Vetrina Librerija

Spartaku

Adattament: Norman C. Borg
© Norman C. Borg

1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8

***** ***** **1** ***** *****

Kien il-bidu tal-ewwel seklu Qabel l-Era Kristjana (QEK). Ix-xemx kienet tisreġ b’tant qawwa li mewtet l-imħuħ u xwiet l-iġsma ta’ filliera lsiera mixjin qajla qajla, marbutin flimkien bil-ktajjen, fl-art għera tad-Deżert ta’ Nubja, fin-Nofsinhar tal-Eġittu. Il-filliera kienet immexxija minn grupp ta’ suldati Rumani.

Ilsir minnhom kien xiħ u kien jidher sew li kien qed ibati jimxi, ħafna aktar mill-imsieken li kienu marbutin miegħu.

“Kemm għad fadal?” beda jokrob liż-żagħżugħ li kien marbut maġenbu. “Ma niflaħx nimxi aktar.”

“Imma jaqbillek tagħmel sforz, xwejjaħ,” wieġbu ż-żagħżugħ. “Hawnhekk m’għandhomx ħniena.”

U qisu biex tikkonferma kliem iż-żagħżugħ, frustata qawwija mbuttat lix-xwejjaħ ’il quddiem u sabbtitu mal-art. “Iskot, annimal!” għajjat is-suldat warajhom.

Iż-żagħżugħ ħares biċ-ċiera lejn is-suldat hekk kif tbaxxa biex jgħin lix-xwejjaħ fuq saqajh. Fuq wiċċ iż-żagħżugħ ma kien hemm l-ebda ħjiel li kien qed jibża’ mis-suldat Ruman.

“Ma tibżax mill-frosta, skjav?” lissen is-suldat. “Forsi għadek ma drajthiex biżżejjed. Imma isma’ minni, m’intix se ddum ma tidraha.”

Minkejja l-arja tiegħu, is-suldat siket u resaq ftit lura hekk kif ra li ż-żagħżugħ baqa’ jħares lejh b’ħarsa ta’ sfida.

Dar lejn wieħed mis-suldati l-oħra. “X’jismu dak it-Traċju?” saqsa.

“Wieħed fuq ruħu u jista’ jġib l-inkwiet,” wieġeb is-suldat. “Jismu Spartaku.”

Il-kolonna baqgħet miexja, bl-ilsira jaħsbu dwar pajjiżhom u l-familji tagħhom, u qalbhom maqtugħa li qatt xi darba jerġgħu jarawhom. F’ħin minnhom semgħu l-ordni, “Ieqfu!”

Kien hawn li l-ilsiera kellhom l-ewwel dehra tal-post fejn kienu se jqattgħu il-kumplament ta’ ħajjithom.

Kienet ħofra wiesgħa u fonda tant li l-qiegħ kien mistur fid-dlam għajr għal xi fuklari mxerrdin mal-ħitan, u miksija bi pjattaformi u pontijiet tal-injam. Kienet minjiera, u setgħu jaraw mijiet ta’ skjavi jħaffru, ikissru u jġorru l-blat. Kull ftit metri kien hemm is-superviżuri bil-frosti f’idhom, għajnejhom miftuħin bħal ta’ isqra biex isawtu l-ewwel ilsir li jilmħu jieqaf minn xogħlu.

F’dak l-istess waqt tliet superviżuri dehru resqin lejn l-eqreb grupp ta’ lsiera, mgħobbijin bi btieħi mimlija ikel. Hekk kif battlu l-btieħi mal-art, l-ilsiera telqu l-għodod tagħhom u nxteħtu bħal imġienen fuq l-ikel, jimbuttaw, jigirfu u jagħmlu għal xulxin biex jilħqu gidma.

Spartaku baqa’ jħares imbellah. “Qishom annimali!” ħaseb.

Ix-xwejjaħ kien għadu viċin tiegħu. Ma’ dik id-dehra ħares lejh imbikkem.

“X’se jsir minna?” qallu.

“X’qasir żmien, xwejjaħ,” wieġeb Spartaku b’qalb sewda, “aħna wkoll se nispiċċaw bħalhom.”

Spartaku kien imħasseb mhux ftit b’dak li kien qiegħed jara. Madankollu ħalef li, jiġri x’jiġri, kien se jżomm l-ispirtu sod, u ma kien se jħalli lil ħadd jegħleb ir-rieda tiegħu.

***** ***** **2** ***** *****

Fix-xhur li għaddew, Spartaku kellu jagħmel ħiltu kollha biex iżomm il-wegħda miegħu innifsu u ma jaqtax qalbu. Il-post fejn kien spiċċa kien tassew infern. Jum wara l-ieħor l-ilsiera kienu jiġu mġegħlin jaħdmu fit-tul ħafna aktar milli setgħu jifilħu, u dawk li ma kinux jistgħu jżommu mar-ritmu mgħaġġel tax-xogħol ma kinux jeħilsuha ħafif.

Madankollu r-rieda ta’ Spartaku tant kienet soda li bil-qajla sar eżempju lil ħafna lsiera oħra, u għalkemm kien hemm ħafna minnhom li mietu taħt il-frosti tar-Rumani, il-qilla tal-klima u x-xogħol iebes li kien mixħut fuqhom, ħafna oħrajn żammew sod grazzi għal kliemu u għar-rieda tiegħu. Biż-żmien xi uħud saħansitra bdew jikkunsidrawh il-mexxej tagħhom.

Meta Spartaku kien jara lil ħafna minnhom mitluqin u qalbhom maqtugħa, kien iferraħhom b’kant minn Traċja, kant dwar iġfna fil-baħar, għelieqi u muntanji ma jispiċċaw qatt ... u ħelsien. U meta kien hemm min ma setax jiflaħ jisma’ dak il-kant, u mbikkem kien jitlob lil Spartaku biex jieqaf, it-Traċju kien jibqa’ jkanta xorta waħda, għax hu qatt ma kien jibki.

“Hemm mod wieħed biss biex noħorġu minn dan l-infern,” kien jgħidilhom, “u dik hija li naqbdu t-triq li twassal fejn it-toroq kollha jwasslu ... Ruma.”

U hekk ġara li fis-sena 72 QEK, lanista ġie jżur il-minjiera. Lanista kien is-sid ta’ skola tal-gladjaturi, fejn ilsiera kienu jiġu mħarrġa jiġġieldu fl-areni. Dan il-lanista kien wieħed ta’ suċċess, u kien sinjur mhux bil-ftit fil-qasam tal-kummerċ tiegħu. Kellu dehra ta’ wieħed kemxejn supperv, b’wiċċu mbaċċaċ, u x’aktarx oħxon wisq għall-ġemel li kien riekeb. Madwaru kellu l-ilsiera personali tiegħu li permezz ta’ mriewaħ twal, bir-rix tan-nagħm, kienu qed irewħulu l-ħin kollu biex jibqa’ frisk taħt dik ix-xemx taqli l-ġrieden. L-imsejkna lsiera kellhom ukoll battikata sakemm niżżluh minn fuq il-ġemel.

“Merħba, ċittadin,” il-kmandant laqgħu, “X’ġabek f’dan il-post daqshekk imwarrab?”

“Smajt li għandek xi Traċji qalb il-minaturi tiegħek,” wieġeb il-lanista.

“Tassew,” kompla l-kmandant. “U naf li t-Traċji huma meqjusin bħala fost l-aqwa ġellieda. Imma ma nafx kemm tista’ ssib minnhom li huma fil-qagħda li jiġġieldu sew, hawn. Dan ix-xogħol huwa kiefer anki għall-aktar nies b’saħħithom. X’tista’ tagħmel bihom?”

“Dak narah jien,” qabeż il-lanista xott xott. “Għandi biżżejjed deheb biex inħallsek għall-aħjar wieħed li għandek.”

Malli sema’ l-kelma ‘deheb’ naturalment il-kmandant ma baqax lura, u dar fuq is-suldati biex jordnalhom iġibu lill-ilsiera Traċji minnufih.

Il-lanista m’għoġbux dak li ra, hekk kif ġabulu quddiemu ponn ta’ ħlejjaq mitluqin u żdingati. Qatt ma kien ra bnedmin daqshekk miżerabbli daqs dawk li kellu quddiemu dak il-mument.

“F’ġieħ Ġove!” qal lill-kmandant. “Għandek raġun! Dawn lanqas seqer ma jkollu x’jiekol minnhom ... għalkemm ...”

Għajnejn il-lanista waqgħu fuq il-figura wieqfa ta’ Spartaku, li għalkemm xipli u kemxejn irqiq minħabba n-nuqqas ta’ ikel li kien qed jingħata, xorta waħda kellu dehra imponenti meta mqabbel ma’ min kien madwaru.

“Dak,” lissen il-lanista hekk kif ipponta lejh. “X’jismu?”

“Spartaku,” wieġeb il-kmandant.

“Tajjeb ... tajjeb ħafna. Mela, ħalli naraw għandux ħila u kuraġġ. Ġibuli lanza!”

***** ***** **3** ***** *****

Suldat armat b’lanza resaq ’il quddiem. “Oqtol lil dan l-ilsir,” ordna l-lanista.

Is-suldat fil-pront ipprova jagħmel dak li ġie ordnat, u għolla l-ponta tal-lanza lejn sider Spartaku, li naturalment ma kienx armat. Imma t-Traċju kien basar x’se jiġri. Malli l-ponta tal-lanza resqet lejh, ħatafha minn quddiem b’id soda, resaq laġenba u ġibed il-lanza ’l quddiem. Is-suldat ma kienx qed jistenna mossa bħal dik minn ilsir, u hekk kif baqa’ jżomm il-lanza, intefa’ ’l quddiem magħha. Bi skoss qawwi, Spartaku ħatafhielu minn idu u s-suldat waqa’ tulu fl-art. Sadattant Spartaku dawwar il-lanza f’idu u bil-manku tal-lanza niżżel daqqa fuq l-elmu tas-suldat. Imma Spartaku ma waqafx hemm. Reġa’ dawwar il-lanza u issa qabadha mill-manku, lest biex iniżżel il-ponta fuq dahar is-suldat.

“Daqshekk, Traċju, ieqaf!” għajjat il-lanista. Xi suldati ħatfu lil Spartaku biex iżommuh, waqt li oħrajn għenu lil seħibhom iqum minn mal-art.

“Tajjeb ħafna,” kompla l-lanista. “Urejtni x’taf.” Dar fuq is-suldati li kienu qed iżommu lil Spartaku. “Itilquh.”

Bi tbissima, il-lanista ħataf borża li kienet imdendla ma’ qaddu, għollieha darbtejn f’idu biex jinstema’ ċ-ċekċik tal-muniti li kien hemm fiha, u xeħitha lill-kmandant. “Dawk għalik, kmandant. Dan ġej miegħi. Hemm mnejn nagħmel gladjatur eċċellenti minnu!”

Spartaku ħassu ftit konfuż. Kien qed jistenna xi għamla ta’ kastig talli kien refa’ idu fuq suldat. “M’intix se tiffrustani?” lissen bil-mod.

Il-lanista ħares lejn bi tbissima. “Niffrustak?” tenna. “Għadni kemm nonfoq kemxa fuqek, x’niffrustak! Irridek ħaj u b’saħħtek. Il-ġranet tiegħek bħala lsir se jieqfu hawn.”

Kien hekk li Spartaku ħalla warajh il-minjiera fid-deżert ta’ Nubja u wasal f’Capua, fl-Italja, fil-kwartieri ta’ madwar mitt raġel ieħor li l-lanista kien qed iħarreġ bħala gladjaturi. Il-lanista ħa lil Spartaku fil-bitħa l-kbira tal-kwartieri, fejn għadd ta’ rġiel kienu qed jissaraw bejniethom, kemm bl-idejn kif ukoll b’armi varji. Uħud kienu mogħnija bi xwabel, lanez jew furkettuni. Oħrajn kellhom xbieki li bihom kienu qed jippruvaw jonsbu lill-avversarju. Ma kellhomx ħafna armar ta’ protezzjoni. Xi ftit kellhom armatura fuq spalla, u oħrajn kienu libsin elmi li kienu jgħattulhom rashom u wiċċhom għal kollox.

“Dawn huma l-ġellieda tiegħi,” lissen il-lanista. “Qattgħu xhur sħaħ jitħarrġu u jipprattikaw biex isiru tajbin kif qed tarahom – u għad għandhom bżonn aktar taħriġ.”

Spartaku osservahom. Stajt issejħilhom gladjaturi minflok skjavi, imma għalih xorta waħda kienu għadhom ilsiera. Xorta waħda ma kellhomx ħajja tagħhom, u kienu jidhru mingħajr ebda rieda jew ħerqa.

“Qed tippretendi li nistħarreġ bħalhom,” qal Spartaku, “Dawn qed jgħixu bħal annimali.”

“Iva, dak li qed nippretendi!” wieġeb il-lanista bil-ħatfa. It-tbissima issa kienet għebet minn fuq dak il-wiċċ oħxon, u issa kien qed iħares lejn Spartaku biċ-ċiera u bl-akbar serjetà. “Hawnhekk se ssir b’saħħtek aktar milli diġà int, tajjeb biżżejjed biex tkun tista’ tiġġieled fl-areni għall-gost tat-tribuni.”

Komplew mixjin fil-bitħa. F’ħin minnhom waslu maġenb par ġellieda. Wieħed minnhom, iswed, twil, u mibni sew, ħataf lill-avversarju tiegħu, għollieh daqs li kieku kien balla tiben, u sabbtu bil-qawwa mal-art.

“Mela din se tkun ħajti minn issa ’l quddiem,” beda jaħseb Spartaku. “L-unika differenza bejn dawn in-nies u żiemel hija li meta dak ir-raġel imut, mhux se jagħtuh lill-klieb biex jikluh.”

***** ***** **4** ***** *****

Spartaku tefa’ għajnejh fuq il-ġellied li kien issabbat mal-art mill-iswed. Waqaf, u sejjaħlu, “Inti, hemm! Inti Traċju, bħali, hux?”

Imma Spartaku ma laħaqx kiseb tweġiba, hekk kif il-lanista ħataflu driegħu. “Ejja, imxi,” qallu bil-ħatfa. “Hawnhekk mhux se jkollok ħin tagħmel ħbieb ... tistgħu tispiċċaw qed toqtlu ’l xulxin fl-arena minn jum għall-ieħor.”

Fil-fatt fil-jiem ta’ wara Spartaku ntebaħ li l-lanista kellu raġun.

“Kul ... orqod ... u ġġieled ... M’hemmx aħjar minn hekk f’din il-ħajja? Għalfejn għandna nagħtu ħajjitna u ruħna għall-pjaċir tar-Rumani?” Ħadd min-nies li kienu fil-barrakka miegħu ma kien indenja jkellmu, u fil-fatt osserva li ma kienx għaliex kien għadu ġdid. Lanqas bejniethom ma kienu jitkellmu.

Qalbu sewda, mar fir-rokna tiegħu, intelaq fuq it-tiben, u beda jgħanni għanja minn pajjiżu.

Ftit minuti wara ntebaħ li kien hemm żewġ gladjaturi bilqiegħda qrib li kienu qed josservawh. Wieħed minnhom kellu l-istess karnaġġjon bħal Spartaku. L-ieħor kien l-iswed li kien ra ftit jiem qabel isabbat lil gladjatur ieħor mal-art fil-bitħa.

“L-għana tiegħi qed iddejjaqkom?” staqsiehom.

Wieħed minnhom qabeż fil-pront, “Le, le. Anzi... kompli.”

“Qed tfakkarni f’tant affarijiet li issa nħoss in-nuqqas tagħhom,” lissen l-ieħor.

Spartaku qabeż bilwieqfa bi tbissima fuq wiċċu. “U hekk, mela! Fl-aħħar sibt lil xi ħadd f’sensieh hawn ġew!” Ħareġ idu lejhom. “Jiena Spartaku, l-aħwa ... minn Traċja!” It-tnejn ħadulu b’idhom.

“Jien Mobena, mill-Afrika,” lissen l-iswed.

“Jien Gargariks, mill-Gallja,” qabeż l-ieħor. “Għadna ma rajniekx tissara ħafna. Għidilna, inti b’saħħtek?”

“Arawni,” wieġeb Spartaku fil-pront, u minnufih qabeż fuq Gargariks, li mall-ewwel resaq fil-ġenb biex jiskartah.

“Trid aktar minn hekk biex twaqqa’ lili, sieħeb!”

Bdew iduru ma’ xulxin, kull wieħed jittanta jsib l-aħjar mezz biex jaqbad lill-ieħor u jwaqqgħu.

F’waqt minnhom Gargariks għolla siequ u fajjar daqqa fl-istonku ta’ Spartaku. Din xeħtitu lura u mal-art bla nifs, imma fl-istess waqt Spartaku ħataf id Gargariks u ġibdu ’l isfel miegħu, tefa’ saqajh it-tnejn fuq żaqqu u bl-istess momentum tal-waqgħa għaddieh minn fuqu u xeħtu mal-ħajt warajh.

Mobena kien qed josserva kollox, u beda jidħaq. “Gargariks, tassew qtajtlu nifsu, imma nista’ nara li t-tnejn li intom taqblu fil-ħila tagħkom!”

Spartaku u Gargariks qamu minn mal-art u reġgħu ħadu b’id xulxin. Imma Mobena ma kienx għadu qed jitbissem. “Tassew kienet ġlieda sabiħa. Imma qed tagħmlu ħażin, tieħdu b’id xulxin. Ma smajtuhx lil-lanista jgħid li hawn ġew ma jistax ikun hawn ħbiberiji?”

U kompla, “Ftakru li l-folla Rumana qed tħallas biex tarana niġġieldu, u xi drabi anki sal-mewt. L-ebda wieħed minna ma jista’ tassew ikun ħabib tal-oħrajn.”

Issa Spartaku wkoll ma baqax jitbissem. “Tassew, Mobena,” wieġeb. “Imma huwa ħażin li nagħmlu hekk? Wara kollox ħadd ma jista’ jmeri li aħna bnedmin umani. Ma jistax ikun li ngħixu ħajjitna kollha bħall-annimali!”

Madankollu, għar-Rumani tassew li l-ilsiera tagħhom ma kienu xejn għajr bhejjem. F’dak l-istess waqt il-lanista kien qed jilqa’ żewġ mistednin f’daru, Tulju Lavinju u Metellu Kalu, li kienu ġew biex jordnaw xi logħob imdemmi.

“X’tista’ tagħtina għal, ngħidu aħna, ħamest elef dinar?” kien qed isaqsi Tulju.

“Illaħwa, nista’ nagħtik spettaklu ta’ barra minn hawn, b’dak il-prezz!” wieġeb il-lanista bi tbissima. “Għaxar pari ta’ gladjaturi mqabblin sew ... jew inkella, jekk dak forsi ma jeċċitakomx, għandi wieħed li jogħġobkom żgur, fi dwell għall-mewt!”

***** ***** **5** ***** *****

“Iva!” qabeż Metellu, hekk kif beda jxejjer sikkina biż-żufjett. “Ġlieda waħda, imma għall-mewt!”

“Nista’ norganizza waħda għal għaxart elef dinar,” kompla l-lanista. “Jekk jogħġbukom ix-xwabel, għandi Traċju li –”

“Qed tisraqna, ja ħalliel!” qatagħlu Tulju, “Imma jekk tassew tista’ tipprovdi spettaklu xieraq, huma kollha tiegħek!”

Siegħa wara l-lanista mar fil-barrakka tal-gladjaturi. “Intom, Spartaku u Mobena,” sejjaħ liż-żewġ gladjaturi. “Għada se jkollkom dwell speċjali – għall-mewt! Se jkun dwell bix-xabla u bix-xibka. Ftehimna?”

Iż-żewġt iħbieb baqgħu mbellhin hekk kif il-lanista telaq. Mobena dar lejn Spartaku. “X’għidtlek, ħabib? Ma kellna qatt insiru ħbieb, għax issa se tispiċċa bil-mewt.”

“Kif, inti lest li toqtolni, Mobena?” saqsa Spartaku mistagħġeb.

Mobena kien jidher iddispjaċut hekk kif dar lil hinn minn Spartaku. Sabbat il-ponn mal-ħajt. “Hekk għandu jkun – kelb jiekol kelb! Trid li terġa’ tmur tissawwat u tmut bil-ġuħ f’minjiera?”

Kien hawn li fl-aħħar Spartaku telgħulu u nfexx f’dak li kien ilu jżomm mistur tul dawk ix-xhur. “Ieqaf, Mobena!” qabad jgħajjat. “Int – intom kollha – intom ħmir! Kemm se ddumu tissaportu din l-umiljazzjoni, din l-iskjavitù?”

Mobena ħares lejh mistagħġeb. “X’qed tgħid?”

“Intom idjoti bla moħħ!” kompla Spartaku, li l-korla kienet għadha m’għadditlux. “Għandkom ġisem b’saħħtu imma moħħ dgħajjef. Hemm bżonn li naqilbuha lil dawn ir-Rumani li jinnegozjaw il-ħajjiet ta’ nies oħra. Naqilbu l-folja u nduru kontriehom!”

“Iva, imma kif?” qabeż wieħed mill-gladjaturi l-oħra. “Aħna mgħassa lejl u nhar.”

“Tassew,” wieġeb Spartaku, “Imma biex nibdew, inwiegħedkom li d-dwell li se jkollna jien u Mobena għada se jkun wieħed li l-ebda persuna fl-Imperu Ruman ma tkun qatt rat qabel!”

***** ***** **6** ***** *****

Qorob nofsinhar tal-għada meta Tulju, Metellu u xi ħbieb oħra sabu posthom fl-arena ċ-ċkejkna li l-lanista kellu fil-villa tiegħu maġenb l-iskola. Kienu mdawrin bis-sefturi, iġibulhom imbejjed u frott, u kollha kienu jidhru fuq ix-xwiek.

Hekk kif il-lanista tfaċċa taħthom fl-arena, bdew jgħajtu. “Ejja, lanista! Se tibdieh, dan l-ispettaklu, jew!?”

“Ikkalmaw, sinjuri, ikkalmaw,” wieġeb bi tbissima. “Il-ġellieda qed jippreparaw għad-dwell.”

Bilkemm laħaq spiċċa li ma tfaċċawx iż-żewġ gladjaturi. Spartaku kien armat b’xabla, u kellu armatura fur driegħu u spalltu l-leminija. Mobena kellu l-istess armatura, imma kellu wkoll elmu kbir u kien armat b’furkettun u xibka. Hekk kif il-lanista warrab, iż-żewġ gladjaturi baqgħu ħerġin saċ-ċentru tal-arena, daru lejn il-palk fejn kien hemm l-ispettaturi, u għollew l-armi tagħhom b’tislima.

“Dawn,” lissen il-lanista, “huma Mobena, mill-Afrika, u Spartaku, minn Traċja!”

“Ara li jdumu jiġġieldu, lanista!” għajjat Tulju. “Ma rridx inkun infaqt dawk il-flus kollha għal ftit minuti biss!”

Iż-żewġt iħbieb fl-arena issa daru lejn xulxin, u ħadu l-qagħda tal-ġlied. “Lest, Mobena?” Spartaku saqsa minn taħt l-ilsien. Mobena mejjel rasu bil-mod. “Inti qed tmexxi, ħabib,” wieġeb. “Ħajti f’idejk!”

F’daqqa waħda, Spartaku dar lejn il-palk tal-ispettaturi, u xeħet lejhom ix-xabla bis-saħħa kollha li kellu. Ix-xabla ħadet lil Tulju eżatt f’sidru. Dan, mingħajr ma tniffes, inxteħet lura, imsammar mas-siġġu.

“Mewt lir-Rumani kollha!” Mobena nstema’ jgħajjat. L-Afrikan xeħet il-furkettun lejn Metellu. Minfud f’sidru, ir-Ruman inxteħet tulu fl-art.

Paniku sħiħ qam qalb l-ispettaturi l-oħra, u fost għajjat u twerżiq, Spartaku ġera lejn il-palk u b’qabża twila sab ruħu qalb ir-Rumani. “Għall-ħelsien!” għajjat, hekk kif ġibed ix-xabla minn ġisem Tulju u nifed lil Ruman ieħor. Sadattant Mobena mar lura fil-barrakka tal-gladjaturi, għeleb liż-żewġ għassiesa li kienu hemm, u fetaħ il-bibien biex joħorġu l-gladjaturi l-oħra.

Il-lanista, imwerwer, ra dak kollu li kien qed jiġri, u minnufih ġera ’l barra mill-arena u lejn il-barrakka tas-suldati, jgħajjat kemm jiflaħ għall-ajjut. Imma kien tard wisq għalih.

Il-gladjaturi kienu laħqu ħarġu, armati sa snienhom. Xabla taret dritt lejn il-lanista u ħaditu f’dahru. Waqa’ tulu mal-art, mejjet fuq il-post. Il-gladjaturi waqfu hekk kif f’daqqa waħda sabu ruħhom fil-beraħ. Faċċata tagħhom ħarġu l-gwardjani Rumani, u dawn waqfu wkoll, imbellhin b’dak li kien qed jiġri. Għal sekonda, waqa’ mument ta’ skiet.

“Is-suldati!” għajjat Spartaku. “Aqbdu lis-suldati qabel ma jagħtu l-allarm ġenerali.”

Dik l-għajta kienet qisha qajmet lil kulħadd minn raqda, u ż-żewġ gruppi ħabtu lejn xulxin, jgħajtu u jxejru l-armi tagħhom. Qalb il-ħsejjes ta’ metall fuq metall u l-krib tal-feruti, instema’ leħen Spartaku jħeġġeġ lil sħabu. “Oqtluhom! Oqtluhom kollha ħalli ħadd ma jkun jista’ jgħid x’ġara!”

It-taqtigħa ma damitx wisq. L-għassiesa, għalkemm armati, ma kinux ġellieda mħarrġin daqs il-gladjaturi, u fi ftit żmien kienu kollha mejta. Bi Spartaku quddiem, il-gladjaturi ħarġu barra mill-iskola u fit-toroq tal-belt.

“Nerħulha għall-għelieqi, ħbieb! Lil dawn in-nies tmissuhomx!” ordna Spartaku.

F’qasir żmien kien hemm aktar minn mitt gladjatur miġburin qalb is-siġar tal-foresta fil-qrib.

“Qridniehom, lir-Rumani! Irbaħnielhom!” lissen Mobena kollu eċċitat.

“Le, ħabib,” wieġeb Spartaku. Ħarstu ma kenitx waħda ta’ wieħed kuntent ħafna. “Dan għadu l-bidu. Issa rridu nimxu malajr qabel ma l-armata tiġi warajna.”

Għalhekk l-armata ċ-ċkejkna ta’ gladjaturi bdiet timraħ il-kampanja, u kull fejn marru bdew jiġbru aktar armi – u lsiera, hekk kif ħafna, malli rawhom, ħarbu u ngħaqdu mal-folla maħruba, li bdiet tikber malajr.

Bdew jattakkaw ħafna vilel li kien hemm fil-kampanja, u aktar ma bdew jiżdiedu lsiera maħrubin, il-kotra kibret u kompliet miexja mingħajr waqfien.

Malli l-bxara waslet Ruma, ħarġu sitt koorti biex jiltaqgħu – u jwaqqfu – l-armata ta’ lsiera maħrubin. Spartaku kien konxju tal-fatt li dalwaqt kien riesaq il-mument li jħallsu għall-ħelsien tagħhom bil-ħajja ta’ ħafna nies qalbiena.

***** ***** **7** ***** *****

Ruma ma baqgħetx idha f’idha waqt li Spartaku kien qiegħed jiġġerra madwar l-Italja jeħles lill-ilsiera kollha li kien qed isib, u s-senat Ruman kien qed jittama li s-sitt koorti kellhom ikunu biżżejjed biex jegħlbu r-ribelljoni.

Dawn il-koorti, madankollu, kellhom problema. Ma kinux suldati ta’ professjoni imma tal-milizzja, u ftit li xejn kienu mdorrijin b’emerġenza bħal din. Minħabba f’hekk is-suldati ma kinux imħarrġin sew, lanqas biex jimmarċjaw fit-tul libsin l-armaturi tqal u jġorru l-armi u t-tarki. Tant li waqt il-marċ biex jiltaqgħu mal-ilsiera, uħud bdew jeħilsu mill-armaturi u jitilqu l-armi warajhom. Wara kollox, dehrilhom li ma kellhomx bżonn dak l-armar kollu biex jeħilsu minn gozz ilsiera...

Wara marċ twil taħt xemx tisreġ, il-milizzja kienet għoddha ntilfet fl-għelieqi, u t-truppi kienu għajjenin mejta. Li l-uffiċjali tal-koorti ma kinux jafu kien li spiji ta’ Spartaku kienu fil-qrib, u osservaw mall-ewwel x’kien il-punt dgħajjef tar-Rumani.

Malli rrappurtaw il-qagħda tal-koorti lil Spartaku, dan qatagħha li issa kien iż-żmien li jattakkaw. Aktar milli battalja, kienet kważi kaċċa, hekk kif is-suldati ppanikkjaw malli l-ilsiera nxteħtu fuqhom bil-qilla kollha li kellhom. Ħafna suldati ħallew l-armi u ’l sħabhom warajhom u telqu jiġru fl-għelieqi b’saqajhom ma’ daharhom.

Wara dan il-fjask, Ruma bagħtet aktar koorti, imma kienu għadhom ma ntebħux bil-qawwa vera tal-armata tal-ilsiera. Din id-darba, għalkemm is-suldati ġie f’rashom li jwaqqfu kamp mgħasses sew, xorta waħda Spartaku seħħlu jattakka billejl u jagħmel ħerba minnhom.

Għalhekk il-folla ta’ lsiera baqgħet tiġġerra madwar l-Italja kollha, u żżid in-numru ta’ lsiera meħlusin. Sa fl-aħħar, l-armata ta’ Spartaku kienet tgħodd sittin elf ruħ.

Issa s-senat Ruman intebaħ li l-biċċa ta’ Spartaku u l-ilsiera tiegħu kienet problema serja nazzjonali li setgħet tkun ta’ periklu lill-belt ta’ Ruma nnifisha, u li kellhom bżonn isolvu mill-aktar fis. Għalhekk sejħu lil wieħed mill-aqwa ġenerali li kellhom, Marku Liċinju Krassu.

Fil-Kamra tas-Senat, tawh uffiċjalment il-missjoni tiegħu. “Marku Liċinju Krassu, qed naħtruk bħala l-mexxej responsabbli tal-leġjuni Rumani. Il-missjoni tiegħek hija li taqbad lir-ribell Spartaku, ħaj jew mejjet. Jekk tfalli din il-missjoni hemm ċans li Ruma taqa’ għal kollox!”

Krassu kien ġeneral professjonista, u mill-bidu nett kien kontra l-idea li jintbagħtu truppi mhux imħarrġin biżżejjed biex jiffaċċjaw lill-ilsiera. Issa li s-Senat tah iċ-ċans li jieħu r-riedni f’idejh, kien determinat li jwaqqaf lil Spartaku darba għal dejjem. L-ewwel li ħaseb jagħmel kien li jaqtagħlu t-triq lejn Ruma, ħalli żgur ma jkunx jista’ jattakkaha.

Fl-aħħar kien wasal il-waqt li Spartaku kien tant ilu jibża’ minnu, hekk kif l-armata tiegħu, fi treqitha lejn Ruma, sabet quddiemha forza liema bħalha. Mill-bogħod, Spartaku u l-uffiċjali tiegħu setgħu jaraw il-firxa tal-għaġeb tal-leġjuni Rumani, weqfin f’fillieri dixxiplinati.

“Din se tkun l-ikbar sfida tagħna,” lissen minn taħt l-ilsien.

***** ***** **8** ***** *****

Mingħajr aktar telf ta’ żmien, Spartaku ordna biex jibda l-attakk. L-ilsiera ntefgħu b’ruħhom u ġisimhom fuq il-fillieri Rumani, imma dawn, bit-tarki l-kbar tagħhom miżmumin maġenb xulxin, kienu sodi daqs ħajt, u ma kienx faċli jċaqalquhom kif ġieb u laħaq. Għaldaqstant, mall-ewwel waqqfu l-momentum tal-armata ta’ lsiera.

Spartaku ma baqax lura waqt it-taqbid, u ħafna drabi, qalb l-għajjat u l-kaos tal-battalja, baqgħu jisimgħuh jgħajjat, “Nibqgħu nissaraw sakemm immutu, ħbieb! Immutu hawn bl-unur, minflok bħal annimali fl-arena Rumana!”

Il-battalja damet is-sigħat, b’kull naħa minn fuq għal ftit mumenti, u mbagħad minn taħt ftit wara, javvanzaw xi ftit, u jirtiraw ftit wara. Fl-aħħar, kien jidher sew li l-leġjuni kienu qed jieħdu l-vantaġġ, u f’daqqa waħda l-linja tal l-ilsiera bdiet iċċedi. Ir-ribelli bdew jisparpaljaw, jixħtu l-armi mal-art u jlebbtu lil hinn mir-Rumani.

Beda jinstema’ ħafna għajjat ta’ paniku.

“Iġru! Naħarbu minn hawn!”

“Ma nistgħu nagħmlu xejn kontra l-leġjuni!”

“Għamilna żball li segwejna lil Spartaku!”

U għalkemm l-ilsiera bdew jaħarbu mal-erbat irjieħ, ir-Rumani xorta bdew jiġru warajhom, u jaqbduhom wieħed wieħed, sakemm fl-aħħar l-uniċi lsiera li kien għad baqa’ kienu jew mejtin fl-għalqa tal-battalja, jew fost l-eluf li kienu nqabdu priġunieri. Bil-qajla, lil dawn tal-aħħar bdew jimmarċjawhom lejn Ruma.

Ma’ wieħed mill-uffiċjali tiegħu, Krassu beda jippassiġġa qalb il-mejtin tal-battalja. Lill-iġsma mejta ta’ Mobena u Gargariks għarfuhom.

“U Spartaku?” saqsa Krassu.

“Ma nafux,” wieġeb l-uffiċjal. “Ma sibniehx qalb il-priġunieri, u wħud mill-mejtin tant huma sfigurati li ma stajniex nagħrfuhom.”

“Mela jkollna nassumu li Spartaku huwa wieħed minnhom,” lissen Krassu. “Ruma riditu mejjet, u naħseb li issa kuntenta.”

Krassu kompla miexi, ħosbien, mal-uffiċjal tiegħu. “Dan il-bniedem – Spartaku – Dan il-bniedem kien aktar minn sempliċi lsir.”

“Kif, sinjur?” staqsa l-uffiċjal.

“Forsi qed ngħid ereżija,” kompla Krassu, “iżda nħoss li dan il-bniedem kien fih raġel aktar minna lkoll. Ilsir, tassew, imma l-kilba tiegħu għall-ħelsien kienet qawwija b’mod eċċezzjonali f’qalbu.”

It-tpattija ta’ Ruma kienet waħda tassew ħarxa. Bħala eżempju, u biex żgur jagħtu lezzjoni lil ilsiera oħra li setgħu jazzardaw iqajmu ribelljoni oħra, sitt elef priġunier sallbuhom fuq kull naħa tul il-Via Appja, it-triq ewlenija li kienet tagħti ’l barra minn Ruma.

U hekk is-sistema ta’ lsiera baqgħet għal mijiet ta’ snin f’Ruma; sefturi fid-djar tas-sinjuri, ħaddiema fl-għelieqi u l-minjieri, qaddiefa fuq ix-xwieni, jew gladjaturi fl-areni.

Imma l-ispirtu u l-ispirazzjoni li nibet Spartaku baqgħu ħajjin f’dawk il-qlub kollha li kienu jikilbu l-ħelsien, u anki meta l-istatwa mtella’ f’isem Krassu biż-żmien ittieklet u waqgħet, it-tifkira ta’ Spartaku u x-xewqa għall-ħelsien baqgħet ħajja sa llum.

***** ***** TMIEM ***** *****

Noti:

Dinar: Munita Rumana, tiswa bejn wieħed u ieħor ftit inqas minn ewro. [Lura]

Ġove: Fir-reliġjon pagana Rumana, l-alla ewlieni, alla tal-allat. [Lura]

Gallja: Pajjiż illum parti mill-Belġju u Franza. [Lura]

Koorta: Battaljun ta’ suldati fl-armata Rumana. Ġeneralment kien jikkonsisti f’480 suldat. [Lura]

Leġjun: Armata Rumana. Fi żmien ir-Repubblika, leġjun ġeneralment kien magħmul minn 4,800 suldat. In-numru żdiet aktar tard fil-perjodu tal-Imperu. [Lura]

Milizzja: Forza ta’ nies ċivili maqbudin bil-lieva, imma mhux imħarrġin bħala suldati b’mod professjonali. [Lura]

Senat: Il-korp ta’ gvernaturi Ruman, li f’ċerti każijiet kien ukoll qisu parlament. [Lura]

Traċju: Persuna minn Traċja, illum parti mill-Bulgarija, il-Greċja u t-Turkija. [Lura]

Tribun: Uffiċjal għoli Ruman, li kien ikollu jew responsabbiltajiet ċivili jew militari. [Lura]