Vetrina Librerija

Għanja tal-Milied

Kitba oriġinali ta’ Charles Dickens (Ingliż, 1812-1870)
Adattament għall-Malti ta’ Norman C. Borg
© Norman C. Borg

 

Ir-Raġel li kien Jobgħod il-Milied | Il-Fantażma ta’ Marley | L-Ispirtu tal-Milied l-Imgħoddi | L-Ispirtu tal-Milied Preżenti | L-Ispirtu tal-Milied Ġejjieni | Alla jbierek lilna lkoll!

Ir-Raġel li kien Jobgħod il-Milied

Din il-ġrajja seħħet ftit wara li r-Reġina Vittorja ħadet it-tron tal-Ingilterra. Jacob Marley kien ilu mejjet seba’ snin. Is-soċju tiegħu, Ebenezer Scrooge, kien l-aktar bniedem xħiħ f’Londra.

Tant kien xħiħ li lanqas ried jixtri ftit żebgħa biex ineħħi l-isem ta’ Marley minn fuq it-tabella tal-uffiċċju. Seba’ snin wara l-mewt ta’ Marley, u t-tabella kienet għadha turi “Scrooge u Marley”.

Lejlet il-Milied kien kiesaħ u kollu ċpar. Tifel żgħir, b’imnieħru aħmar bil-kesħa, ħares mit-toqba tas-serratura tal-bieb tal-uffiċċju u beda jkanta għanja tal-Milied. F’daqqa waħda l-bieb infetaħ beraħ u Scrooge tfaċċa, b’riga twila f’idu biex ifajjar daqqa lit-tifel; imma dan żgiċċalu.

Scrooge kien jobgħod il-Milied u kull ħaġa li kellha x’taqsam miegħu. Kien raġel egoist u xħiħ li qatt ma għamel xi att ta’ karità lil xi ħadd jew ta xi flus lil min ma kellux. Kien qisu bniedem kiesaħ minn ġewwa wkoll. Xofftejh kienu koħol. Imnieħru kien mixrub u sfigurat. Xagħru, ħuġbejh u l-leħja kienu bojod karti. Imma l-aktar ħaġa kiesħa li kellu kienet qalbu.

Saħansitra anki l-uffiċċju tiegħu kien kiesaħ, anki fl-eqqel tas-sajf. In-nar fil-fuklar taċ-ċumnija kien dejjem miżmum baxx, bil-barmil tal-faħam maġenbu dejjem nofsu mimli, qatt aktar minn hekk. Is-segretarju tiegħu kien ikollu jitlob permess qabel ma jġib aktar faħam, għax Scrooge dejjem kien joqgħod attent kemm jonfoq. Għalhekk l-uffiċċju qatt ma kien ikun sħun biżżejjed.

Is-segretarju tiegħu kien jismu Bob Cratchit. Postu kien fil-kmajra ħdejn dik ta’ Scrooge, bilqiegħda fuq banketta u ggrunċjat fuq l-iskrivanija, dejjem jaħdem fuq ir-reġistru il-kbir tal-kontijiet.

Kien liebes ingwanti mingħajr swaba’, għalhekk dawn kienu dejjem iffriżati, u bilkemm kien ikun jista’ jżomm il-pinna sew. Il-linka fl-inkjostru kienet kważi ffriżata. Kellu xalpa mdawra m’għonqu tliet darbiet: l-unika ħaġa li kienet iżżommu ftit sħun. Kienet innittjathielu martu għax ma kellux flus biżżejjed biex jixtri ġlekk oħxon. Il-paga li kien jagħtih Scrooge kienet biss ta’ ħmistax-il xelin fil-ġimgħa.

Barra, fit-toroq ta’ Londra n-nies kienet ġejja u sejra, kulħadd jitgezzez kemm jista’. Scrooge bilkemm seta’ jara x’kien hemm barra, għalkemm kienu għadhom it-tlieta ta’ waranofsinhar, minħabba l-foga u d-dħaħen li kien hemm, u li kienu jdallmu kullimkien. Il-kmamar kienu mkebbsin bid-dwal dgħajfa tax-xemgħat. Bob kellu waħda fuq l-iskrivanija tiegħu. Kien iżomm is-swaba’ qrib tagħha biex jipprova jtaffi l-kesħa, imma ma kenitx tagħmel ħafna effett.

Madankollu, minkejja l-kesħa u d-dlam, kulħadd kien kuntent u bi tbissima fuq wiċċu. Għax l-għada kien il-Milied, u l-ħwienet kienu kollha mixgħulin u mimlijin b’kull tip ta’ ikel – dundjani u wiżż, larinġ u tuffieħ, karawett, kejkijiet u ħelu ta’ kull għamla u lewn – iżda mhux kulħadd kellu biżżejjed flus biex jixtrihom. Tfal libsin iċ-ċraret kienu mgezzin madwar fuklar fir-rokna ta’ triq.

Il-bieb tal-uffiċċju ta’ Scrooge infetaħ beraħ f’daqqa waħda. “Il-Milied it-tajjeb, Zi!” għajtet viċi ferrieħa.

Kien Fred, in-neputi ta’ Scrooge. Wiċċu kien aħmar nar wara ġirja twila. Għajnejh kienu mberrqin u mixgħulin bl-eċċitament, għalkemm nifsu kien qisu duħħan f’dik l-arja kiesħa.

“Uff!” wieġeb Scrooge, “Ipokrita! Għalfejn inti daqshekk kuntent? M’intix fqir biżżejjed?”

In-neputi tiegħu qabad jidħaq. “Għalfejn inti daqshekk imdejjaq? M’intix sinjur biżżejjed?”

“Il-Milied it-tajjeb!” beda jgerger Scrooge. “Imur jixxejjer il-Milied! Li kieku kien għalija kull min jgħid ‘Il-Milied it-tajjeb’ nixħtu f’borma u nsajru!”

“U ejja, Zi! Ċert li mhux qed tgħid hekk bis-serjetà. Ejja għandna għall-ikla tal-Milied u għal ftit kumpanija!”

Imma Scrooge ma riedx.

“Insomma, Zi. Jiena xorta se nixtieqlek Milied hieni – u s-sena t’tajba wkoll!”

“Uff!” tenna Scrooge, hekk kif neputih għadda kelma ferrieħa lil Cratchit u ħareġ mill-uffiċċju. Hu u ħiereġ resaq laġenba biex iħalli żewġt irġiel, imbaċċin u b’ħarsa ferrieħa fuq wiċċhom, jidħlu fl-uffiċċju. Kienu qed jiġbru ftit flus għall-foqra.

“Is-Sur Marley?” staqsa wieħed minnhom?

“Marley mejjet. Jien Scrooge,” wieġeb Scrooge bil-ħatfa.

Meta qalulu għalxiex kienu ġew, Scrooge irrifjuta li jagħti flus għall-ġabra. “M’hemmx ħabsijiet? M’hemmx id-djar għall-foqra? Dawk qed inħallas it-taxxa għalihom, jien! Imorru joqogħdu hemm!”

“Ħafna nies lanqas jistgħu jmorru hemm. U ħafna nies oħra jippreferu jmutu milli jmorru l-ħabs!”

“Mela ħalluhom imutu!” kompla Scrooge. “Hekk jew hekk hawn wisq nies foqra fid-dinja!”

B’diżappunt kbir, iż-żewġt irġiel kellhom jitilqu b’xejn.

Il-ħin għadda. Dalam aktar. Kien wasal il-ħin li jagħlqu l-uffiċċju u jmorru lura d-dar. Bob tefa x-xemgħa.

“Qed nimmaġina li trid toħodha btala għada, hux hekk?” Scrooge beda jgerger, “Se jkolli nħallsek għal ġurnata mingħajr xogħol!”

“Mhux jum wieħed biss fis-sena?” lissen Bob, b’denbu bejn saqajh.

“Anki jum wieħed huwa wisq!” kompla Scrooge, imma ħallieh imur.

Bob ġera ’l barra mill-uffiċċju qisu tifel ħiereġ wara ġurnata skola magħluq fil-klassi. Hu u sejjer id-dar waqaf jilgħab ma’ xi tfal li kienu qed jiżżerżqu fuq is-silġ, u malli wasal id-dar qgħad jilgħab tiġieġa għamja mat-tfal.

Scrooge ħa l-kolazzjon waħdu f’lukanda rħisa, u qgħad jaqra l-aħbarijiet tal-finanzi fil-gazzetti.

Il-Fantażma ta’ Marley

Scrooge kien jgħix waħdu f’dar antika u mudlama li kienet tas-soċju l-mejjet tiegħu, Jacob Marley. Tant kienet mudlama li kellu jħoss b’idejh fejn kien miexi sakemm qasam il-bitħa għall-bieb prinċipali. Kien qed jissara biex idaħħal iċ-ċavetta fis-serratura meta ħares lejn il-ħabbata tal-bieb. Kienet ħabbata kbira, b’disinn komuni, u ma kellha xejn speċjali. Imma llum kienet tidher differenti. Stħajjel li ra fuqha l-forma ta’ wiċċ Marley!

Wiċċ Marley kellu dija ħadranija, lewn ħuta mħassra. Kellu n-nuċċali mpoġġi fuq moħħu, u xagħru kien qed itir bil-mod bħallikieku xi żiffa kienet għaddejja minn ġo fih. Għajnejh kienu qed iħarsu ċassi lejn Scrooge. Scrooge ħares ċass lura, u ħesrem reġa’ ra l-forma normali tal-ħabbata!

Scrooge ma kkuppax ħafna. Ma kienx jemmen fil-fantażmi. Daħal fid-dar, kebbes ix-xemgħa u ħares lejn il-bieb. Stenna li se jara l-wara ta’ ras Marley, b’xagħru twil marbut, imma ra biss il-viti u l-iskorfini tal-bieb.

Sabbat il-bieb u beda tiela’ t-taraġ wiesgħa. Issa stħajjel li xi ħadd kien tiela’ quddiemu. Għamel sforz biex jiftakar li Marley kien ilu seba’ snin mejjet, u ma baqax jaħseb aktar dwar dan sakemm wasal fuq.

Fuq, kollox kien jidher normali. Ma kien hemm xejn taħt is-sodda. U lanqas taħt il-mejda. Fuq il-kuker poġġa taġen żgħir bi ftit soppa fih, fuq nar inemnem. Scrooge libes il-papoċċ, il-paġama u l-beritta ta’ billejl, u ntefa’ bilqiegħda jiekol is-soppa. Imma qabbel dan mar jara li l-bieb kien imsakkar sew.

Il-madumiet li kienu madwar il-fuklar kellhom l-istampi ta’ karattri mill-Bibbja – Kajjin u Abel, ir-Reġina ta’ Xiba, Abram u Iżakk. Imma llum, Scrooge kien qed jarahom kollha qishom Jacob Marley.

“Ħmerijiet!” qal Scrooge.

Malli qal hekk il-qanpiena fuq il-fuklar – li kienet ilha s-snin ma tintuża – bdiet iddoqq, titbandal ’l hawn u ’l hinn, u baqgħet sejra hekk għal xi minuta. Meta waqfet, Scrooge sema’ ħoss ieħor, minn xi kamra oħra fid-dar. Kien ħoss oħxon u metalliku, qisu ta’ xi ħadd qiegħed ikaxkar katina kbira mal-art.

“Ħmerijiet!” baqa’ jgħid Scrooge. “Mhux se nemminhom!”

Imma l-ħoss baqa’ jidwi. Deher li kien ġej mill-kantina, tiela’ t-taraġ, u joqrob lejn il-kamra fejn kien qiegħed. Fl-aħħar, dija dehret dieħla minn barra fil-kamra minn ġol-bieb magħluq.

In-nar fil-fuklar tqawwa f’daqqa bħallikieku għaraf dik id-dija: “Dak nafu! Dak il-fantażma ta’ Marley!”

U fil-fatt hemm kien Marley, b’xagħru marbut wara rasu, liebes il-ġlekk favurit tiegħu, qalziet dejjaq, u buz. Imma kellu katina twila mgeżwra ma’ ġismu kollu, minn rasu sa saqajh. Mal-katina kellu marbutin kaxxi tal-flus, ċwievet, katnazzi, reġistri tal-kontijiet u portmonijiet. U kien trasparenti. Min ġo Marley, Scrooge seta’ jara saħansitra ż-żewġ buttuniet fuq in-naħa ta’ wara tal-ġlekk!

“Mela ma temminx fija, hux?” qal il-fantażma.

“Le, ma nemminx,” qabeż Scrooge. “Qed narak għax forsi bħalissa għandi l-istonku mqalleb. Forsi kilt biċċa laħam jew biċċa ġobna ħażina!”

Il-fantażma ma tax kas il-kumment ta’ Scrooge. Minflok, għajjat għajta terribbli u beda jxejjer il-katina.

“Għalfejn dik il-katina?” staqsa Scrooge.

“Din il-katina għamiltha jien f’ħajti,” wieġeb il-fantażma ta’ Marley. “Ħolqa wara ħolqa, metru wara metru. Inti wkoll għandek waħda, twila u tqila daqs tiegħi. Imm’ inti għandek seba’ snin iktar, mela tiegħek hija ħafna itwal.”

Scrooge beda jmiss madwar ġismu u jħares lejn idejh u saqajh, imma ma ra l-ebda katina.

“Ħajti kollha ħsibt fil-flus biss,” kompla l-fantażma. “Kemm tlift opportunitajiet li nagħmel aktar ġid!”

“Imma inti kont negozjant tejjeb, Jacob,” lissen Scrooge.

“Negozju! Negozju! In-nies kellhom ikunu n-negozju tiegħi. Ittraskurajthom, u issa qed niġi kkastigat minħabba f’hekk!”

“Għaliex ġejt hawn?” staqsa Scrooge.

“Biex navżak, ħalli ma jiġrilekx bħali. Se jiġu jidhrulek tliet spirti, kull meta l-arloġġ tal-knisja jdoqq is-siegħa ta’ billejl.”

“Nippreferi ma jiġu xejn,” qal Scrooge.

Imma l-fantażma issa ma qal xejn. Beda miexi b’lura lejn it-tieqa miftuħa, il-ħin kollu jiġbed il-katina warajh. It-tieqa nfetħet waħidha, u l-fantażma għola fl-arja u tar ’il barra fid-dlam tal-lejl. Scrooge beda jisma’ ħafna krib, u f’daqqa ntebaħ li s-smewwiet kienu kollha mimlijin bi spirti oħra bħal Marley. Kollha kienu mdejqin u ddisprati għax ma kinux għenu lil dawk in-nies kollha li ma kinux għenu meta kienu għadhom ħajjin.

Bil-qalja kollha għebu mis-smewwiet u kollox reġa’ kien sieket. F’daqqa waħda Scrooge ħassu għajjien mejjet. Daħal fis-sodda u minnufih għajnu marret bih.

L-Ispirtu tal-Milied l-Imgħoddi

Hekk kif it-tokk tal-qanpiena tal-knisja daqq nofsillejl Scrooge stenbaħ b’qatgħa. Kienet ħolma, jew tassew xi spirtu kien se jiġi jżuru fis-siegħa? Ma setax jorqod, u baqa’ jitqalleb fis-sodda. Fl-aħħar, il-qanpiena tal-knisja reġgħet dwiet.

Is-siegħa ta’ billejl!

Id-dwal kollha madwar il-kamra bdew iteptpu bħal imġienen, u l-purtieri bdew itiru b’riħ li ma kien ġej minn imkien, għax it-tieqa kienet magħluqa.

Quddiem is-sodda ta’ Scrooge feġġet forma ċkejkna, tifla bajda karti minn rasha sa saqajha. F’id waħda kellha fergħa bil-weraq tal-ballut u fl-oħra kienet qed iżżomm stuta.

“Min int?” staqsa Scrooge.

“Jien l-Ispirtu tal-Milied l-Imgħoddi.”

“L-Imgħoddi?” tenna Scrooge.

“L-Imgħoddi tiegħek.”

“X’ġejt tagħmel hawn?”

“Ġejt biex infakkrek. Biex ngħinek. Qum u ejja miegħi.”

Scrooge ħareġ mis-sodda, u kif kien, liebes il-paġama, ħa id l-ispirtu.

F’daqqa waħda x-xena nbidlet għal kollox. Ma kienx għadu fil-kamra tas-sodda f’daru. Kienu fis-suq ta’ raħal żgħir. Il-post kien familjari għal Scrooge. Kien hemm tfal qed jilagħbu fit-triq. Xi subien kienu rekbin ponijiet, oħrajn kienu fuq karettuni, u kollha kienu qed jitkellmu ma’ xulxin kollha ferriħin. Kienu sejrin lura d-dar mill-iskola għall-btajjel tal-Milied. Scrooge għarafhom mall-ewwel. Kienu sħabu tal-klassi ta’ meta kien tifel.

Scrooge tbikkem. Ftakar kif dak il-Milied kulħadd kien telaq u hu baqa’ waħdu f’dik il-klassi kiesħa, minsi minn kulħadd. Ġab quddiem għajnejh lilu nnifsu tifel, bilqiegħda jaqra. U warajh, barra mit-tieqa, il-personaġġi li kien qed jaqra fuqhom ħadu l-ħajja.

“Hemm Robinson Crusoe bil-pappagall tiegħu, u sieħbu Nhartaġimgħa, mixjin tul il-bajja mrammla.” Scrooge sejħilhom, imma l-viżjoni fis għebet. Ixxotta għajnejh.

“Kemm nixtieq – ” tenna minn taħt l-ilsien.

“Xiex?” staqsa l-ispirtu.

“Kien hemm tifel qed ikanta l-għanjiet tal-Milied quddiem l-uffiċċju tiegħi dalgħodu. “Nixtieq li tajtu xi ħaġa minflok keċċejtu.”

L-ispirtu xejjer idu. “Ħalli naraw Milied ieħor.”

Il-viżjoni li dehret issa kienet tal-istess klassi, fl-istess skola. It-tifel kien reġa’ hemm, ftit ikbar, imma xorta waħdu. F’daqqa waħda nfetaħ il-bieb u tifla żgħira marret fuqu u għannqitu. Kienet oħtu, li kienet ġiet biex tieħdu d-dar għall-Milied.”

“Dejjem kienet xipli,” qal Scrooge. “Mietet żgħira, miskina.”

“U ħalliet tarbija warajha, mingħalija,” kompla l-ispirtu. “Neputik.”

“Iva,” wieġeb Scrooge, kollu ħosbien.

Il-viżjoni reġgħet tbiddlet, u issa kien f’belt kbira. Kien lejlet il-Milied, u t-toroq kienu kollha mżejnin u mdawlin. Waqfu quddiem maħżen.

“Tafu dan il-post?”

“Dażgur li nafu! Kont apprentist, hawn!” qabeż Scrooge minnufih.

Dak il-ħin kien għaddej festin fl-aqwa tiegħu fil-maħżen. L-imgħallem ta’ Scrooge, Fizziwig, kien organizzah għall-familja u l-impjegati tiegħu kollha. Kien hemm ikel mill-aktar bnin: kull għamla ta’ laħam u ħaxix, ħelu u xorb. L-isbaħ ħaġa kien il-vjolinist, li kien qed idoqq ħafna mużika taż-żfin. Is-Sur Fizziwig u martu kienu qed jiżfnu fiċ-ċentru, ħfief daqs li kieku kienu għadhom żgħażagħ. Scrooge ħa pjaċir jerġa’ jarahom, bħal ma kien ħa pjaċir dakinhar. Fl-aħħar, Scrooge dar lejn l-ispirtu b’ħarsa mdejqa.

“X’għandek?” staqsa l-ispirtu.

“Xejn,” wieġeb Scrooge. “Qed naħseb fis-segretarju tiegħi, dak kollu.”

Il-viżjoni reġgħet tbiddlet, u din id-darba ma kenitx daqshekk ferrieħa. Scrooge kien jidher kiber aktar, imma kellu wiċċ serju wisq. Kien qiegħed mal-għarusa tiegħu, li kienet tidher imbikkma. Qaltlu li kien jagħti każ aktar il-flus milli lilha, hekk kif tagħtu lura ċ-ċurkett tal-għerusija.

Dan inkwieta lil Scrooge, imma fil-viżjoni li ġiet wara seta’ jara lill-maħbuba tiegħu miżżewġa u kuntenta ma’ xi ħadd ieħor, waqt li hu kien waħdu fl-uffiċċju mudlam imdawwal biss b’xemgħa baxxa.

“Ieqaf!” għajjat. “Ħudni lura f’kamarti!” Ittanta jaħtaf l-istuta minn id l-ispirtu biex jipprova jitfi l-viżjonijiet, u ħesrem reġa’ sab ruħu f’kamartu. Inxteħet fis-sodda u raqad raqda fil-fond.

L-Ispirtu tal-Milied Preżenti

Scrooge stenbaħ b’qatgħa hekk kif kienu se jerġgħu jdoqqu s-siegħa ta’ billejl. Din id-darba minn taħt il-bieb tal-kamra ra dija qawwija ġejja mill-kamra l-oħra.

U mbagħad sema’ leħen oħxon jirbombja. “Ejja, Scrooge!”

Libes il-papoċċ u mar fil-kamra l-oħra. Kienet tidher ħafna differenti minn kif kien jafha hu. Kienet kollha mżejna b’tiżjin tal-Milied mill-art sas-saqaf, b’weraq tal-ballut, liedna u viskju, u ħuġġieġa kbira kienet qed taqbad fil-fuklar. Mixħutin mal-art, f’forma ta’ speċi ta’ tron, kien hemm kull tip ta’ ikel li wieħed seta’ jimmaġina: dundjan, wiżż, tiġieġ, biċċiet taċ-ċanga, zalzett, kejkijiet, pudina u frott imqiegħed forma ta’ piramidi.

Bilqiegħda fuq dan kollu kien hemm faħal ta’ raġel daqsiex, b’torċa forma ta’ kornukopja taqbad f’idu. Ressaqha lejn Scrooge biex jarah aħjar.

“Idħol, sieħeb, idħol, ħalli nkun nafek aħjar,” qal il-ġgant. “Jien l-Ispirtu tal-Milied Preżenti.”

L-ispirtu kien liebes tunika ħadra bi truf ta’ pil abjad. Xagħru kien kannella, twil u nnukklat, u fuqu kellu kuruna magħmula minn weraq tal-ballut.

“Spirtu,” qal Scrooge. “Naf li ġejt għall-ġid tiegħi. Fejn se toħodni?”

L-ispirtu ħarġu fit-toroq. Hemmhekk Scrooge ra lin-nies jiġru jagħmlu l-qadjiet tal-aħħar minuta qabel jum il-Milied. Il-qniepen f’kull knisja u kappella kienu qed isejħu lin-nies għall-Quddies. U dawk il-familji l-foqra li lanqas kellhom faħam biex ikunu jistgħu jsajru l-ikel, kienu qed jeħduh għand il-furnar biex isajjarulhom hu. L-ispirtu raxx ftit irmied mit-torċa tiegħu fuq dawk l-imsejkna, biex iberikhom.

Wara ftit waslu ħdejn dar żgħira. Kienet tas-segretarju ta’ Scrooge, Bob Cratchit. Tassew kien qed jaqla’ biss ħmistax-il xelin fil-ġimgħa, għalhekk l-Ispirtu tal-Milied Preżenti xeħet fuq dik id-dar barka speċjali.

Il-familja Cratchit kollha kienu lebsin f’okkażjoni tal-Milied. Tassew li l-ħwejjeġ tagħhom kienu dawk komuni ta’ kuljum, imma żejnuhom kollha żigarelli mlewnin. Peter, iben Bob, kien liebes il-kullar tal-qmis ta’ missieru, għalkemm kien ftit kbir għalih. Kien qiegħed iħawwad il-patata f’taġen żgħir, waqt li oħtu kienet qed tipprepara l-mejda. Żewġt itfal oħra żgħar daħlu jiġru fil-kamra jgħajtu bil-ferħ li setgħu jxommu l-wiżża tagħhom qed tissajjar għand il-furnar.

“Fejn hu l-Pa u ċ-Ċkejken Tim?” staqsiet is-Sunjura Cratchit.

“Ġejjin issa!” wieġbu t-tfal.

U Bob, b’dik ix-xalpa mdawra tliet darbiet madwar għonqu, u ċ-Ċkejken Tim fuq spalltu, daħlu fil-kamra. Wieħed mir-riġlejn taċ-Ċkejken Tim kien magħluq f’qafas tal-ħadid. U Scrooge osserva li t-tifel kien qed iġorr il-krozzi. It-tifel kien żgħir wisq anki għall-età tiegħu, u kien xipli ħafna. Scrooge ftakar li xi darba Bob kien semmielu li ibnu kien marid ħafna.

F’dak il-waqt iż-żewġt itfal iż-żgħar reġgħu ġew jiġru, bil-wiżża fuq gabarrè kbir. Is-Sinjura Cratchit saħħnet ftit il-grejvi. Peter beda jgħaffeġ il-patata maxx, waqt li t-tifla ppreparat iz-zalza tat-tuffieħ u ħarġet il-platti msaħħnin. Is-Sinjura Cratchit qabdet sikkina u qasmet il-wiżża min-nofs, u minnufih ħarġet il-fwieħa tas-salvja u l-basal.

Wara, kollha qalu li qatt ma kienu tiegħmu wiżża daqshekk tajba. Kien hemm biżżejjed għal kulħadd.

Wara kien imiss il-pudina tal-Milied. Is-Sinjura Cratchit ġabitha mill-kċina, imma ħadd ma lmenta li kienet kemxejn żgħira għal familja daqshekk kbira.

Meta kienu lesti, qagħdu kollha bilqiegħda madwar il-fuklar inaqqru ftit karawett.

Bob għolla t-tazza tiegħu. “Milied hieni lilkom kollha, għeżież tiegħi! Alla jberikna!”

U ċ-Ċkejken Tim tenna, “Alla jbierek lilna lkoll!”

Iċ-Ċkejken Tim kien bilqiegħda maġenb missieru, li kien qed iżommlu idu.

“Spirtu,” lissen Scrooge minn taħt l-ilsien, “Għidli, iċ-Ċkejken Tim se jgħix?”

“Qed nara siġġu vojt,” wieġeb l-Ispirtu, “u par krozzi. Jekk din il-viżjoni ma titbiddilx, iċ-Ċkejken Tim mhux se jgħix sa Milied ieħor. Imma inti x’jimpurtak? Ħallih imut! M’hawnx biżżejjed nies foqra fid-dinja?”

U Scrooge ħass nigża hekk kif ftakar li dak kien kliemu stess. Bil-mistħija, ma weġibx.

Wara dan l-Ispirtu urieh x’kien il-Milied għal nies li kienu jgħixu f’inħawi mbiegħda, minsijin. Għal dawk li kienu jaħdmu taħt l-art, fil-minjieri. Għan-nies li kienu jgħixu fuq il-fanali tal-portijiet, imdawrin bil-baħar u l-maltempati. Għall-baħrin, li għal xhur u anki snin sħaħ kienu jgħixu fuq ix-xwieni, f’nofs ta’ baħar qalil u bla ħniena, ’il bogħod mill-maħbubin tagħhom. U xorta kollha jkantaw għanjiet tal-Milied waqt li jaħdmu bla waqfien.

F’daqqa waħda Scrooge tbissem. Il-viżjoni nbidlet, u issa ra lil neputih, Fred, waqt festin tal-Milied. Wara li lagħbu l-logħba tat-tiġieġa l-għamja, issa kienu qed jilagħbu logħba bil-mistoqsijiet, “Iva jew Le”. Fred kellu jaħseb f’xi ħaġa u jwieġeb “Iva” jew “Le” għall-mistoqsijiet li jsaqsuh.

Iva, kien qed jaħseb f’annimal selvaġġ u ħażin. Iva, kien jgħix f’Londra. Le, ma kienx jgħix f’żu. Le, mhux żiemel. Le, mhux ħmar. Le, mhux baqra. Le, mhux tigra. Le, mhux qattus. Le, mhux ors. Fred tant beda jidħaq bil-qawwi li għoddu waqa’ minn fuq is-siġġu.

Fl-aħħar il-mara ta’ ħuh werżqet, “Iva, naf! Zijuk Scrooge!”

U hekk kien! Kollha nfaqgħu jidħqu, u għamlu brindisi għaz-Ziju Scrooge, li kien iweġibhom kieku l-Ispirtu tah ċans, imma minflok ħadu miegħu f’pajjiżi oħra biex jurih kif kienu jqattgħu il-Milied hemmhekk.

Sadanittant Scrooge beda jara li l-Ispirtu kull ma jmur kien beda jiċkien u jiċkien, u xagħru kien qed jibjad.

“Kif, ħajtek hija daqshekk qasira?” staqsa Scrooge, konfuż.

“Iva,” wieġeb l-Ispirtu. “Ħajti ddum biss sa nofsillejl.”

Issa Scrooge seta’ jara li kien hemm xi ħadd taħt it-tunika l-ħadra tal-Ispirtu. Kienu żewġt it-tfal, irqaq għadma u ġilda, żdingati u mġewħin.

“Dawn huma ulied id-dinja li m’għandhomx ġenituri biex jippreparawlhom Milied sabiħ,” lissen l-Ispirtu bi dwejjaq.

“M’għandhom imkien fejn joqogħdu?” staqsa Scrooge.

“M’hemmx ħabsijiet?” wieġbu l-Ispirtu, hekk kif ħares lejh biċ-ċiera. “M’hemmx postijiet għall-foqra?” U Scrooge reġa’ ftakar fi kliemu, u ħass għafsa ta’ qalb.

L-arloġġ daqq nofsillejl.

Scrooge ħares madwaru, imma l-Ispirtu kien telaq. Minflok, kien hemm quddiemu figura mgeżwra f’mant iswed tuta, u b’barnuża daqstant sewda li kienet qed tgħattilu rasu u wiċċu għal kollox. Bil-qajla, il-figura kienet qed ittir lejh. Kien l-aħħar spirtu.

L-Ispirtu tal-Milied Ġejjieni

L-Ispirtu ma tniffissx. L-unika ħaġa li Scrooge seta’ jara fid-dlam kienet driegħ wieħed b’id ippuntata lejh. Scrooge beda jitriegħed bil-biża’.

“Inti l-Ispirtu tal-Milied Ġejjieni?” staqsa Scrooge. “Se turini affarijiet li se jiġru fil-ġejjieni?”

L-Ispirtu mejjel rasu.

“M’intix se tkellimni?” reġa’ staqsa Scrooge .

L-Ispirtu ma qal xejn, imma pponta ’l quddiem.

Scrooge beda miexi ’l fejn ipponta l-Ispirtu.

Kienu jinsabu f’belt. Kien hemm grupp ta’ negozjanti miġburin flimkien iċekċku l-flus tal-qliegħ tagħhom. Kienu qrib biżżejjed biex Scrooge seta’ jisma’ x’kienu qegħdin jgħidu.

“Ma nafx ħafna fuq il-biċċa. Naf biss li huwa mejjet,” kien qed jgħid wieħed minnhom.

“U lil min ħalla flusu?” staqsa ieħor.

“Fejn naf? Lili ma ħalliehomx żgur,” qabeż ieħor. Kollha qabdu jidħqu.

“Nixtieq inkun naf min sejjer għall-funeral tiegħu,” kompla negozjant ieħor. “Ma kellux ħbieb!”

Scrooge ġietu l-kurżità fuq min kienu qed jitkellmu. Beda jfittex biex jara jarax lilu nnifsu fosthom, imma ma deher imkien.

Wara dan l-Ispirtu ħa lil Scrooge f’waħda mill-aktar partijiet foqra tal-belt, f’ħanut żdingat mimli affarijiet użati. Kien hemm il-bejjiegħ qed jistenna l-klijent maġenb fuklar żgħir.

Tfaċċaw żewġt irġiel u mara. Kienu qed iġorru ħafna ħwejjeġ. Kellhom xi ftit lożor, ħwejjeġ qodma u purtieri għall-bejjiegħ.

“Dawn minn fejn ġibtuhom?” staqsa l-bejjiegħ, hekk kif beda jiflihom.

“Ir-raġel li ħadniehom mingħandu mhux se jkollu bżonnhom iktar,” wieġbet il-mara.

“Le,” kompla wieħed mill-irġiel. “Fejn mar issa mhux se jkollu bżonn lożor u ħwejjeġ!”

“Kieku ma kienx daqshekk stramb,” qabeż it-tieni raġel, “forsi kien ikun hemm xi ħadd li kien idur bih sakemm imut. Kien ħaqqu.”

Il-bejjiegħ ta xi ftit flus lill-irġiel u ’l mara.

“Spirtu,” lissen Scrooge. “Iva ħadd m’għandu ftit simpatija lejn dan il-proxxmu f’mewtu? Urini ’l xi ħadd li jikkumpatih.”

Bi tweġiba, l-Ispirtu fetaħ driegħu u l-mant tiegħu tbiddel f’siparju u tfaċċat viżjoni oħra. Issa kienu f’kamra fejn omm kienet imdawra minn uliedha. Dlonk daħal ir-raġel tagħha. Kien jidher inkwetat u mhux f’sikktu. Fl-istess ħin kellu tbissima fuq wiċċu.

“Għandna ftit żmien ieħor biex inħallsu d-dejn,” lissen ir-raġel.

“Għaliex, se jagħtina ftit aktar ċans?” staqsiet il-mara ħerqana.

“Le,” wieġeb żewġha. “Miet.”

Wiċċ il-mara xegħel. Mela dan kien l-uniku sentiment li n-nies kellhom lejn dan il-bniedem.

Imma Scrooge kien għadu ma jafx fuq min kienu qed jitkellmu, dawn in-nies kollha. Talab lill-Ispirtu jurih lil xi ħadd li seta’ juri ftit aktar ħniena lejn din il-persuna mejta.

L-Ispirtu ħadu fid-dar ta’ Bob Cratchit.

Iż-żgħar kienu kollha kwieti. Is-Sinjura Cratchit kienet qed tħit.

“Kemm hu tard,” qalet. “Missierkom għadu ma ġiex?”

“Naħseb li dan l-aħħar qed jimxi bil-mod ħafna aktar minn meta kellu liċ-Ċkejken Tim,” weġibha Peter.

“Kien iħobbu tant, liċ-Ċkejken Tim,” qalet is-Sinjura Cratchit. “Ma kienx tqil ħafna biex iġorru, miskin.”

F’dak il-mument daħal Bob minn barra, b’dik ix-xalpa mdawra tliet darbiet ma’ għonqu. Imma kien waħdu. Minnufih poġġewlu kikkra te quddiemu. Kienu għadu ġej miċ-ċimiterju. “Post żgħir u ħelu,” qal Bob. “Kont wegħidt liċ-Ċkejken Tim li nieħdu hemm kull nhar ta’ Ħadd.”

Fi triqtu lejn id-dar Bob kien iltaqa’ man-neputi ta’ Scrooge. Fred tah il-kondoljanzi u offra li jgħin lil Bob u ’l familja kull meta kien ikun hemm bżonn.

“M’għandna qatt ninsew liċ-Ċkejken Tim,” qal Bob lill-familja. “M’għandna qatt nillitigaw bejnietna. Kemm kien paċenzjuż, u ma kien jilmenta qatt!”

Tgħannqu kollha flimkien u wiegħdu lil xulxin li jagħmlu hekk.

Scrooge reġa’ dar lejn l-Ispirtu. “Nitolbok, urini kif se nkun jien f’dan iż-żmien.”

L-Ispirtu ħadu fl-uffiċċju tiegħu. Iżda Scrooge ma kienx hemm. Kien hemm raġel ieħor jaħdem minfloku. Issa Scrooge beda jinkwieta.

L-Ispirtu reġa’ biddel il-viżjoni. Issa kienu quddiem rixtellu kbir tal-ħadid, li kien iwassal għal kappella żgħira, mitluqa. Qalb il-ħaxix ħażin li kien infirex bla kontroll, l-Ispirtu ħadu fejn kien hemm ħafna lapidi, u pponta lejn waħda minnhom.

“Għidli, Spirtu,” staqsa Scrooge. “Dawn huma affarijiet li se jiġru żgur, jew li jistgħu jiġru?”

Imma l-Ispirtu baqa’ ma tniffissx. Minflok, baqa’ jipponta lejn il-lapida fuq il-qabar. Fuq il-lapida , Scrooge lemaħ ismu...

EBENEZER SCROOGE

Scrooge inxteħet għarkopptejh jiggranfa mal-mant tal-Ispirtu. “Le, le,” lissen imbikkem. “Jien m’iniex dik it-tip ta’ persuna. Jien mhux se nkun dik it-tip ta’ persuna! M’hemmx tama għalija? Nista’ nbiddel dan kollu li urejtni?”

Id l-Ispirtu tħarrket kemm kemm.

“Naħlef li nżomm il-Milied dejjem f’qalbi, tul is-sena kollha!” qal Scrooge. “Inwiegħed li nibqa’ niftakar dawn il-lezzjonijiet li l-Ispirti tawni – tal-Milied l-Imgħoddi, tal-Milied Preżenti, tal-Milied Ġejjieni. Nitolbok, għidli li nista’ nbiddel il-kliem fuq din il-lapida!”

Hekk kif kien qed jgħid dan il-kliem lill-Ispirtu, rah ibiddel il-forma ftit ftit. Il-mant u l-barnuża bdew jgħibu sakemm fl-aħħar ma baqa’ xejn ħlief is-sodda li Scrooge kien mimdud fiha.

Alla jbierek lilna lkoll!

Beda jħares madwaru, lejn il-purtieri, lejn il-lożor, lejn ħwejġu. Kollox kien f’postu, u ħadd ma kien ġie biex jeħodhom għall-bejgħ. Mela dak li ra se jiġri jista’ jitbiddel – għad kellu ċ-ċans li jagħmel b’tali mod li ma jseħħx!

Hekk kif beda jidħaq qisu miġnun beda jilgħab bi ħwejġu: jilbishom bil-maqlub, ta’ taħt fuq, jerġa’ jinża u jilbishom sew.

“Il-Milied it-tajjeb lil kulħadd,” beda jgħajjat, “U s-sena t-tajba lid-dinja kollha!”

F’dak il-mument sema’ l-qniepen tal-knejjes idoqqu. Fetaħ it-twieqi beraħ. Iċ-ċpar kien telaq u x-xemx kienet qed tisreġ fuq kollox u kulħadd.

Sejjaħ lil tifel li kien miexi fit-triq. “X’ġurnata hi llum?” staqsieh.

“X’ġurnata hi?! Illum jum il-Milied, hux!”

Mela issa kien ċert li ma kienx tilef żmien. L-Ispirti kienu tawh dawk il-viżjonijiet kollha f’lejl wieħed, u għalhekk kienet għada l-għodwa ta’ jum il-Milied. Niżel jiġri fit-triq u ta xi ftit flus lit-tifel.

“Mur għand tal-laħam u ġib l-akbar dundjan li għandu,” qallu. “Iva, l-akbar wieħed. Għidlu jiġi lura miegħek ħalli ngħidlu lil min jibagħtu – u nagħtik tletin sold!”

It-tifel tar biex jagħmel dak li qallu Scrooge. Tletin sold kienu ħafna flus, dak iż-żmien.

It-tifel malajr ġie lura, ma’ tal-laħam bid-dundjan daqsiex.

“Ibagħtu lil Bob Cratchit,” qal Scrooge lil tal-laħam. “U tgħidlux min bagħathulu. Dak id-dundjan fih id-doppju taċ-Ċkejken Tim!”

Wara li tal-laħam telaq bid-dundjan, qabel ma daħal lura f’daru, Scrooge ta ħarsa lejn il-ħabbata tal-bieb. “Ħabbata sabiħa!” qal.

Scrooge qaxxar il-leħja, libes l-aħjar libsa li kellu, u ħareġ barra. Beda jsellem lil kull min jara, jixtiqilhom il-Milied it-tajjeb, u huma weġbuh lura. Mument minnhom lemaħ liż-żewġt irġiel li kienu qed jiġbru għall-foqra. Resaq lejhom u kellimhom f’widnejhom. Wiċċhom xegħel, mistagħġbin b’dak li qalilhom.

“U se nagħtihom bl-interessi wkoll!” kompla Scrooge.

Wara dan irħielha għad-dar ta’ neputih, u ċempel il-qanpiena tal-bieb.

“Jien iz-Ziju Scrooge, Fred! Ġejt għall-ikla! Nista’ nidħol?”

Dażgur li seta’ jidħol! Tant beda jagħfaslu idu li għoddu qalagħhielu! Kellhom wieħed mill-isbaħ festini, u Scrooge kompla magħhom f’kull logħba, u żfin, u għana tal-Milied.

Madankollu l-għada filgħodu xorta bakkar kmieni. Ried jaqbad lil Bob hekk kif jidħol tard fl-uffiċċju. U fil-fatt Bob ipprova jidħol inkiss inkiss biex Scrooge ma jindunax li kien daħal kwarta tard. Neħħa l-kappell u x-xalpa minn ma’ għonqu, mar joqgħod fuq il-banketta tal-iskrivanija tiegħu, u beda jikteb fir-reġistri kemm jiflaħ.

Scrooge beda jgħajjat miegħu, taparsi kien irrabjat.

“X’jiġifieri tidħol ix-xogħol kwarta tard!” beda jgerger.

“Jiddispjaċini, Sur Scrooge. Imma nagħmel hekk darba fis-sena biss!”

“Dan m’iniex se nibqa’ nissaportih,” qal Scrooge, waqt li poġġielu kemxa flus f’wieħed mill-bwiet tal-ġlekk. “allura,” kompla, hekk kif poġġielu kemxa flus oħra fil-but l-ieħor, “Allura, se NŻIDLEK IL-PAGA!”

Għall-ewwel Bob ħaseb li Scrooge kien tilef skorfina. Ħares madwaru biex jara kellux ir-riga t-twila moħbija xi mkien.

Imma wiċċ Scrooge tbiddel fi tbissima. “Il-Milied it-tajjeb, Bob. Nixtieqlek Milied hieni daqskemm qatt ma xtaqtlek qabel, sieħbi! Qabbad in-nar, u ġib barmil faħam ieħor. Illum se nkunu msaħħnin kif imiss! Minn issa ’l quddiem se nibda nieħu ħsieb il-familja tiegħek u liċ-Ċkejken Tim, u norganizzaw xi ħaġa speċjali llejla biex niċċelebraw!”

Fil-fatt Scrooge għamel ħafna aktar milli wiegħed. U sar qisu t-tieni missier għaċ-Ċkejken Tim (li ma mietx).

Minn dakinhar Scrooge sar l-aqwa ħabib, l-aqwa mgħallem li qatt kellha Londra.

Ma baqax jara spirti. Imma kienu jgħidu li dejjem kien jispikka f’imġiebtu speċjalment fi żmien il-Milied.

Jalla dan ikun minnu għal kulħadd! Bħalma jħobb jgħid iċ-Ċkejken Tim, “Alla jbierek lilna lkoll!”

***** ***** TMIEM ***** *****

Noti

Ħmistax-il xelin: Madwar €52 ta’ llum. Xelin kien munita antika fl-Ingilterra u xi pajjiżi oħra. [Lura]

Ir-Reġina Vittorja: Saret reġina tal-Ingilterra fl-1837, sakemm mietet fl-1901. [Lura]

Robinson Crusoe: Personaġġ fir-rumanz bl-istess isem ta’ Daniel Defoe. [Lura]

Sold: Madwar 35 ewroċenteżmu. Sold kien munita antika fl-Ingilterra u xi pajjiżi oħra. Tnax-il sold kienu jagħmlu xelin. Tletin sold (żewġ xelini u nofs) jiġu ftit aktar minn għaxar ewro. [Lura]

Stuta: Speċi ta’ lembut li jużawh biex jitfu x-xemgħat bih. [Lura]