Avventura ta’ Sherlock Holmes
Kitba oriġinali ta’ Sir Arthur Conan Doyle (Ingliż, 1859-1930)
Adattament għall-Malti ta’ Norman C. Borg
© Norman C. Borg
1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 | 9 | 10
***** ***** 1 ***** *****
Il-ħabib tiegħi Sherlock Holmes ta’ spiss kien ikun involut f’każijiet strambi ta’ investigazzjoni kriminali, imma l-ebda minnhom ma hi stramba daqs din li se nirrakkonta hawn.
Bdiet b’mod sempliċi għodwa waħda fl-aħħar ta’ Settembru 1890, meta żortu fl-appartament tiegħu f’Baker Street f’Londra. Kellu f’idejh dokument kemxejn qadim. Il-karta kienet kollha sfaret biż-żmien, u kellha d-data ‘Baskerville Hall 1742’. Qalli li kien ħallihielu ċertu James Mortimer biex jaqraha.
“Huwa tabib bħalek, Watson,” qalli, “u ġej ikellimni llejla.” Qrajna d-dokument flimkien. Kien dwar saħta li kienet waqgħet fuq il-familja Baskerville, u kif kienet bdiet.
Ħafna żmien ilu, Baskerville Hall, villa kbira li kienet maġenb Baskerville Moor, kienet il-proprjetà ta’ raġel ta’ qalb iebsa, Sir Hugo Baskerville. Kien ħa grazzja mat-tifla ta’ bidwi li kien jgħix ftit mili ’l bogħod mill-villa, fuq in-naħa l-oħra tax-xagħra. Madankollu t-tfajla kienet taf x’karattru kellu Hugo, u ma riedet ikollha x’taqsam xejn miegħu.
Darba, meta Hugo kien jaf li t-tfajla kienet waħedha fir-razzett waqt li missierha u ħutha kienu marru qadja fir-raħal qrib, mar ma’ xi ħbieb tiegħu, ħatafha u ħadha f’Baskerville Hall, fejn għalaqha f’kamra fit-tieni sular. Imsakkra hemm ġew, imwerwra, bdiet tisma’ l-kant u d-daħq ta’ Hugo u sħabu, li kienu qed jiddevertu isfel. Fetħet it-tieqa tal-kamra, bdiet tixxabbat mal-ħajt, u rnexxielha tinżel, u telqet tiġri kemm tiflaħ ’il bogħod mill-villa. Ġriet lejn ix-xagħra, li dak il-waqt kienet imdawla bir-raġġi tal-qamar.
Hugo ndanna malli ntebaħ li kienet ħarbet. Fis-sakra kif kien ħalef li jbiegħ ġismu u ruħu jekk jirnexxilu jerġa’ jaqbad lit-tfajla. Anki sħabu stess beżgħu minnu malli rawh f’dik il-burdata.
Hugo ġera lejn l-istalel fejn kellu ż-żwiemel u l-klieb tal-kaċċa. Ħalla l-klieb jiġru għal rashom, rikeb wieħed miż-żwiemel, u rħielha lejn ix-xagħra jfittex lit-tfajla.
Sħabu damu ftit sakemm ġew f’tagħhom, u uħud minnhom qatgħuha li jmorru warajh. Qabdu ż-żwiemel tagħhom u telqu jfittxu lil Hugo u lit-tfajla bit-tama li jżommuh milli jagħmel xi storja.
Imxew madwar xi żewġ mili qabel ma sabu ragħaj f’nofs ix-xagħra. Wiċċu kien abjad karti, u dam ftit qabel ma seta’ jgħidilhom x’kien ra. “Hugo Baskerville għadda bilġri minn ħdejja, riekeb iż-żiemel tiegħu. Warajh kien qed jiġri kelb enormi u ikrah qisu ħiereġ mill-infern!”
Komplew sejrin, u ftit ħin wara semgħu il-passi ta’ żiemel riesaq lejhom. Tfaċċa ż-żiemel ta’ Hugo, bla nifs u bir-ragħwa f’ħalqu. Imma Hugo ma kien jidher imkien.
Issa bdew jibżgħu, u bdew mixjin biż-żwiemel imħaddnin ma’ xulxin. Fl-aħħar sabu wkoll il-klieb tal-kaċċa ta’ Hugo. Kienu mgezzin ma’ xulxin, imwerwrin.
Ftit metri ’l bogħod sabu l-ġisem tat-tfajla, mejta. maġenbha kien hemm il-ġisem mejjet ta’ Hugo Baskerville, u fuqu raw wieqfa l-forma sewda faħma ta’ ħlejqa kbira, li kienet qed iċċarat il-ġisem ta’ Hugo b’ħalqha. Mument minnhom waqfet u tellgħet rasha lejhom, b’għajnejn jiddu ħomor nar u bżieq u demm iqattar minn ħalqha.
Demmhom kesaħ silġ u minnufih dawru ż-żwiemel tagħhom u lebbtu lil hinn minn hemm b’kemm kellhom saħħa.
Minn dak iż-żmien, is-Saħta tal-Baskerville għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra, hekk kif missier u iben, wieħed wara l-ieħor, mietu jew f’xi inċidenti vjolenti jew b’xi diżgrazzja oħra. Nies li jmorru f’dawk l-inħawi huma dejjem avżati biex waqt il-lejl ma jmorrux fuq ix-xagħra fejn il-kelb mill-infern għadu jgħasses il-post.
Dan kien it-tmiem tad-dokument li qrajt ma’ Holmes.
***** ***** 2 ***** *****
Meta wasal Dr Mortimer, Holmes tah id-dokument lura, u qallu li ħrejjef ma kinux jinteressawh.
“Ħu ftit paċenzja bija, Sur Holmes,” qal Mortimer. “Kien importanti li tkun taf dwar dik l-istorja qabel ma ngħidlek x’ġara lill-aħħar dixxendent tal-familja Baskerville: il-ħabib tiegħi Charles Baskerville, li miet tliet xhur ilu.”
Kompla jgħidilna li fil-ġimgħat qabel ma miet, l-imġiba ta’ Sir Charles Baskerville bdiet titbiddel. Kien sar konvint li s-saħta tal-kelb kienet se taqa’ fuqu wkoll. Ma riedx joħroġ aktar fix-xagħra billejl, u l-ħin kollu jsaqsi lin-nies kinux raw xi annimal stramb jew semgħux il-ħsejjes ta’ xi kelb jingħi. Mortimer kompla jgħidilna li Sir Charles kellu kumplikazzjoni f'qalbu, u din l-imġiba kienet qed tgħarraqlu saħħtu aktar. Beda dejjem jagħmel l-istess ħaġa: joħroġ barra sar-rixtellu tal-proprjetà tiegħu, imma qatt ma joħroġ lil hinn minn hemm.
Darba f’Ġunju, is-seftur tiegħu Barrymore sabu tulu fl-art, mejjet, ħdejn ir-rixtellu. Fl-art kienu jidhru żewġ settijiet ta’ passi, ta’ Sir Charles u ta’ Barrymore. Fejn instab il-ġisem ta’ Sir Charles kien jidher bħallikieku kien qiegħed jimxi fuq il-ponot ta’ saqajh.
“Barrymore sejjaħli biex neżamina l-ġisem,” kompla Mortimer. “Ma kellu l-ebda marka ta’ vjolenza, l-ebda ferita fuqu, imma kellu ħarsa mwerwra fuq wiċċu. Wara stajt naċċerta li miet b’attakk ta’ qalb. Barrymore qalli li ma kienx hemm marki oħra fl-art madwar il-kadavru, imma jien ilmaħt xi marki ftit metri ’l bogħod, qabel ma laħqu għebu minħabba x-xita li kienet qed tagħmel.”
Holmes issa kien qed iħares lejn Mortimer b’aktar interess. “Marki ta’ saqajn?” staqsieh.
“Iva.”
“Ta’ mara jew ta’ raġel?”
Mortimer ħares lejna b’mod stramb, u leħnu tbaxxa taħt l-ilsien hekk kif wieġeb, “Sur Holmes, kienu l-passi ta’ annimal kbir.”
Demmi kesaħ malli smajtu jgħid dan il-kliem.
Holmes ħares lejja. “Dr Mortimer, xi tridni nagħmel eżatt?”
“Nixtieq ittini parir. Daqs siegħa oħra Sir Henry Baskerville se jasal Londra mill-Kanada. Huwa t-tifel ta’ ħu Sir Charles iż-żgħir, u l-aħħar mill-familja Baskerville.” Kompla jispjega li ħu Sir Charles, Rodger, kien miet b’marda l-Brażil xi ftit snin qabel. Rodger kien dixxendent dirett ta’ Sir Hugo Baskerville tal-leġġenda.
“Fl-opinjoni tiegħek, Sur Holmes, taħseb li Sir Henry jkun fil-periklu jekk jiġi Dartmoor? Aħna nixtiquh jiġi ħalli jkun jista’ jkompli x-xogħol filantropiku li Sir Charles ilu jagħmel fil-komunità tagħna.”
“Nagħtik parir iġġib lil Sir Henry hawn ħalli nkellmuh. Mistoqsija waħda,” kompla Holmes. “Għidt li bosta nies lemħu lill-kelb qabel ma miet Sir Charles. Imma hemm xi ħadd li ra l-kelb wara?”
“Le,” wieġeb Mortimer.
Meta Mortimer telaq, dort fuq Holmes u staqsejtu x’ħaseb dwar il-fatt li Sir Charles kien qed jimxi fuq il-ponot ta’ saqajh.
“Dik ħmerija,” wieġeb Holmes. “Dak ma kienx miexi bil-mod. Dak kien qed jiġri, jaħrab. Imma minn min – jew minn xiex – kien qed jaħrab? Dik hija l-problema li rridu nsolvu.
***** ***** 3 ***** *****
Wara nofsinhar Mortimer reġa’ ġie, u ġab miegħu lil Sir Henry. Kien raġel ta’ madwar tletin sena, twil u mibni sew.
Sir Henry baqa’ kwiet u jisma’ b’attenzjoni kbira hekk kif Mortimer irrakkuntalu l-istorja tas-Saħta tal-Baskerville. Wara qal b’leħen sod li l-ebda xitan u l-ebda bniedem ma kien se żjommu milli jmur joqgħod Baskerville Hall.
“Mela kollox sew,” lissen Holmes, “Ftehmna x’għandu jsir. Imma, Sir Henry, nixtieq li Dr Watson, hawn, imur magħkom.”
Holmes kellu jibqa’ wara għax kellu bżonn jagħlaq każ importanti, waqt li jien, Dr Mortimer u Sir Henry qbadna l-ferrovija għal Devon. Il-vjaġġ kien wieħed komdu u sabiħ, u sakemm wasalna kont drajt sew il-kumpanija kemm ta’ Dr Mortimer kif ukoll ta’ Sir Henry.
Malli wasalna f’raħal żgħir f’Devon sibna karozzin qed jistenniena, u li wassalna sa tarf ix-xagħra. Kien inżul ix-xemx, u kien hemm żiffa kiesħa xxoqq il-għadam. Bqajna siktin hekk kif għaddejna maġenb dik l-art għerija, kollha blat u siġar mgħawġin u mingħajr weraq.
F’daqqa waħda l-kuċċier ipponta fil-bogħod, u stajna naraw bini kbir. “Baskerville Hall,” lissen. Ftit minuti wara lħaqna r-rixtellu l-kbir. Wara r-rixtellu kien hemm triq wiesgħa, b’siġar fuq kull naħa, li wasslitna sa Baskerville Hall.
Is-seftur Barrymore laqagħna fil-bieb, u l-kuċċier wassal lil Mortimer f’daru.
Il-villa minn ġewwa rajtha mudlama wisq, tant li ġġiblek swied il-qalb. “Ma tidhirx ferrieħa ħafna,” qal Sir Henry. Kilna u morna dritt nistrieħu għal-lejl.
Meta ħarist ’il barra mit-tieqa ta’ kamarti, sibt li x-xagħra kienet faċċata, fil-bogħod. Kienet tidher sewda, bierda u ma tiġbdek xejn. F’dak is-skiet u b’dik il-burdata, domt ħafna qabel ma għajni marret bija.
L-għada filgħodu ma tlugħ ix-xemx, waqt il-kolazzjon, kemm jien kif ukoll Sir Henry konna f’burdata ħafna aħjar. Wara l-kolazzjon Sir Henry kellu xi qadjiet x’jagħmel, għalhekk tlaqt għal rasi u bdejt miexi mat-tarf tax-xagħra. Naħseb kont imxejt madwar tliet mili meta smajt lil xi ħadd isejjaħli b’ismi. Rajt raġel riesaq lejja, ta’ bejn it-tletin u l-erbgħin sena, armat b’xibka tal-friefet u kaxxa.
Qalli li kien jismu Jack Stapleton, u li Dr Mortimer kien semmieni. “Ix-xagħra nħobbha wisq,” qalli. “Imma ili ngħix hawn dawn l-aħħar sentejn biss.”
Waqt li komplejna niċċaċċraw, smajna karba ġejja minn xi mkien fi-xagħra. Demmi kesaħ malli smajtha, imma Stapleton baqa’ kalm. “Naħseb li xi poni nqabad fl-għadajjar,” qal. Fil-fatt fil-bogħod tassew ilmaħt poni jissara fit-tajn. Ftit ftit, kien qiegħed jegħreq fl-għadira. Waqt li kompla jingħi beda jagħti b’rasu , iżda aktar ma jissara, aktar beda nieżel ’l isfel, sakemm għeb għal kollox.
“Dawk l-għadajjar mhuma sbieħ xejn,” qalli Stapleton bil-mod. “Naf ngħaddi bejniethom biex nilħaq il-post fejn nista’ naqbad il-friefet. Imma nagħtik parir, jekk inti ġdid f’dawn l-inħawi, tersaqx lejhom, għax ma trid xejn biex tinqabad u l-art tibilgħek.” Għal ftit sekondi bqajna nħarsu ’l fejn il-poni kien sparixxa, imma ma ċċaqlaq xejn aktar, għajr par ċawlun fuq blata. F’daqqa waħda nstemgħet karba oħra, aktar ħoxna u itwal.
“Alla magħna! Dak x’kien?” lissint jien minn taħt l-ilsien.
Stapleton ħares lejja b’wiċċ qares. “Jgħidu li huwa l-kelb tal-Baskerville qed isejjaħ lill-vittmi tiegħu. Smajtha drabi oħra, imma mhux daqshekk qawwija.”
Bdejt inħares madwari, kważi nirtogħod, imma Stapleton xorta żamm il-kalma tiegħu. Wara li qalli li xtaq xi darba jiltaqa’ ma’ Sir Henry, Stapleton sellimli u telaq fi triqtu lejn ir-razzett fejn kien joqgħod.
Il-mewt tal-poni u dik il-karba misterjuża kexkxuni sew, u meta mort lura f’Baskerville Hall kont għadni ftit inkwetat.
L-għada filgħodu Stapleton ġie biex jiltaqa’ ma’ Sir Henry. Stapleton deher ħerqan ħafna biex jitħabbeb ma’ Sir Henry. Ħadna fuq ix-xagħra, u uriena l-post fejn, skont il-leġġenda, kienu jgħidu li kien miet Sir Hugo Baskerville. Kien post ikrah mhux bil-ftit.
***** ***** 4 ***** *****
L-għada filgħodu jien u Sir Henry morna sar-raħal ta’ Grimpen, fejn kien joqgħod Dr Mortimer. Għaddejna ftit żmien miegħu, u kien qed jidlam meta tlaqna biex immorru lura Baskerville Hall. Aħna u sejrin lura, Sir Henry beda jiċċajta dwar kif il-leġenda kienet twissi lil dawk kollha tal-familja ta’ Baskerville biex qatt ma jaqsmu x-xagħra billejl. Imma malli qal dan reġgħet dwiet f’dak id-dlam dik il-karba li kont smajt meta kont ma’ Stapleton.
“Sur Watson, dak kien kelb, żgur!” lissen Mortimer. Minn leħnu stajt nara li kien ftit imbeżża’. “Ħaġa waħda toqgħod tiċċajta dwarha meta tkun għall-kenn f’Londra, imma mhux faċli ma tħossx xi ħaġa meta tismagħha hawn fil-beraħ u fid-dlam. Qed inħoss ħafna bard. Taħseb li tassew nista’ nkun fil-periklu?”
M’għidtlu xejn imma minnufih qbadtu minn driegħu u għaġġiltu lejn Baskerville Hall. Aħna u mixjin tajt daqqa t’għajn ’il fuq. Kontra l-isfond tas-sema qed jidlam, ilmaħt id-dell iswed ta’ blata kbira, u d-dell ta’ raġel fuqha, wieqaf. Stħajjiltu kien qed iħares dritt lejna. Għajta ħarġitli minn griżmejja hekk kif ippuntajt lejn dak id-dell u għafast driegħ Sir Henry. Imma sakemm Sir Henry dawwar għajnejh lejn fejn kont qed nipponta, id-dell għeb għal kollox. Madankollu kont ċert li rajt lil xi ħadd hemmhekk, f’nofs ix-xagħra. U Barrymore aktar tard tani raġun.
Meta wasalna f’Baskerville Hall, sibt lis-seftur qed jistenniena. Qalilna li raġel kien qed jistaħba xi mkien qalb ix-xagħra, f’waħda mill-għarajjex tal-ġebel li kienu mitluqin hemm. Malli staqsejtu kif kien jaf b’dan qalli li tifel mir-raħal kien jeħodlu l-ikel kull filgħodu.
Barrymore kien jidher inkwetat. Qal li x-xagħra kienet diġà tal-biża’ kif kienet; raġel misterjuż moħbi u josserva lin-nies kien jonqosha! Milli jidher kemm jien u kemm Barrymore konna qed naħsbu l-istess ħaġa. Tgħid dak ir-raġel kellu x’jaqsam mal-biċċa tal-kelb? It-tnejn li aħna konna inkwetati minħabba Sir Henry.
Qtajtha li l-għada wara nofsinhar immur niċċekkja, u ħadt il-pistola miegħi. Bil-qajla qsamt ix-xagħra lejn ir-raħal ta’ Black Tor, fejn kienu jinsabu l-parti l-kbira ta’ l-għarajjex mitluqin. Bdejt nidħol fihom waħda waħda, sakemm fl-aħħar sibt waħda fejn kien hemm xi gvieret, barmil ilma, xi laned tal-ikel vojta, ikel ieħor u flixkun brandy. Kien jidher ċar li xi ħadd kien qiegħed joqgħod hemm. U issa kont ċert li din kienet il-moħba tar-raġel il-misterjuż.
Issa kien tard waranofsinhar. Qgħadt bilqiegħda nistenna. Kienet għaddiet xi siegħa meta barra l-għarix smajt il-passi ta’ xi ħadd qed joqrob. Tgezzizt fl-iktar rokna mudlama li kien hemm, u lestejt il-pistola f’idi.
Il-persuna waqfet barra l-bieb miftuħ, u kien hemm ftit sekondi ta’ skiet perfett. U mbagħad smajt, “Għax ma toħroġx hawn barra, Watson? Hawn ftit żiffa ħelwa!”
Għal mument ma stajtx nemmen dak li smajt.
“Holmes!” għajjatt.
***** ***** 5 ***** *****
“Ejja, oħroġ. U oqgħod attent b’dik il-pistola!”
Nammetti li ħadt ir-ruħ meta rajtu. Spjegali li ried li kulħadd jaħsbu għadu Londra, jien inkluż. Fil-fatt kien segwa lili u lil Mortimer fit-tren ta’ wara. U mbagħad malli wasal mar minnufih jistaħba fix-xagħra biex josserva u jistenna.
Wara dan Holmes saqsieni x’kont sirt naf, x’kont għamilt, fejn kont mort u ma’ min iltqajt. Baqa’ jisma’ b’attenzjoni kbira, u meta semmejt lil Stapleton waqqafni.
“Dak ir-raġel mhux gustuż daqs kemm jidher,” qalli.
“X’jiġifieri?”
“B’dak il-wiċċ ħelu u daħqani tiegħu qed jippjana omiċidju,” wieġeb Holmes, “Omiċidju kiesaħ u biered. Għad ma nistax nispjegalek id-dettalji kollha għal issa, imma bil-pjanijiet tiegħi dalwaqt se nkun nista’ naqbdu; kif tiegħu qed jersqu lejn Sir Henry. Qed nibża’ li forsi l-pjanijiet tiegħu jilħaq iwettaqhom qabel. Fi żmien ġurnata jew tnejn ikolli l-provi kollha li għandi bżonn.”
Qalli li issa ma kienx hemm għalfejn jibqa’ mistoħbi, u rħejnilha t-tnejn lejn Baskerville Hall. Sir Henry kien kuntent ħafna meta ra lil Sherlock Holmes.
“Kif inhu sejjer il-każ, Sur Holmes? Qbadt xi tarf?”
Holmes wieġbu li kien se jsolvi l-każ f’qasir żmien jekk hu, Sir Henry, jagħmel eżatt kif jgħidlu, mingħajr ma jsaqsi mistoqsijiet. Sir Henry wegħdu li jagħmel kif jgħidlu. Wara dan tela’ f’kamartu.
Wara li Sir Henry telaq, Holmes talabni mmur miegħu fil-kamra tal-ikel. Fuq il-ħitan kien hemm il-kwadri tal-ġenerazzjonijiet kollha tal-familja Baskerville, li kienu jmorru lura xi tliet mitt sena. Holmes beda josservahom kollha, wieħed wieħed. Malli lesta, qabad lampa u mar fuq kwadru partikulari. Kien il-kwadru ta’ raġel liebes bellus iswed u bizzilla – il-kwadru ta’ Sir Hugo, li kien beda din il-ġrajja kollha.
“Ħares lejh, Watson,” qalli.
Jien hekk għamilt. Osservajt ix-xofftejn irqaq u l-ħarsa serja ta’ Sir Hugo.
“Iss’ erġa’ ħares!” qalli.
Tela’ bil-wieqfa fuq siġġu biex jilħaq il-kwadru. Poġġa idu biex jgħatti l-kappell ta’ Sir Hugo u x-xagħar innukklat. Issa stajt nara l-wiċċ biss.
Mall-ewwel intbaħt x’kien qed jara Holmes, u bqajt mistagħġeb. Il-fattizzi ta’ Sir Hugo kienu talekwali dawk tar-raġel li konna nafu bħala Stapleton.
“Dak Stapleton!” għidt mistagħġeb.
***** ***** 6 ***** *****
Holmes tbissem. “Kollu kemm hu. Nissuspetta li Stapleton mill-familja tal-Baskerville ukoll. Għalissa nistgħu biss nobsru għala huwa għadu ta’ Sir Henry. Ma jimpurtax. Għada filgħaxija biħsiebni nwaqqgħu f’nasba. Għal issa lil Sir Henry tgħidlu xejn.”
Holmes bakkar kmieni l-għada filgħodu, u kien jidher li kien f’burdata tajba. Sar jaf li Stapleton kien stieden lil Sir Henry biex imur għandu dakinhar filgħaxija. Staqsiena ridniex immorru miegħu.
“Jiddispjaċini ma nistgħux,” wieġbu Holmes pront pront. “Jien u Watson għandna xi xogħol importanti x’nagħmlu Londra.”
Din ma kontx naf biha jien, imma żammejt ħalqi magħluq. Sir Henry deher ftit diżappuntat. “Nixtieq niġi Londra magħkom.”
“Le. Inti ibqa’ hawn,” kompla Holmes. “Ftakar li wegħidtni li ssegwi l-istruzzjonijiet li nagħtik mingħajr mistoqsijiet. Irridek tmur għand Stapleton illejla kif ippjanat. Wara ż-żjara aqsam ix-xagħra biex tmur id-dar, u kun ċert li tgħid x’biħsiebek tagħmel lil Stapleton qabel ma titlaq.”
“Iva, imma Sur Holmes, dak huwa eżatt x’għidtli ma nagħmilx!” wieġeb Sir Henry, kemxejn konfuż.
“Ħu paċenzja, afdani,” kompla Holmes. “Din id-darba tista’ tagħmilha mingħajr periklu ta’ xejn. Nammetti li jeħtieġ ikollok ftit kuraġġ, imma kun żgur li ma titbiegħedx mir-rotta bejn id-dar ta’ Stapleton u r-raħal ta’ Grimpen. Jiġri x’jiġri, żomm dik ir-rotta.” Jien kont konfuż daqs Sir Henry b’dan kollu, imma rġajt m’għidt xejn.
Ftit sigħat wara tlaqna Baskervill Hall għall-istazzjoni tal-ferrovija. Malli wasalna, Holmes qal lill-kuċċier li seta’ jitlaq, u malli telaq Holmes dar lejja.
“Watson, m’aħna sejrin imkien,” qalli.
Parti mill-pjan tiegħu kien li jagħti lil Stapleton x’jifhem li aħna konna Londra. B’hekk kien iħossu ħieles biex jattakka lil Sir Henry. Dan kien eżatt dak li Holmes riedu jagħmel. Ma kontx kompletament sorpriż b’dan, għaliex Holmes qatt ma kien iħobb jispjega l-pjanijiet tiegħu bl-eżatt lil ħadd, inkluż jien.
Għalhekk, biex jgħaddi l-ħin, morna f’ristorant għall-kolazzjon. Holmes kellu xi ritratti, kopji ta’ dokumenti minn xhieda differenti u xi karti oħra. Kollha kienu provi li Stapleton kien uża ismijiet differenti tul ħajtu, f’postijiet differenti l-Ingilterra.
Wara l-ikla Holmes kera karozzin u kuċċier. Sa issa kien għadu ma qallix x’kien biħsiebu jagħmel, jew x’kelli nistenna li jiġri. Sadattant kien dalam, u billi kien hemm il-kuċċier magħna Holmes ma setax jispjegali aktar. Sakemm wasalna x-xagħra qalbi bdiet tħabbat sitta sitta.
Il-kuċċier wassalna sa Baskerville Hall, u Holmes beda miexi lejn id-direzzjoni tar-razzett ta’ Stapleton. It-triq rajtha twila. Lejn l-għadira ta’ Grimpen kien hemm ċpar oħxon. Holmes waqaf madwar mitejn metru mir-razzett ta’ Stapleton.
“Hawnhekk tajjeb,” lissen minn taħt l-ilsien. “Nistgħu nistaħbew wara dawk il-blat.”
***** ***** 7 ***** *****
Staħbejna wara l-blat, imma għalkemm stajna naraw ir-razzett konna ’l bogħod wisq biex naraw x’kien qed jiġri ġewwa.
Wara xi ftit minuti Holmes talabni nersaq aktar viċin inkiss inkiss ħalli nipprova nara Stapleton u Sir Henry x’kienu qed jagħmlu. Sibt tieqa bil-purtieri ftit miftuħin, u ġewwa lmaħt lit-tnejn qegħdin jieklu. Stapleton kien qed jitkellem. Wiċċ Sir Henry kien jidher abjad karti. Forsi kien għadu qed jinkwieta dwar il-mixja li kellu jagħmel wara kif kien qallu Holmes.
Mument minnhom, Stapleton qam u ħareġ mill-kamra. Rajtu ħiereġ mir-razzett u jerħilha lejn gabbana żgħira fir-rokna tal-ġnien. Bdejt nisma’ xi ħsejjes minn hemm ġew, għalkemm ma stajt nara xejn. Ftit wara ħareġ, sakkar il-gabbana u reġa’ daħal ir-razzett u ħdejn Sir Henry. Mort bil-mod lura ħdejn Holmes u għidtlu dak li rajt.
Sadattant iċ-ċpar li rajna fuq l-għadira ta’ Grimpen kien qed jersaq lejna bil-qajla. Dan m’għoġobx lil Holmes. “Riesaq lejna, Watson. Din biċċa serja. Hemm bżonn li Sir Henry jitlaq issa qabel maċ-ċpar jilħqu fi triqtu lura. Hija kwistjoni ta’ ħajja jew mewt. M’għandux għax jitnikker aktar, saru kważi l-għaxra.”
Kull minuta li bqajna nistennew, iċ-ċpar baqa’ jersaq lejna, u kien kważi qed imiss xifer ir-razzett ta’ Stapleton. Bil-mod-il-mod beda jdur madwar is-siġar.
“Jekk ma joħroġx minnufih se nitilfuh,” lissen Holmes. “Aħjar nimxu lura u nsibu post aktar għoli.”
Sadattant iċ-ċpar kien għadu qed jersaq lejna. Holmes niżel għarkopptejh u poġġa widintu mal-art. “Naħseb qed nisimgħu ġej.”
Jien ukoll bdejt nisimgħu. Tgezzizna aktar mal-blat u ppruvajna naraw xi ħaġa f’dak iċ-ċpar. Smajna xi passi joqorbu lejna, u Sir Henry tfaċċa minn ġo ċ-ċpar, jimxi b’pass mgħaġġel. Għadda minn ħdejna, kull ftit sekondi jħares lura, qisu bniedem imbeżża’.
“Watson!” għajjat Holmes, “Ġej!”
Xi ftit metri ’l bogħod minn fejn konna forma kbira tfaċċat minn qalb iċ-ċpar. Jien qmost bil-wieqfa bil-qatgħa. Kien kelb; kelb enormi iswed. Ħalqu u għajnejh kien qed jiddu b’dija stramba imma qawwija. Qatt ma kont rajt ħaġa simili. B’passi twal u mgħaġġla, l-annimal kompla miexi wara Sir Henry. Tant konna xxukkjati li ħallejnih jgħaddi minn ħdejna qabel ma ġejna f’tagħna. Ħriġna l-pistoli tagħna, u sparajna flimkien.
Instemgħet karba qawwija, imma l-kelb ma waqqafx il-ġirja tiegħu.
Malli sema’ l-isparaturi Sir Henry waqaf u dar lura biex jara x’kien qed jiġri. Baqa’ jħares imwerwer lejn dik il-ħlejqa li kienet qed toqrob bilġri lejh.
Madankollu l-karba tal-annimal, wara l-isparaturi tagħna, urietna biċ-ċar li kien annimal ħaj, mhux xi spirtu ta’ barra minn hawn. Holmes telaq jiġri wara l-kelb. Smajna l-għajjat ta’ Sir Henry. Il-bhima kienet sabbtitu mal-art, b’geddumha miftuħ beraħ biex taħtfu minn għonqu. Holmes spara lejn l-annimal ħames darbiet oħra. Fl-aħħar il-kelb inqaleb fuq dahru, fajjar saqajh fl-arja għal xi ftit, u mbagħad waqaf għal kollox. Jien ersaqt lejh bil-mod, bil-pistola tiegħi ippuntata lejh, imma l-kelb kien mejjet.
***** ***** 8 ***** *****
Sadattant Sir Henry kien intilef minn sensieh. Tebqet għajnejh kienu qed jirtogħdu, u tajtu belgħa brandy biex jiġi f’tiegħu.
“Dak x’kien!” qal imbellah malli seta’ jieħu nifs regolari.
“Kien x’kien, issa mejjet,” qal Holmes xott xott. “Il-fantażma tal-familja issa qridnieh għal kollox.”
Konna mistagħġbin bil-kobor tal-annimal. Kien jidher sew li kien taħlita ta’ razez, mhux razza pura, u kien kbir daqs iljun żgħir. Rasu u l-ġogi kienu qed jiddu b’dawl ħadrani. Poġġejt idi fuq rasu, u malli neħħejtha rajt li idi wkoll kienet qed tiddi aħdar.
“Fosfru,” għidt.
“U ppreparat sew,” kompla Holmes.
Konna ċerti li l-isparaturi kienu gerrxu lil Stapleton, li issa kien jaf li l-pjan tiegħu kien mar il-baħar. It-tlieta li aħna morna lura r-razzett tiegħu, u bdejna ngħarbluh kamra kamra, imma lilu ma sibniehx hemm. Holmes kien ippjana tajjeb, għax l-uniku mod li Stapleton seta’ jaħrab issa kien mill-għadira ta’ Grimpen. Billi kien se jkun diffiċli li nsibuh fiċ-ċpar, morna lura Baskerville Hall. Aħna u sejrin, Holmes spjega lil Sir Henry kif Stapleton kien ippjana li joqtlu.
***** ***** 9 ***** *****
L-għada filgħodu Dr Mortimer mexxiena ’l barra mill-għadira ta’ Grimpen. Mhux darba nżilna fit-tajn sa rkobbtejna sakemm qsamna minn hemm. Stajna naraw il-marki ta’ xi ħadd li kien għadda minn hemm qabilna, u ftit aktar ’il quddiem sibna l-kappell ta’ Stapleton, li x’aktarx kien tilef waqt li kien qed jaħrab lejliet qalb iċ-ċpar. Dak kien l-aħħar sinjal li rajna, tiegħu. Minn dak li stajna naraw, it-tajn tal-għadira kien x’aktarx ħatfu, ġibdu ’l isfel u belgħu għal kollox.
F’gabbana qadima, sibna wkoll katina kemxejn ħoxna, ftit għadam imgerrmin, u landa bil-fosfru li Stapleton kien uża biex jidlek lill-kelb bih. Issa konna ċerti li kien dan li kkawża l-attakk ta’ qalb lil Sir Charles.
Stapleton ma kienx azzarda jżomm lill-kelb f’daru, ħlief f’dawk il-waqtiet meta ried jattakka lil Sir Charles u lil Sir Henry. Għalkemm seta’ jżommu moħbi, ma kienx faċli jżommu milli jagħmel l-istorbju.
Biss kien għad hemm xi dettalji li għalija kienu misteru. Fi treqitna lura lejn Londra, fuq it-tren, Holmes beda jispjegali.
Stapleton kien tassew mill-familja ta’ Baskerville. Din kienet xi ħaġa li fil-bidu ma bsarniex, għax Dr Mortimer kien qalilna li Sir Henry kien l-aħħar Baskerville.
Imma fil-fatt ma kienx hekk. Rodger, ħu Sir Henry, ma kienx miet b’marda fil-Brażil. Anzi, kien iżżewweġ u kellu tifel, li semma Rodger bħalu. Kien dan it-tifel li aktar ’il quddiem sirna nafu bħala Stapleton.
Meta Stapleton kien ġie l-Ingilterra kien sar jaf li persuna jew tnejn biss kienu bejnu u bejn l-eredità tal-patrimonju tal-familja Baskerville.
Għall-ewwel ma kellux pjanijiet ċari. L-ewwel ħaġa li għamel kien li sab post fejn joqgħod viċin Baskerville Hall. Wara dan ra kif jagħmel biex jitħabbeb ma’ Sir Charles.
Kien hawn li Stapleton tgħallem dwar is-Saħta tal-Baskerville, u bil-mod-il-mod bdiet tiġih l-idea kif ikun jista’ jużaha favurih. Barra minn hekk, minn Dr Mortimer kien sar jaf li Sir Charles kellu problemi b’qalbu, u li l-qagħda tiegħu kienet dgħajfa. Seta’ faċilment jobsor li qatgħa setgħet twaqqaflu qalbu ħesrem. F’Londra xtara l-ikbar u l-aktar kelb salvaġġ li seta’ jsib, fost il-bejjiegħa ta’ klieb tal-ġlied.
Nistgħu nimmaġinaw kemm-il darba Stapleton qgħad jistenna, bil-kelb, f’dak id-dlam, biex igerrxu fuq Sir Charles. Darba minnhom sab l-okkażjoni, waqt li Sir Charles kien qed jippassiġġa fl-inħawi, u telaq lill-kelb għal fuqu. Qalb Sir Charles ma felħitx u waqa’ mejjet. Stapleton ħa l-kelb lura fil-moħba tiegħu.
X’aktarx li Stapleton kien għadu ma jafx li fil-fatt kien hemm eredi ieħor fil-familja Baskerville, u li kien ġej mill-Kanada. Din żgur kienet ħaġa mhix mistennija, għax kellu jerġa’ jippjana mewt oħra.
Sa dak il-waqt li jien kont sibt lil Holmes mistoħbi fl-għarajjex, Holmes kien diġà fehem il-parti l-kbira tal-biċċa, u li Stapleton kien ħati ta’ kollox. Kien basar ukoll li l-aħjar mezz kien li jaqbad lil Stapleton fil-fatt, għax minn dak kollu li Holmes kien jaf fuqu, ma kien hemm l-ebda prova konkreta li setgħet tintuża fil-qorti. Għalhekk Holmes ma seta’ jagħmel xejn għajr li juża lil Sir Henry bħala lixka biex jaqbad lil Stapleton.
***** ***** 10 ***** *****
Ħaġa waħda biss kienet għadu mhux ċara għalija. Kieku Stapleton irnexxielu joqtol lil Sir Henry, kif kien se jkun jista’ juri li hu kien l-eredi tal-Baskerville, biex jieħu l-patrimonju mingħajr ma jinkixef? Kien ilu jgħix fl-inħawi għal madwar sentejn u l-ġirien kienu jafuh. In-nies kienu jindunaw li kien qed juża isem b’ieħor, u ż-żewġt imwiet fl-istess familja, daqshekk qrib xulxin, kienu jidhru suspettużi.
Lanqas Holmes ma seta’ jagħtini tweġiba għal dan. X’aktarx Stapleton kien jistenna ftit qabel ma jippreżenta ruħu bħala Baskerville. Forsi kien biħsiebu jmur lura l-Brażil, jistenna ftit u mbagħad b’mod uffiċjali jiddikjara lilu nnifsu bħala l-eredi tal-patrimonju tal-Baskerville. Seta’ jagħmel dan mingħajr ma kellu bżonn jiġi l-Ingilterra, u jevita li n-nies tal-post jagħrfuh.
Jien u Holmes ikkonkludejna li għal raġel ħażin u makakk bħalma kien Stapleton, xi mod kien isib żgur.
***** ***** TMIEM ***** *****
Noti:
Fosfru: Materjal kimiku abjad, imma li jarmi dija ħadranija fid-dlam. [Lura]
Xagħra: Ix-xagħra f’din l-istorja hija ambjent naturali tipiku tal-Ingilterra u l-Iskozja, fejn l-art hija ċatta, ġeneralment fil-għoli, b’ħaxix baxx u ħamrija umda minħabba x-xita li tagħmel ta’ spiss. L-għadajjar tajn huma perikolużi billi min jinqabad fihom, it-tajn jista’ jinżel bih u ma jkunx jista’ joħroġ malajr. [Lura]