minn hekk, wiegħedha wkoll li sa tmiem il-jum kien se jerġa’ jrodd lura l-baqar u l-qżieqeż lill-bidwi. Qalilha wkoll x’kellha tagħmel biex tneħħi s-seħer minn fuq il-prinċep.
Kellha tgħoddos għal ftit ħin lill-iljun fix-xmara maġenb il-muntanja, sakemm dan kien ikun taħt l-ilma għal kollox. Malli joħroġ minn taħt l-ilma, kien jitbiddel fi prinċep għal dejjem.
It-tfajla kienet kemxejn dubjuża dwar dan. Bdiet tibża’ li forsi l-ġgant kien se jidħaq biha, u li minflok isir prinċep, l-iljun kien jegħreq fl-ilma malli tgħoddsu.
Malli niżlet il-muntanja sabet lill-prinċep qed jistennieha. Malli qaltlu l-istorja, ipprova jikkunslaha u ħeġġiġha biex trabbi l-kuraġġ u tagħmel kif kien qalilha l-ġgant. Għalhekk l-għada filgħodu, meta l-prinċep sar iljun, ħaditu fejn ix-xmara u għenitu jidħol fl-ilma sakemm għodos b’rasu b’kollox. Ftit mumenti wara, mill-ilma ħareġ il-prinċep, sabiħ u ferħan li fl-aħħar seta’ jara x-xemx bħala bniedem.
Il-prinċep irringrazzja lit-tfajla ta’ dak kollu li kienet għamlet miegħu, u talabha tkun martu. Imma t-tfajla qaltlu li ma setgħetx tagħmel dan, għaliex kienet wiegħdet lill-prinċipessa li ssibilha prinċep x’tiżżewweġ.
Il-prinċep deher b’qalbu sewda, imma lissen, “Mela hekk ikollu jseħħ.”
Flimkien marru l-palazz fejn kienet toqgħod il-prinċipessa. Imma meta r-re u r-reġina raw lill-prinċep, bdew jgħajtu bil-ferħ. Il-prinċep kien binhom, li kienu tilfu ħafna snin qabel meta ġgant kien poġġa seħer fuqu. Il-prinċipessa wkoll ferħet meta rat lil ħuha li kienet tilfet tant snin qabel.
Il-prinċep talab lill-ġenituri tiegħu jagħtuh permess jiżżewweġ lit-tfajla, u l-prinċipessa bil-qalb kollha ħelsitha mill-wiegħda tagħha, għax naturalment ma setgħetx tiżżewweġ lil ħuha! Ftit żmien wara żżewġet lil prinċep minn pajjiż qrib.
U kien hekk li t-tfajla żżewġet lill-prinċep u żmien wara saru re u reġina maħbubin ħafna min-nies kollha tal-pajjiż.
***** ***** ***** ***** *****
Kif iġġib deheb mit-trab
Jekk xi darba xtaqt iġġib id-deheb mit-trab, m’intix waħdek. Ħafna snin ilu kien hemm nies li qattgħu ħafna żmien jippruvaw jagħmlu dan. Kienu jsejħulhom alkemisti. Imma qatt ma rnexxielhom. Wara kollox, min qatt seta’ jagħmel dan? Forsi ma temminnix, imma fil-fatt hemm mod. Kompli aqra...
Ħafna snin ilu, fil-pajjiż ta’ Burma, fl-Asja, kien hemm mara miżżewġa. Lil żewġha kienet tħobbu ħafna, iżda kien hemm ħaġa waħda li kienet tħassibha.
“Għażiż żewġi,” kienet tgħidlu, “Kull ġurnata qiegħed tqatta’ ħinek tipprova ġġib id-deheb mit-trab, u ma tagħmel xejn aktar! Qed nibża’ li dalwaqt se jispiċċalna l-ġid kollu li għandna u niftaqru.”
“Għalina qed nagħmlu, dan!” kien iweġibha. “Xi darba nsiru sinjuri, u mbagħad tirringrazzjani!”
“Jekk nibqgħu ħajjin sa dak iż-żmien,” kienet twieġeb hi, bejnha u bejn ruħha. Qatgħetha li kellha bżonn xi għajnuna b’din il-biċċa u għalhekk marret għand missierha.
“Missier,” qaltlu, “minn sbiħ il-jum sa nżul ix-xemx, żewġi l-ħin kollu jipprova jġib id-deheb mit-trab, u qed jonfoq flusna kollha fl-esperimenti. Dalwaqt se nitilfu l-flus kollha li għandna. Nipprova ngħidlu jieqaf, imma ma jagħtinix widen. Nitolbok tkellmu ftit int.”
“Dażgur, binti!” qalilha missierha. “Ħalli f’idejja.”
“Grazzi ħafna!” Mall-ewwel bdiet tħossha aħjar.
L-għada, il-missier mar jara lil ħatnu.
“Smajt li qed tipprova ġġib id-deheb mit-trab,” qallu.
“Tassew,” wieġeb ir-raġel. “Qed iħabbatni ftit, imma fl-aħħar jirnexxili!”
“Jien naf kif,” lissen il-missier. Iż-żagħżugħ ħares ċass lejh, mibluh. “Ah! Hemm xi ħaġa li ma tafx dwari. Meta kont ta’ l-età tiegħek, jien ukoll kont alkemista u ppruvajt inġib id-deheb mit-trab.”
“Tassew?” qal iż-żagħżugħ, mistagħġeb.
“U mhux hekk biss,” kompla l-missier, “Wara ħafna snin sibt is-sigriet.”
“Taf kif?!”
“Tabilħaqq,” kompla x-xwejjaħ. “Imma mbagħad kont xjaħt wisq u ma kellix saħħa nkompli. Ma kont naf lil ħadd li kien iżgħar minni li stajt nafda.”
“Tista’ tafda lili!” qabeż ir-raġel hekk kif beda joqmos bil-ferħ.
It-tnejn ħadu b’id xulxin.
Għalhekk il-missier spjega lil ħatnu kif kien hemm trab bajdani li kien jikber fuq il-wiċċ tal-weraq tas-siġra tal-banana. Kellu jgħid vers maġiku sakemm jiżra’ ż-żerriegħa tal-banana. Meta s-siġar kienu jikbru sew u jkunu għoljin u bil-frott misjur, kellu jiġbor it-trab abjad minn fuq il-weraq u jerfgħu.
“Kemm għandna bżonn minn dan it-trab?” staqsa ż-żagħżugħ.
“Żewġ libbri,” wieġeb il-missier.
“Illaħwa! Mela se jkollna bżonn mijiet ta’ siġar tal-banana!” lissen iż-żagħżugħ.
“Ħeqq,” kompla l-missier. “Għalhekk kien wisq xogħol għalija meta xjaħt. Imma issa nista’ nisilfek il-flus biex tikri l-art u tiżra’ ż-żerriegħa.”
Bil-flus li sellfu missier martu, iż-żagħżugħ kera roqgħa art. Żera’ ż-żerriegħa, u kull darba qal il-vers maġiku li kien tgħallem bl-amment. Kuljum beda jdur madwar is-siġar hekk kif bdew jikbru, ineħħi l-ħaxix ħażin u jħarishom mill-insetti.
Meta s-siġar kibru sew u l-frott kien sar, iż-żagħżugħ ġabar it-trab abjad minn fuq il-weraq. Imma sab li ġabar ftit wisq. Kellu jikri aktar art u jiżra’ aktar siġar. Dam ftit snin sejjer hekk, imma fl-aħħar ġabar żewġ libbri.
Mar għand ħatnu jtir bil-ferħ. “Għandi biżżejjed trab abjad issa!” beda jgħajjat.
“Tajjeb,” lissen il-missier. “Mela issa ħalli nurik kif tista’ ġġib id-deheb mit-trab. Imma qabel hemm bżonn iġġibli barmil ħamrija mill-għalqa tas-siġar. U ġib lil binti wkoll, għax se jkollna bżonnha.”
Għalkemm iż-żagħżugħ ma fehemx għalfejn kellu jagħmel dan, xorta waħda mar fl-għalqa u ġabar barmil ħamrija. Wara qal lil martu tmur miegħu għand missierha.
Il-missier saqsa lil bintu, “Sakemm żewġek kien qiegħed jiġbor it-trab abjad, inti x’għamilt bil-banana tas-siġar?”
“Begħthom, hux?” wieġbet hi. “Għalhekk stajna ngħixu sew dawn l-aħħar ftit snin.”
“Ġemmajt xi flus minnhom?”
“Dażgur,” kompliet.
“Nista’ narahom?”
Ir-raġel u l-mara ħarsu lejn xulxin. Din kienet ftit stramba. Madankollu marru d-dar u ġew lura b’basket kbir. Il-missier ra li fil-basket kien hemm ħafna muniti tad-deheb.
Qabad il-barmil, u x-xeħet il-ħamrija kollha mal-art. Wara, qabad il-basket, u xeħet il-muniti kollha f’munzell maġenb il-ħamrija.
“Qed tara?” qal ix-xwejjaħ lil ħatnu. “Ġibt id-deheb mit-trab!”
Iż-żagħżugħ baqa’ mistagħġeb. “X’inhu!?”
“Iva, fhimt!” għajtet il-mara. “Għażiż tiegħi,” qalet hekk kif daret lejn żewġha. “Inti ħdimt il-ħamrija, u begħna l-banana. Issa għandna l-muniti tad-deheb!”
“Imma dik mhix il-maġija li kelli f’moħħi!” lissen żewġha. Martu tagħtu bewsa fuq ħuġbejh, u tbissmet.
“Insomma,” qal hu, ftit imħasseb. “Forsi hawnhekk hawn xi ftit maġija.”
“Tabilħaqq,” kompla l-missier. “Issa ħa nieklu!” U t-tlieta qagħdu bilqiegħda u kielu ikla kif imiss.
***** ***** TMIEM ***** *****
Noti:
Burma: L-isem antik tar-Repubblika tal-Unjoni ta’ Myanmar, li tinsab fil-lbiċ tal-kontinent tal-Asja. [Lura]
Konfuċju: Konfuċju kien filosfu u għalliem Ċiniż li twieled madwar 2,570 sena ilu. It-tagħlim u l-filosofija tiegħu huma dwar il-moralità, l-onestà, il-ġustizzja, l-imġiba tajba u r-rispett lejn il-proxxmu. It-tagħlim tiegħu għadu importanti fil-ħajja tan-nies fiċ-Ċina, il-Korea, il-Ġappun u l-Vjetnam. [Lura]
Krinjiera: Ix-xagħar fuq ras u għonq iż-żiemel. [Lura]
Libbra: Użin tal-imgħoddi. Libbra kienet bejn wieħed u ieħor ftit inqas minn nofs kilogramm. [Lura]
Mandarin: Speċi ta’ ministru jew pożizzjoni oħra għolja fil-gvern tal-Imperu taċ-Ċina. [Lura]
Mehrież: Tip ta’ skutella biex fiha tfarrak ħaxix u żerriegħa ibsin. [Lura]
Moxt: Pettne. [Lura]
Palankin: Siġġu mgħotti, mqiegħed fuq lasti twal, u li jġorruh fuq spallejhom erbgħa jew sitta minn nies. [Lura]
Titħanha (minn taħan): Tkisser xi ħaġa iebsa (bħal żerriegħa) sakemm issir trab. [Lura]