Vetrina Librerija

L-Assedju l-Kbir

Sorsi varji
Adattament ta' Norman C. Borg
© Norman C. Borg

1: “Hemm bżonn neqirdu l-Ordni darba għal dejjem!” | 2: “Malta mhix se taqa’ f’idejn l-Ottomani!” | 3: Il-Bastjun ta’ Kastilja | 4: “Hemm bżonn inżommu Sant’ Iermu!” | 5: ‘Ix-Xabla tal-Iżlam’ | 6: “Jekk l-iben swielna daqshekk...” | 7: “Nagħtik biss fossa fonda!” | 8: Attakk minn tlitt ibnadi | 9: Aktar ħbit fuq Sant’ Anġlu u San Mikiel | 10: Id-Dilemma ta’ Don Garcia | 11: Mini u torrijiet | 12: Il-Qagħda fuq iż-żewġ naħat | 13. l-Imdina | 14: L-Aħħar taqbida | 15: Wara l-Assedju

***** ***** ***** ***** *****

1: “Hemm bżonn neqirdu l-Ordni darba għal dejjem!”

Lejn in-nofs tas-seklu sittax, l-Imperu Ottoman, immexxi mis-Sultan Sulejman il-Kbir, kien fl-aqwa tiegħu, u kien ikopri minn Aden, fejn il-Baħar l-Aħmar, sa Budapest, l-Ungerija, u mill-Alġerija, fl-Afrika, sal-bibien ta’ Vjenna, l-Awstrija. Iżda fil-Baħar Mediterran kien hemm lok wieħed – Malta – u għaqda ta’ suldati – il-Kavallieri ta’ San Ġwann – li kienu qed jisfidaw lis-Sultan il-ħin kollu.

Dak iż-żmien Malta kienet il-kwartier ġenerali tal-Ordni Ospedalier ta’ San Ġwann. L-Ordni kien oriġinarjament għaqda, jew fratellanza, ta’ reliġjużi. Il-membri ta’ din il-fratellanza kienu ġejjin mill-aktar familji nobbli u għonja fl-Ewropa Kristjana. Dawn il-membri kienu ġejjin minn tmien ‘Lingwi’, li kienu ta’ Kastilja u Aragona (illum parti minn Spanja), Auvergne, Provenza u Franza, l-Italja, l-Ingilterra u l-Ġermanja (għalhekk it-tmien ponot fuq is-salib simbolu tal-Ordni). Xogħolhom primarjament kien li jieħdu ħsieb morda u refuġjati. Madankollu, bħala għaqda militari, kienu jipproteġu wkoll lill-Insara minn perseguzzjoni Musulmana. Minn Malta l-Kavallieri kienu ta’ spiss jattakkaw l-iġfna merkantili tal-Imperu Ottoman bix-xwieni żgħar u ħfief tagħhom.

Minħabba d-daqs tagħhom u t-tagħbija li kienu jġorru, kien diffiċli għall-iġfna Ottomani jiżgiċċaw minn taħt idejn ix-xwieni żgħar u ħfief tal-Kavallieri. Dawk it-Torok li kienu jippruvaw jirreżistu lill-Kavallieri malajr kienu jinqatlu. Dawk li kienu jċedu kienu jispiċċaw priġunieri u lsiera, u t-tagħbija prezzjuża tagħhom kienet tispiċċa f’idejn il-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Kostantinopli kienet il-belt ewlenija tal-Imperu Ottoman, u minn hawn kien isaltan Sulejman il-Kbir. Kien magħruf bħala l-Id il-Leminija ta’ Allaħ, Il-Ħakkiem tad-Destin tal-Bnedmin, ir-Re tar-Rejiet, Imperatur tal-Lvant u tal-Punent, iċ-Ċesare Majestuż, Dell il-Mulej, u ħafna titli oħra.

Kien hawnhekk, fis-Sala tal-Kunsill tal-Palazz, li l-uffiċjali tal-Imperu kienu jippreżentaw l-ilmenti tagħhom lis-Sultan. Għal darb’ oħra għarrfuh dwar l-aktar attakk reċenti li l-Kavallieri kienu għamlu. Sulejman irċieva rapporti li l-Kavallieri kienu qed jippjanaw spedizzjoni biex jattakkaw il-Malvasja, gżira fil-Baħar Eġew li l-Imperu Ottoman kien għadu kemm jirbaħ. Rapport ieħor kien jgħid li l-Kmandant Romegas kien ħataf xini f’Alessandrija li kien fi triqtu lejn il-Mekka b’xi pellegrini, fosthom mara ta’ grad għoli li kienet il-qaddejja personali ta’ waħda min-nisa tas-Sultan. Din issa kienet priġuniera tal-Kavallieri f’Malta. F’każ ieħor il-Kavallieri attakkaw xini fi triqtu lejn Kostantinopli u li kien hemm fuqu l-gvernatur ta’ Alessandrija. F’attakk ieħor il-Kavallieri ħatfu x-xini merkantili ta’ wieħed mill-kunsilliera prinċipali tas-Sultan, u li kien fi triqtu lejn Venezja. Dan ix-xini kien mgħobbi b’ħafna teżori u oġġetti prezzjużi.

Fi kliem ieħor, l-Ordni kien qed ikun ta’ ħsara kbira lill-Imperu, mhux biss finanzjarjament imma anki fin-negozju li l-Imperu kellu ma’ bosta pajjiżi, mill-Ewropa stess sal-Lvant Nofsani. Ix-xwieni mitlufin kienu ta’ importanza kbira fihom infushom, barra mit-telf tan-nies. Roxellane, il-mara favorita tas-Sultan, minn dejjem saħqet li l-Ordni kellu jinqered, u qabel ma mietet kienet ħalliet somma kbira ta’ flus biex jintużaw għal attakk fuq Malta. Forsi issa kien il-waqt li dawk il-flus jintużaw...

Sulejman baqa’ jisma’ bil-kwiet sakemm tawh id-dettalji kollha, u fl-aħħar tkellem.

“Ilni ħafna nieħu paċenzja u nissaporti għemil il-Kavallieri. Meta keċċejthom minn Rodi kont qalbi tajba u ħallejthom jitilqu ħielsa bil-patt li ma jibqgħux iwettqu attakki bħal dawn. Imm’ issa wisq. Wasal iż-żmien li neqirdu l-Ordni darba għal dejjem minn wiċċ id-dinja. Sejħu lil Mustafà u ’l Pjalì ħalli nkellimhom.”

Mustafà Paxà kien il-kap tal-armata Ottomana, u Pjalì kien l-ammirall tal-flotta. Malli dehru quddiem is-Sultan tahom l-ordni biex jippreparaw l-eżerċtu u l-flotta għal attakk qawwi fuq Malta.

“Irridkom tattakkaw il-gżira ta’ Malta – mhux għax hija importanti fiha nnifisha, imma għax jekk jirnexxilna naħtfuha wara nkunu nistgħu nippjanaw attakki oħra fl-Ewropa. B’hekk ikollna l-bibien miftuħin għal Sqallija u l-Italja, l-Ungerija u anki l-Imperu Ġermaniż.

“Malta hija viċin ħafna ta’ Sqallija u ta’ Napli, li huma taħt idejn l-Imperatur Filippu II. Għalhekk irridkom toqogħdu attenti għaliex jista’ jittanta jibgħat għajnuna lil Malta u jattakkalkom il-flotta fil-Mediterran. Bgħatt ordni lil Dragut biex jingħaqad magħkom fl-operazzjoni. Bħalissa qiegħed fi Tripli, u għandu jilħaqkom bil-flotta tiegħu f’Malta. Is-Sultan tal-Alġerija għandu jingħaqad magħkom ukoll. Lil Dragut se naħtru bħala l-mexxej ewlieni tal-attakk, mela tagħmlu xejn qabel ma jagħtikom l-ordnijiet hu.

“U l-aħħar ħaġa: importanti li taħdmu flimkien. Insew l-ambizzjonijiet u l-piki personali ta’ bejnietkom. Hemmhekk se jkollkom skop wieħed, u tridu taħdmu flimkien. Pjalì, ibda x-xogħol fuq il-flotta: ipprepara dak li għandna diġà u ibni xwieni ġodda skont il-bżonn. Ordna wkoll il-produzzjoni ta’ kanuni ġodda. Hemm bżonn ikollna armi aktar effettivi minn dawk li kellna f’Rodi. Mustafà, inti ibda iġbor lis-suldati li għandna mifruxin mal-Imperu, u ibda ħarreġ truppi ġodda.”

B’dawn l-istruzzjonijiet l-uffiċjali tal-Imperu fis bdew il-preparamenti tagħhom. Ix-xogħol kien mgħaġġel u effiċjenti, tant li sa tmiem Frar tal-1565, kollox kien lest.

2: “Malta mhix se taqa’ f’idejn l-Ottomani!”

F’dak iż-żmien il-Granmastru tal-Ordni kien wieħed mill-aqwa mexxejja militari fl-Ewropa – Jean Parisot de Valette (f’xi dokumenti msemmi de la Valette). Kien sar membru tal-Ordni minn età żgħira u tista’ tgħid li ma kien jaf l-ebda tip ta’ ħajja oħra ħlief dik tal-Ordni. Fl-1565 kellu sebgħin sena – eżatt l-istess età tal-avversarju tiegħu Sulejman il-Kbir. Bħala kavallier de Valette kien iddedika ħajtu kollha għas-servizz tal-Ordni, u kien għadda minn ħafna sagrifiċċji. F’żgħożitu kien inqabad priġunier tat-Torok, u kien qatta’ żmien twil bħala qaddief ilsir fuq wieħed mill-iġfna tal-Imperu. Dak kien żmien mimli esperjenza ta’ tbatija u disprament. Għalkemm dak li għadda minnu għenu jrabbi karattru sod u b’saħħtu, qatt ma seta’ jinsa dak iż-żmien qalil, u qatt ma seta’ jaħfer lill-Ottomani għal dak li kellu jgħaddi minnu.

Naturalment l-Ordni kellu l-ispiji tiegħu f’Kostantinopli kif ukoll f’inħawi oħra tal-Imperu Ottoman, u m’għaddiex ħafna żmien qabel ma l-Ordni waslitlu l-bxara li Sulejman kien qed jipprepara offensiva kbira fuq Malta. Għaldaqstant de Valette ġabar lill-Kavallieri biex jiddiskutu x’kellhom jagħmlu, u bagħat ukoll messaġġ lil Don Garcia de Toledo, il-Viċi-Re ta’ Sqallija, biex jibagħtilhom aktar suldati.

“Bħalma diġà smajtu l-Imperu Ottoman qed jipprepara attakk fuq Malta. Spiji tagħna qalulna li f’Kostantinopli numru kbir ta’ suldati qed jinġabru biex jistħarrġu għall-gwerra waqt li fit-tarzni qegħdin jibnu ħafna iġfna. Mela qabel ma jlestu biex isalpaw għal hawn jeħtieġ li nduru sew il-fortifikazzjonijiet tagħna. Hemm bżonn li nsaħħu sew Sant’ Iermu, Sant’ Anġlu u San Mikiel. Barra minn hekk irridu nsejħu lil dawk ħutna li bħalissa qegħdin f’pajjiżhom fl-Ewropa. Bħalma tafu kull Kavallier jeħtieġ li jiġi hawn Malta f’każ ta’ emerġenza. Se nagħmlu minn kollox biex Malta ma taqax taħt idejn l-Ottomani!”

F’qasir żmien Malta nħakmet minn ferneżija ta’ xogħol u attività hekk kif kulħadd medd idejh biex jippreparaw id-difiżi. Saħansitra l-ilsiera Torok ġew imqabbdin iqandlu blat kbir biex isaħħu l-ħitan tas-swar u l-fortizzi.

Il-forti Sant’ Iermu kien jinsab fil-ponta tal-Għolja Xiberras u kien iħares id-daħla kemm tal-Port il-Kbir kif ukoll dik tal-Port ta’ Marsamxett. Għalhekk jekk it-Torok riedu jdaħħlu l-iġfna tagħhom għall-kenn ta’ wieħed minn dawn il-portijiet, kien ikollhom jaħbtu għal dan il-forti qabel kollox.

Il-forti Sant’ Anġlu kien iħares il-ponta tal-Birgu, waqt li l-forti San Mikiel kien iħares Senglea (L-Isla). Dawn naturalment setgħu iħarsu l-ibliet min-naħa tal-baħar biss, iżda min-naħa tal-art il-Birgu u Senglea kienu mħarsa minn swar għoljin. Il-ħitan tal-forti San Mikiel kienu jdawru ’l Senglea kollha, waqt li fuq in-naħa tal-art il-Birgu kienet imħarsa mill-Bastjun ta’ Kastilja, kif ukoll il-Bastjuni iżgħar ta’ Auvergne, ta’ Franza, ta’ Aragona u ta’ Kastilja. L-ebda wieħed minn dawn ma kien kbir daqs forti, imma kollha kienu armati sa snienhom xorta waħda. Kien hemm ukoll l-Imdina, il-belt kapitali ta’ Malta fejn kienet tinżamm il-kavallerija tal-Ordni. Għalkemm l-Imdina kienet ġiet fortifikata fi żmien il-ħakma Għarbija madwar l-1048, is-swar tagħha kienu kemxejn qodma u dgħajfa.

Waqt li bosta mill-familji sinjuri Maltin iddeċidew li jibqgħu l-Imdina, il-parti l-kbira tal-popolazzjoni, magħmula l-aktar minn bdiewa u sajjieda, irħewlha lejn il-kenn tal-Birgu jew ta’ Senglea, u ġarrew magħhom kulma setgħu – bhejjem, ħaxix u raba’ ieħor maħsud – biex żgur ma jħallu warajhom xejn lit-Torok għajr art xotta u għera. Saħansitra avvelenaw il-bjar tal-ilma ħalli t-Torok ma jkunux jistgħu jużawhom.

Fid-9 t’April waslu minn Sqallija sebgħa u għoxrin ġifen u daħlu fil-Port il-Kbir. Kellhom magħhom messaġġi lil de Valette minn bosta mill-mexxejja Ewropej. “Il-Prinċpijiet Insara tal-Ewropa qegħdin kollha miegħek. Fil-ġejjieni qarib se nibagħtulkom elf suldat Spanjol.”

F’ittra oħra li de Valette irċieva mingħand il-Viċi-Re ta’ Messina, dan qallu li f’dak il-mument ma kellux biżżejjed suldati x’jibgħat. Ma kienx jagħmel sens li jibgħatlu ftit, għalhekk kien qed jistenna li jiġbor aktar biex jibgħat armata akbar fil-ġejjieni qarib.

De Valette ma kienx kuntent għal kollox bil-messaġġ. “X’jiġifieri ‘fil-ġejjieni qarib’?!” lissen. “Qed jippretendu li niffaċċjaw l-Imperu Ottoman kollu waħidna? Jekk ma jkollniex sapport mill-aktar fis l-Ordni ta’ San Ġwann mhux se jkollu ‘ġejjieni’!”

Mal-wasla tal-elf suldat Spanjol, de Valette kellu 700 Kavallier u 4,000 suldat Spanjoli u Maltin. Sadattant, it-tħejjijiet għad-difiża ma waqfux.

Fit-18 ta’ Mejju, 1565, mijiet ta’ qlugħ bojod tal-flotta Torka tfaċċaw fuq ix-xefaq. Malli s-sentinelli fuq is-swar ta’ Sant’ Iermu u Sant’ Anġlu lemħu dik id-dehra tal-biża’, sparaw il-kanuni bi twissija, u tqabbdu l-ħġejjeġ madwar il-kosta kollha ta’ Malta biex iħejju għat-taqbida.

3: Il-Bastjun ta’ Kastilja

Il-flotta Torka ta’ madwar 200 ġifen ma żammitx rotta lejn il-Port il-Kbir. Minflok, ilwiet lejn ix-xlokk u daret madwar Malta sakemm ankrat f’Għajn Tuffieħa fid-19 ta’ Mejju. Grupp żgħir ta’ iġfna mbagħad daru lura u ankraw f’Marsaxlokk. Dan kien se jkun l-avvanz prinċipali. Minn hawn bdew iħottu s-suldati u l-armamenti, u f’qasir żmien madwar 3,000 suldat bdew jimmarċjaw lejn id-direzzjoni tal-Port il-Kbir.

Sa mill-bidu beda n-nuqqas ta’ ftehim bejn il-kmandanti Ottomani. Waqt li Mustafà kien qed jikkonċentra fuq strateġija kif jattakka lill-Ordni, Pjalì kien aktar moħħu fis-sigurtà tal-iġfna tiegħu. Il-pjan ta’ Mustafà kien li ladarba l-flotta kienet ankrata f’Għajn Tuffieħa, kellhom jattakkaw l-ewwel l-Imdina u jieħdu l-parti tat-tramuntana ta’ Malta. Malli din kienet soda f’idejhom, jattakkaw ’il Birgu u ’l Senglea mill-art, waqt li l-flotta timblokka l-Port il-Kbir ħalli l-Insara ma jkunux jistgħu jirċievu għajnuna mill-baħar.

Iżda Pjalà ma qabilx miegħu. Il-flotta kellha fuqha ħafna rifornimenti għall-armata, u jekk jiġri xi ħaġa lill-iġfna kienet tbati l-armata wkoll. Għalhekk ried li l-flotta tankra f’post aktar għall-kenn minn Għajn Tuffieħa jew Marsaxlokk. Ried juża l-port ta’ Marsamxett. Wara diskussjoni kemxejn qalila, għaddiet ta’ Pjalì.

Sadanittant il-Kavallieri kienu qed jiflu kull mossa tat-Torok. Distakkamenti tal-kavallerija telqu mill-Imdina, u bdew josservaw mill-bogħod l-armata Ottomana, u kienu qed jibagħtu messaġġiera lill-Birgu regolarment. Għalhekk de Valette kien miżmum aġġornat tal-movimenti tal-għadu. Waqt li l-iġfna niżlu minn Għajn Tuffieħa għal Marsaxlokk, grupp ta’ kavallerija mxew magħhom tul il-kosta. Gruppi oħra tal-kavallerija bdew jagħmlu attakki ħfief biex ifixklu lit-Torok.

Distakkament ta’ kavallerija, immexxi mill-Kavallieri Faraone u de la Riviere, inqabdu waqt li kienu qed josservaw lill-għadu. Għal dawn il-Kavallieri, il-gwerra kienet diġà ntemmet. Mustafà Paxà pprova jieħu xi tagħrif minnhom, iżda naturalment il-Kavallieri ma tniffsux. Għalhekk Mustafà ordna li liż-żewġ priġunieri jittorturawhom. Għaddiet madwar siegħa qabel ma ż-żewġ Kavallieri, imbiċċrin u nofshom mejta, ċedew u tkellmu. Mingħandhom Mustafà sar jaf li l-bastjun ta’ Kastilja, li kien qed iħares il-Birgu, kien l-aktar parti dgħajfa tal-fortifikazzjonijiet, u qatagħha li jaħbat hemm l-ewwel.

Nhar il-21 ta’ Mejju, hekk kif it-Torok lestew jarmaw il-kamp ewlieni tagħhom il-Marsa, bdew l-attakk fuq Kastilja. Il-Kavallieri ħarġu biex jilqgħu l-attakk, u kien hemm ġlied qalil. Minn fuq is-swar tal-Birgu, de Valette seta’ jara t-taqtigħa kollha. Kien tassew li dik il-parti tal-Birgu kienet dgħajfa, imma minħabba f’hekk kienet imħarsa sew b’nies u kanuni, u Mustafà ma rnexxilux jirbaħha kif ġieb u laħaq kif xtaq. Waqt li l-Kavallieri tilfu madwar 21 mejjet u 150 ferut, Mustafà kien tilef madwar 300 suldat mill-aħjar li kellu – u dan ifferoċjah.

“Il-priġunieri ngannawna!” lissen, u ta l-ordni biex lil Faraone u lil de la Riviere jiffrustawhom sakemm imutu.

Pjalì kien għadu qed isostni li l-iġfna kellhom jankraw aktar viċin tal-Port il-Kbir, idealment fil-Port ta’ Marsamxett, li kien fuq ix-xaqliba l-oħra tal-Għolja Xiberras. Imma fil-ponta tal-għolja kien hemm il-forti Sant’ Iermu. Minħabba fih l-iġfna ma setgħu jidħlu fl-ebda wieħed miż-żewġ portijiet. Għalhekk qatgħuha li jieħdu ’l Sant’ Iermu. Il-kmandant tal-forti kien il-Kavallier Luigi Broglia. Biex jiddefendi l-forti kellu b’kollox 80 ruħ, fosthom 15-il Kavallier tal-Ordni. Ma’ dawn de Valette bagħatlu 400 suldat ieħor li kienu għadhom kemm waslu minn Messina, ftit qabel ma’ tfaċċat l-armata Ottomana, u 64 Kavallier ieħor li offrew li jmorru volontarji. Barra minn dawn in-nies Broglia kellu wkoll dsatax-il kanun.

L-attakk beda nhar l-25 ta’ Mejju.

4: “Hemm bżonn inżommu Sant’ Iermu!”

Dan l-attakk ma kienx sorpriża għall-Kavallieri. Żewġ diżerturi mill-armata Ottomana kienu għarrfu li de Valette bin-nuqqas ta’ ftehim bejn Mustafà u Pjalì, u l-Granmastru kien qed jobsor li minflok isaħħu l-attakk fuq Kastilja, l-Ottomani kienu se jbiddlu t-tattika.

L-attakk beda b’bumbardament qalil fuq is-swar tal-forti. L-Ottomani użaw kanuni kbar li jisparaw bla waqfien balal enormi tal-ġebel biex ikissru l-fortifikazzjonijiet. Ma’ dawn l-Ottomani kellhom ukoll miraturi mħarrġin li kienu kapaċi jisparaw u jolqtu persuna mill-bogħod. Dawn intefgħu wara l-blat madwar il-forti, minn fejn setgħu jimmiraw sew lejn l-Insara li kienu fuq is-swar. Minħabba l-artillerija (il-kanuni) u dawn il-miraturi, l-Insara tilfu ħafna nies.

Fid-dalma tal-lejl wara l-ewwel attakk, Broglia bagħat għawwiem il-Birgu biex jispjega s-sitwazzjoni li de Valette. “Sinjur,” qallu fil-messaġġ, “fl-opinjoni tagħna, skont is-sitwazzjoni li qegħdin fiha, se nkunu nistgħu inżommu l-forti għal tmint ijiem biss.”

“Sant’ Iermu qisu ċ-ċavetta għal Malta kollha,” qal de Valette. “Ma nistgħux nirriskjaw nitilfuh. Hemm bżonn inżommu dak il-forti kemm jista’ jkun.” Għalhekk dak il-lejl stess de Valette bagħat bil-moħbi 200 suldat Spanjol u 50 Kavallier ieħor.

Minn qabel ma beda l-attakk fuq Sant’ Iermu, l-Ottomani kienu bdew iħaffru trunċieri madwar il-forti ħalli joqorbu lejn il-ħitan kemm jista’ jkun u fl-istess ħin jinħbew mill-musketti u l-kanuni tal-Insara. Kienu għadhom qed iħaffru aktar trunċieri meta fil-għodwa tad-29 ta’ Mejju grupp żgħir ta’ suldati ħarġu mill-forti u attakkaw lill-għadu. Kien hemm taqbida qalila, u l-Insara rnexxielhom jokkupaw ftit mit-trunċieri. Malli ra dan, Mustafà ordna lill-Ġannizzeri biex jattakkaw.

Il-Ġannizzeri kienu l-krema tal-armata Ottomana. Kienu suldati ta’ esperjenza mħarrġin ħafna aktar mis-suldati regolari. Dawn kienu ġellieda mħarrġin minn tfulithom biex jiddefendu l-Iżlam, jekk hemm bżonn anki b’ħajjithom. Kienu mrobbijin b’fanatiżmu liema bħalu. Ħaġa tal-għaġeb, kienu kollha ġejjin minn familji Nsara li kienu maħkumin mill-Imperu Ottoman. Kienu jinħatfu mill-familji tagħhom bħala lsiera minn età żgħira, jikkonvertuhom għall-Iżlam u jħarrġuhom għall-gwerra. Minħabba l-fanatiżmu tagħhom kienu jattakkaw lill-għadu b’feroċja kbira qishom imġienen, u d-dehra tagħhom dejjem kienet tnissel twerwir f’qalb l-għadu.

Ftit ftit il-Ġannizzeri bdew jimbuttaw lill-Kavallieri lura sakemm reġgħu ħatfu t-trunċieri u rebħu aktar art quddiem il-forti. Minn dak il-ħin ’il quddiem l-Insara bdew jintlaqtu faċilment mill-miraturi moħbijin wara l-blat viċin. L-attakk baqa’ għaddej għal ġranet u ljieli sħaħ tant li bilkemm kien hemm difensur wieħed fil-forti li ma kienx ferut, ħafif jew gravi. Madankollu, baqgħu jżommu sod.

Kien f’dan iż-żmien li f’Malta wasal Dragut. Dragut kien tista’ tgħid l-aktar furban magħruf fil-Mediterran. Kien magħruf mal-Ewropa u mal-Afrika ta’ Fuq bħala x-‘Xabla tal-Iżlam’ u kien meqjus bħala leġġenda. Kull min kien ibaħħar fil-Mediterran – speċjalment l-Insara – kien jibża’ minnu u mir-reputazzjoni tiegħu. Kellu 80 sena, u kellu esperjenza militari liema bħalha. Kien stratega eċċellenti u kellu ħila kbira bħala mexxej. L-uffiċjali Ottomani issa kienu ċerti li bit-tmexxija tiegħu l-assedju ma kienx se jdum ma jintemm favurihom.

5: ‘Ix-Xabla tal-Iżlam’

Dragut niżel nhar it-2 ta’ Ġunju fil-ponta tat-tramuntana tal-Port ta’ Marsamxett, illum parti minn Tas-Sliema, u li hija msemmija l-Ponta ta’ Dragut għalih. Ġab miegħu sittax-il ġifen u madwar 2,000 suldat. Dragut kien niżel ħafna drabi f’Malta, u kien niżel ukoll f’Għawdex darbtejn, fl-1561 u l-1563. Waqt it-tieni darba niesu ġġieldu mal-Kavallieri u ħuh miet waqt it-taqbid, u Dragut minn dejjem kien jobsor li għad isib sehmu waqt li jkun qed jiġġieled mal-Kavallieri tal-Ordni fuq din il-ġżira.

Għalkemm uffiċjalment Dragut ma kienx jagħmel parti mill-armata Ottomana, kemm ir-reputazzjoni tiegħu ta’ ġeneral eċċellenti kif ukoll l-ordni ċar mingħand Sulejman innifsu kien ifisser li hu issa kien il-mexxej ewlieni tal-armata, u kemm Mustafà kif ukoll Pjalì kellhom joqogħdu għat-tmexxija tiegħu. Għalhekk ma ħax pjaċir meta ra li Mustafa u Pjalì kienu bdew l-assedju mingħajru.

Mall-ewwel Dragut beda jifli s-sitwazzjoni. Ra Sant’ Iermu, bil-ħitan imfarrkin u qed jaqgħu biċċiet. Studja sew it-trunċieri u l-pożizzjonijiet tal-kanuni u s-suldati li l-Ottomani kienu poġġew madwar il-forti. Ra wkoll kif l-armata Ottomana kienet mifruxa fuq l-Għolja Xiberras u l-Għolja tas-Salvatur biex ikunu jistgħu jibbumbardjaw kemm Sant’ Iermu kif ukoll Sant’ Anġlu. Imma dak li ra m’għoġbux għal kollox.

“M’għamiltux sew li attakkajtu ’l Sant’ Iermu qabel,” qal lil Mustafà u lil Pjalì. “Kien ikun aħjar kieku segwejtu l-idea oriġinali ta’ Mustafà – tieħdu t-tramuntana tal-gżira l-ewwel u tħallu ’l Sant’ Iermu għall-aħħar. Imm’ issa li bdejna l-attakk fuq Sant’ Iermu jaqblilna nkomplu bih, ħalli neħilsuh mill-aktar fis u nduru fuq Sant’ Anġlu u San Mikiel. Nirduppjaw il-bumbardament fuq Sant’ Iermu.”

B’dan l-ordni l-attakk fuq Sant’ Iermu sar aktar qalil u bla waqfien, tant li l-forti beda jaqla’ madwar 7,000 bomba kull jum. Sadattant Dragut intebaħ ukoll li de Valette kien qiegħed jibgħat rinforzi lill-forti billejl, permezz ta’ dgħajjes mill-Birgu. Għalhekk ordna li jwaqqfu dawn ir-rinforzi bid-dgħajjes tagħhom, u issa beda jinstema’ sparar u taqbid fil-port anki billejl hekk kif dgħajjes Ottomani ppruvaw jimbuttaw lid-dgħajjes Insara lura biex ma jħalluhomx jilħqu l-ponta tal-Għolja Xiberras.

Imnebbħin aktar bl-ordnijiet sodi ta’ Dragut, il-Ġannizzeri żiedu l-isforzi tagħhom bl-attakki fuq Sant’ Iermu, tant li waslu sal-ħitan tal-forti. Permezz ta’ slielem, bdew jitilgħu mal-ħitan hekk kif il-kaptan tagħhom beda jinkuraġġihom: “Ljuni tal-Iżlam! F’isem Allaħ ħalli nifirdu l-erwieħ u l-irjus ta’ dawn il-misħutin Kavallieri minn ġisimhom!”

Madankollu d-difensuri Nsara ma kinux lesti li jċedu malajr. Malli raw lill-għadu tiela’ mal-ħitan, bdew jissuttaw għal fuq rashom biċċiet kbar ta’ ġebel mill-ħitan imkissrin, kaldaruni sħaħ ta’ żejt jagħli, u ċrieki tan-nar. Fost it-twerżieq u l-krib ta’ dawk li ntlaqtu, il-Ġannizzeri kellhom jirtiraw, u waqt li l-Ottomani tilfu madwar 2,000 ruħ f’dan l-attakk, l-Insara tilfu biss madwar 80.

Il-Kavallieri kienu jafu sew li ma setgħux iżommu għal ħafna aktar fit-tul. Kien qisu li l-forzi Ottomani kienu se jibqgħu ġejjin u ma jispiċċaw qatt. Fil-lejl tat-8 ta’ Ġunju messaġġier irnexxielu jiżgiċċa u jwassal messaġġ lil de Valette fil-Birgu.

“Dan il-messaġġ iffirmat minn 53 Kavallier,” qal de Valette lill-uffiċjali tiegħu. “Qed isostnu li ma jistgħux jirreżistu għal ħafna aktar, u qed jgħiduli li jekk ma nordnalhomx biex jirtiraw, biħsiebhom joħorġu barra mill-forti u jiffaċċjaw lill-għadu fil-beraħ sakemm imutu! Tassew huma nies qalbenin, imma qed jiddispraw. Hemm bżonn niktbilhom xi ħaġa biex inqawwilhom qalbhom.”

Il-messaġġier mar lura Sant’ Iermu bit-tweġiba ta’ de Valette. U de Valette kitbilhom, “Se nibgħat grupp ta’ voluntiera biex jeħdulkom postkom, u intom tkunu tistgħu tiġu l-Birgu fuq id-dgħajjes tagħhom. Nippreferi nħalli l-forti f’idejn nies li nista’ nafda!”

Bla dubju ta’ xejn il-Kavallieri ta’ Sant’ Iermu ħadu dan il-kliem bħala offiża. “Tlifna ġieħna u qed inżebilħu l-unur tal-Ordni! L-aħwa, dan ma nistgħux naċċettawh!”

U l-messaġġier reġa’ lura l-Birgu bi tweġiba oħra lil de Valette. Il-Kavallieri ta’ Sant’ Iermu issa talbuh biex ma jibgħatx il-voluntiera minflokhom, u li huma kienu lesti li jibqgħu jiddefendu l-forti sal-mewt. De Valette xorta waħda bagħtilhom 15-il Kavallier u 100 suldat voluntiera.

6: “Jekk l-iben swielna daqshekk...”

L-uffiċjali għolja tal-armata Ottomana ma baqgħux lura mill-ġlied. Kienu qalbenin daqs is-suldati tagħhom, u ma beżgħux iduru madwar it-trunċieri u l-pożizzjonijiet tal-kanuni biex jagħtu l-ordnijiet, anki jekk kienu fil-periklu li jintlaqtu mill-għadu.

Dragut kien fuq ix-xwiek biex ifittex jaħtaf il-forti ta’ Sant’ Iermu. Nhar it-18 ta’ Ġunju hu u Mustafà marru fuq l-Għolja Xiberras biex jaraw kif setgħu jżidu l-bumbardamenti fuq il-forti. Dragut ordna li jżidu l-kanuni sal-parti t’isfel tal-peniżola, li kienet ixxaqleb lejn il-Port il-Kbir faċċata ta’ Sant’ Anġlu.

L-uffiċjali Ottomani kellhom l-uniformijiet tagħhom fastużi ħafna u l-Kavallieri tal-artillerija ta’ Sant’ Anġlu nnutaw il-grupp ta’ Ottomani libsin b’dawk il-kuluri jispikkaw. Il-kap tal-artillerija basar li dawk in-nies kienu xi rjus kbar u qatagħha li jispara kannunata fuqhom.

L-ewwel balla spiċċat mal-art viċin tal-uffiċjali Ottomani, u għalkemm ma laqtet lil ħadd direttament, l-isplużjoni tajret ħafna biċċiet ta’ ġebel u żrar kullimkien. Waħda minn dawn laqtet lil-Dragut taħt widintu il-leminija, u nxteħet tulu fl-art, bid-demm ħiereġ minn imnieħru u minn widintu. Sadattant kannunata oħra splodiet qalb il-grupp, u qatlet fuq il-post lill-kap tal-Ġannizzeri. Mustafà ma ntlaqatx, imma niżel għarkopptejh ħdejn Dragut biex jagħtih l-għajnuna. Ħaseb li kien mejjet, għalhekk għattieh malajr b’mantell u ta l-ordni biex iġorruh sat-tinda tiegħu. Dar fuq l-uffiċjali l-oħra li kienu hemm.

“Żommu siekta u tgħidu xejn dwar din il-biċċa,” ordnalhom. “Jekk is-suldati jkunu jafu li Dragut waqa’, jinqala’ l-paniku.”

L-artillerija tal-Kavallieri kienet għadha qed tispara minn Sant’ Anġlu, u l-uffiċjali l-oħra ħeġġew lil Mustafà biex imur għall-kenn biex ma jintlaqatx hu wkoll, imma Mustafà baqa’ hemm sakemm ra li l-ordnijiet tiegħu kienu qed jobduhom.

Lura fit-tinda tiegħu Mustafà sar jaf li fil-fatt Dragut kien għadu ma mietx, għalkemm il-ferita tiegħu f’rasu kienet gravi ħafna u ma kienx seta’ jitkellem sew. Ordna li jeħduh fil-kamp tal-Marsa ’l bogħod mill-ġlied ħalli jduru bih.

Minkejja l-isforzi ta’ Mustafà l-kelma malajr ġriet li l-kap tal-Ġannizzeri kien mejjet u li Dragut kien imweġġa’ serjament. Saħansitra de Valette stess sar jaf bis-sitwazzjoni minn diżertur li kien qasam il-port dik il-lejla stess.

L-għada, waqt li Mustafà kellu laqgħa oħra mal-uffiċjali tiegħu fil-beraħ, wieħed mill-uffiċjali ta’ Sant’ Iermu, il-Kavallier Antonio Grugno, lemaħhom u ordna kannunata lejhom. Din id-darba ntlaqtu xi uffiċjali Ottomani oħra, imma b’risposta, miratur laqat lil Grugno u ferieh serjament.

U l-attakki komplew, l-aktar qawwija bejn il-21 u t-22 ta’ Ġunju. Sadattant, biex jgħinu lil sħabhom f’Sant’ Iermu, il-kanuni ta’ Sant’ Anġlu bdew jisparaw fuq il-pożizzjonijiet Ottomani fuq l-Għolja Xiberras. It-Torok ippruvaw jersqu lejn il-forti min-naħa tal-kosta tal-port ta’ Marsamxett biex idawru lil-Insara fil-forti, u l-Kavallieri ntebħu li l-attakki issa kienu ġejjin minn żewġ naħat. Bi sforz kbir irnexxielhom jimbuttaw lit-Torok għal ftit żmien, madankollu, waqt il-lejl, ħafna miraturi Torok reġgħu sabu posthom fit-trunċieri u kien diffiċli li jċaqalquhom minn hemm. Issa t-Torok tant kienu waslu qrib tal-forti li l-kanuni ta’ Sant’ Anġlu siktu. M’azzardawx ikomplu jisparaw bil-biża’ li jolqtu lil sħabhom.

Broglia safa ferut sew u l-Kavallier Montserrat ħa postu bħala kmandant tal-forti. Sbieħ it-22 beda b’aktar sparar ta’ kanuni u xkubetti min-naħa tat-Torok. Xi ftit minnhom laħqu l-ħitan tal-forti imma l-Kavallieri mbuttawhom lura. L-Insara rnexxielhom jisparaw xi kannunati fejn kien hemm il-miraturi fit-trunċieri, u għal ftit żmien l-isparar minn dik in-naħa waqaf. Madankollu Montserrat ntlaqat u miet fuq il-post.

Il-ħbit reġa’ beda u baqa’ sejjer għal xi sitt sigħat qabel ma Mustafà qatagħha li jwaqqaf l-attakk. Il-Kavallieri setgħu jieħdu ftit nifs, imma kienu tilfu madwar 200 ruħ f’din it-taqbida biss, u ma kienx hemm ċans li jkollhom aktar rinforzi. Matul il-lejl de Valette kien ittanta jibagħtilhom ftit aktar suldati bid-dgħajjes mill-Birgu, imma l-isparar tat-Torok tant kien qawwi li lanqas biss waslu sal-ponta tal-Għolja Xiberras, u kellhom jirtiraw. Issa l-Kavallieri, is-suldati u l-Maltin li kien għad fadal fil-forti Sant’ Iermu kienu kompletament maqtugħin minn sħabhom.

Fid-dalma tal-lejl ta’ bejn it-22 u t-23, b’diffikultà kbira, grupp żgħir ta’ suldati rnexxielhom jilħqu l-forti biex jaraw kif kienet il-qagħda. L-aħħar messaġġ li bagħtu li de Valette kien li ma setgħux jirreżistu aktar minn ġurnata oħra.

Fl-għodwa tat-23 parti mill-flotta Torka għaddiet viċin il-forti u sparat sensiela ta’ kannunati. Ix-xwieni mbagħad ħaffu għall-kenn tal-port ta’ Marsamxett. Dan kien sinjal biex tibda l-akbar u l-aħħar offensiva tat-Torok fuq Sant’ Iermu, prattikament bil-forzi kollha li kellhom.

Tista’ tgħid li dawk kollha li kienu għadhom ħajjin fil-forti kienu xi ftit jew wisq feruti, imma kollha kienu lesti li jibqgħu jirreżistu sal-aħħar. Żewġ Kavallieri li kienu feruti u ma setgħux iżommu fuq saqajhom ġabu siġġijiet biex jiġġieldu bilqiegħda.

L-attakk dam xi erba’ sigħat sakemm fl-aħħar l-Ottomani rnexxielhom jidħlu fil-forti. Wieħed wieħed, id-difensuri bdew jaqgħu taħt il-qilla feroċi tat-Torok. Disa’ Kavallieri nqabdu priġunieri: ħames Spanjoli, tliet Taljani u Franċiż. Ħames suldati Maltin irnexxielhom jaqbżu fil-baħar u jgħumu sal-Birgu. Il-bqija tad-difensuri kienu kollha mejta. Minn Sant’ Anġlu, de Valette u l-uffiċjali tiegħu raw il-bandiera Torka tittella’ fuq it-tifrik tal-forti.

Mal-waqa’ ta’ Sant’ Iermu, Mustafà minnufih bagħat messaġġ lil Dragut, fil-kamp tal-Marsa, biex jgħarrfu dwar ir-rebħa. Malli qalulu bil-messaġġ, Dragut għolla għajnejh lejn is-smewwiet u miet.

L-Insara tilfu 1,500 ruħ bil-waqa’ ta’ Sant’ Iermu. Imma t-telfa tat-Torok kienet bil-wisq ikbar. Kienu tilfu 8,000 mill-aħjar suldati li kellhom, kwart tal-forza armata kollha li kienu ġabu minn Kostantinopli. Imma l-akbar telfa kienet ta’ Dragut. Dragut kien il-moħħ wara l-operazzjoni kollha, u kien hu li kien qed iżomm il-bilanċ bejn l-ambizzjonijiet ta’ Mustafà u ta’ Pjalì, li issa faċilment setgħu jerġgħu jibdew jippikaw bejniethom.

“Jekk l-iben swielna daqshekk,” lissen Mustafà ħosbien, “x’se jiswielna l-missier?”

L-għada filgħodu n-nies ta’ Senglea u tal-Birgu raw dehra li tkexkex fil-port. It-Torok kienu qabdu l-iġsma tal-Kavallieri mejtin, qatgħulhom rashom, rabtuhom ma’ pjanċi tal-injam u xeħtuhom f’wiċċ l-ilma. Il-kurrent wassalhom sa taħt is-swar tal-Birgu u Senglea. Ir-risposta ta’ de Valette kienet pronta u daqstant kiefra. Ordna li jinqatlu l-priġunieri Musulmani li kellhom. L-irjus tagħhom sparawhom bil-kanuni lejn il-pożizzjonijiet Ottomani.

Dan l-għemil kien kontroversjali ħafna u wara l-assedju bosta Ewropej ikkundannawh. Sfortunatament saru atroċitajiet miż-żewġ naħat tal-kunflitt.

7: “Nagħtik biss fossa fonda!”

Issa li Sant’ Iermu kien waqa’, de Valette kien jaf li t-Torok setgħu jikkonċentraw fuq Sant’ Anġlu u San Mikiel. Bħala preparazzjoni qabel l-assedju l-Kavallieri kienu għamlu katina kbira mill-ponta ta’ San Mikiel għal dik ta’ Sant’ Anġlu. Katina oħra tpoġġiet ġewwa nett fil-Qala tat-Tarzna (il-parti tal-port bejn Senglea u l-Birgu). B’hekk il-biċċiet tal-baħar kollha tal-Ordni kienu ankrati bejn iż-żewġ ktajjen għal aktar protezzjoni. Għalkemm dawn il-ktajjen kienu enormi u tqal ħafna, setgħu jitniżżlu taħt wiċċ l-ilma biżżejjed biex biċċiet tal-baħar tal-Ordni u l-alleati tagħhom ikunu jistgħu jidħlu u joħorġu meta kien hemm bżonn. Lejn nofs il-qala bnew ukoll puntun ħalli jgħaqqad lill-Birgu ma’ Senglea u n-nies ikunu jistgħu jgħaddu minn naħa għal oħra malajr. Ħabat tajjeb li ħasbu li jagħmlu dan il-pont, għax aktar tard waqt it-taqbid kellhom jiġu bżonnu.

Bħala ikel ma kinux neqsin ħafna. Fl-imħażen u l-fosos kellhom qamħ, u xgħir li l-bdiewa kienu ġabru mill-għelieqi qabel ma marru għall-kenn wara l-ħitan tal-Birgu u ta’ Senglea. Kellhom ukoll żejt taż-żebbuġ, ġobon u butir, laħam immellaħ, sardin, tonn u merluzz imnixxef. Lanqas l-ilma ma kien problema, għaliex kellhom madwar 40,000 bettija tal-ilma kif ukoll nixxiegħa ta’ ilma frisk fil-Birgu. Biex kemm jista’ jkun ma jaħlux minn dan l-ikel, de Valette ordna li l-klieb kollha fil-Birgu u f’Senglea jinqatlu. B’hekk kien ikun hemm inqas ħluq x’jitimgħu. Għalkemm de Valette ta dan l-ordni, kien kemxejn iddispjaċut għax dan kien ifisser li kellu joqtol ukoll il-klieb tal-kaċċa li kellu u li kienu l-mimmi t’għajnejh.

Madankollu, l-aktar li de Valette kien qed iħoss kien in-nuqqas ta’ suldati. Għalkemm il-Viċi-Re kien wegħdu li jibgħatlu għajnuna militari lejn l-20 ta’ Ġunju, issa l-forti Sant’ Iermu kien waqa’, u dik l-għajnuna kienet għadha ma waslitx. Li għalissa ma kienx jaf de Valette kien li forza żgħira kienet waslet Malta minn Sqallija, fl-istess jum tal-waqgħa ta’ Sant’ Iermu...

Sadattant, issa li d-daħla għall-Port ta’ Marsamxett kienet ħielsa, Pjalì seta’ jdaħħal il-parti l-kbira tal-flotta Ottomana hemmhekk. Minn hemm it-Torok setgħu iħottu aktar apparat militari u jġorruh fuq l-art minn naħa għal oħra tal-Għolja Xiberras. B’hekk setgħu jpoġġu aktar kanuni fuq ix-xaqliba tal-peniżola li kienet faċċata Sant’ Anġlu u San Mikiel.

Il-forza minn Sqallija kienet waslet b’żewġt iġfna tal-Viċi-Re flimkien ma’ tnejn oħra tal-Kavallieri. Waqt li l-Viċi-Re kien għadu qed jistenna li jkollu aktar suldati qabel ma jsalpaw lejn Malta, il-Kavallieri li kien hemm Sqallija kienu fuq ix-xwiek biex ifittxu jaslu Malta ħalli jgħinu lil sħabhom. Ikkonvinċew lill-Viċi-Re jħallihom jitilqu għal Malta bix-xwieni tagħhom. Il-Viċi-Re għalhekk xorta bagħat magħhom 600 suldat mill-armata tiegħu, taħt Don Juan de Cardona, imma ta l-ordni li ħadd ma jinżel mix-xwieni qabel ma jaraw il-qagħda ta’ Sant’ Iermu. Jekk jaraw li Sant’ Iermu kien waqa’, il-flotta kellha terġa’ lura Sqallija mingħajr ma tniżżel suldati f’Malta.

Imma l-Kavallieri kellhom il-pjanijiet tagħhom. Kienu mmexxija mill-Kavallier de Robles. Kien ġab miegħu Malta 42 Kavallier, 20 voluntiera mill-Italja, tlieta mill-Ġermanja u tnejn mill-Ingilterra. De Robles bagħat spija quddiem biex ikun jaf bil-qagħda tal-assedju qabel de Cardona. Malli l-ispija wasal lura, qal lil de Robles li Sant’ Iermu kien waqa’. De Robles ma qal xejn li de Cardona, u qatagħha li jniżżel niesu xorta waħda kontra l-ordnijiet tal-Viċi-Re. De Robles ma kienx lest li jabbanduna lill-Kavallieri sħabu f’dak il-mument kritiku.

Nhar it-23 ta’ Ġunju l-flotta ż-żgħira resqet lejn Malta mill-majjistral fejn ma kienx hemm xwieni Torok. Malli l-Kavallieri u s-suldati niżlu l-art, de Cardona ordna x-xwieni jsalpaw lil hinn mill-kosta. Kien għadu ma jafx li Sant’ Iermu kien waqa’. In-nies ta’ de Robles bdew mixjin mal-kosta u rnexxielhom jiskartaw il-pattulji Torok. Bagħat ukoll xi nies quddiem biex jilħqu javżaw lil de Valette li kienu ġejjin. Evitaw lit-Torok li kienu fil-kampijiet u fejn kienu qed jippreparaw it-trunċieri. Malli waslu l-Kalkara sabu dgħajjes qed jistennewhom biex jeħduhom il-Birgu. Ħaġa li ma titwemminx, il-Kavallieri u s-suldati kollha rnexxielhom jaslu qawwijin u sħaħ fid-dalma tal-lejl mingħajr ma ġibdu l-attenzjoni tat-Torok.

L-għada filgħodu tellgħu il-bnadar tagħhom fejn it-Torok setgħu jarawhom sew, u Mustafà ntebaħ li kienu żgiċċawlu minn taħt imnieħru. Issa beda jinkwieta. Fejn qabel kien deċiż li joqtol kull Kavallier u Malti li kien hemm fuq il-gżira, issa beda jaħseb kienx aħjar joffrix lill-Kavallieri l-istess kundizzjonijiet li t-Torok kienu tawhom f’Rodi.

Fl-assedju ta’ Rodi tal-1522, meta l-Granmastru tal-Ordni kien L-Isle Adam, Sulejman kien wiegħed lill-Kavallieri li jekk iċedu jħallihom jitilqu mingħajr ma joqtol lil ħadd minnhom, bl-unuri kollha u bil-bnadar tagħhom, u jħallihom ibaħħru lejn Sqallija. Mustafà ddeċieda li jagħmel hekk din id-darba wkoll. Ried jibgħat messaġġier li de Valette, imma beża’ li jekk jibgħat lil xi Musulman il-Kavallieri kienu joqtluh. Għalhekk bagħat lil wieħed mill-ilsiera Nsara tiegħu personali.

Taħt bandiera bajda l-ilsir wasal taħt is-swar tal-Birgu, u s-suldati ħaduh għand de Valette. Għall-ewwel de Valette hedded li jibagħtu għall-forka, imma wara li l-ilsir, iddisprat, beda jitlob biex jeħilsuh, de Valette qallu biex imur miegħu, u ħadu madwar il-fortifikazzjonijiet, fejn l-ilsir seta’ jara lill-Kavallieri u lis-suldati ppreparati għat-taqbid, u l-kanuni li kellhom lesti. Fl-aħħar ħadu jara l-fossa li kien hemm taħt is-swar tal-Birgu. L-ilsir baqa’ mbellah. “Se jkun diffiċli għat-Torok biex jirbħu dan il-post,” lissen bil-mod.

“Mur lura għand sidek,” qallu de Valette b’leħen sod, hekk kif ipponta lejn il-fossa l-fonda, “u għidlu li l’unika biċċa art li nista’ nċedilu hija dik il-fossa, biex jarmi fiha l-iġsma mejta tal-Ġannizzeri tiegħu.”

Wara dan, telquh biex imur lura għand it-Torok. Din it-tweġiba naturalment irrabjat lil Mustafà mhux bil-ftit, u issa ħalef li joqtol lil kull Kavallier tal-Ordni li kien hemm fil-gżira.

8: Attakk minn tlitt ibnadi

Fl-istess żmien Mustafà waslulu xi rinforzi wkoll. Il-Viċi-Re tal-Alġerija, Ħassem, wasal b’aktar suldati Alġerin. Kienu waslu f’waqt tajjeb hekk kif Mustafà kien qed jippjana kif jaħbat għal Senglea u l-Birgu.

Minħabba l-kanuni ta’ Sant’ Anġlu li kienu jkopru l-parti l-kbira tal-Port il-Kbir, Mustafà ma setax idaħħal xwieni hemm biex ikun jista’ jattakka l-fortifikazzjonijiet mill-baħar. Xtaq li jkollu xi xwieni fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-port, speċjalment biex ikun jista’ jilħaq lill-forti ta’ San Mikiel u Senglea. Setgħu jagħmlu dan billi jiġbdu madwar 80 xini kbir minn fuq l-art, jaqsmu l-Għolja Xiberras u jniżżluhom fil-baħar fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-port, lejn il-Marsa, fejn diġà kien hemm il-kamp Ottoman għall-feriti. Kienet biċċa xogħol iebsa. Permezz ta’ zkuk tas-siġar miksijin bix-xaħam taħt ix-xwieni, setgħu jiġbdu dak it-toqol kollu bil-mod u b’attenzjoni kbira biex ma jagħmlulhomx ħsara.

L-ispiji ta’ de Valette naturalment raw x’kien qed jiġri u malajr wissew lill-Granmastru, li mall-ewwel fehem x’kien l-iskop tat-Torok. Kienu biħsiebhom jattakkaw Senglea mix-xaqliba faċċata tal-Għolja ta’ Kordin. Basar li x’aktarx iniżżlu ħafna frejgatini mimlijin suldati biex jaslu taħt is-swar. Għalhekk nhar it-8 ta’ Lulju ordna li jibdew jibnu palizzata fl-ilma mat-tul kollu ta’ dik in-naħa tas-swar, ħalli l-frejgatini tal-għadu ma jkunux jistgħu jersqu ħafna qrib ix-xatt. L-Insara sammru sew iz-zkuk ma’ qiegħ il-baħar u rabtuhom flimkien permezz ta’ ktajjen biex jagħmlu l-barriera. Il-binja tal-palizzata saret matul l-iljieli, biex ma jiġbdux l-attenzjoni tat-Torok. Il-palizzata lestewha f’disat iljieli, qabel ma t-Torok laħqu wasslu x-xwieni tagħhom kollha fil-port tal-Marsa. Għalhekk issa l-Insara ma kellhom xejn x’jagħmlu għajr li jistennew l-attakk.

De Valette kellu arma oħra li sa issa t-Torok ma kinux jafu biha. Fil-parti l-baxxa tas-swar ta’ Sant’ Anġlu kien hemm batterija oħra li mill-bidu tal-assedju s’issa kienet għadha ma sparatx balla waħda. Billi kienet fil-baxx ma kenitx tidher sew u x’aktarx it-Torok kienu għadhom ma jafux biha. L-uniku skop ta’ dawn il-kanuni kien li jipproteġu d-daħla għall-Qala tat-Tarzna. Dawn il-kanuni kienu mmexxija mill-Kavallier de Guiral.

Ħaġa waħda li qabżet lill-Kavallieri waqt li kienu qed iħejju d-difiża tagħhom kienet li Bormla, ir-raħal li kien bejn Senglea u l-Birgu u li kien barra mill-protezzjoni tas-swar, ħallewh sħiħ. Għal xi raġuni, wara li l-popolazzjoni ta’ Bormla kienet marret wara s-swar, ma ħottewx id-djar, u b’hekk ħallew lok għat-Torok fejn setgħu jersqu viċin is-swar waqt li jibqgħu għall-kenn fil-bini.

Mustafà ppjana li jaħbat għall-Birgu u Senglea minn bosta naħat fl-istess ħin, kemm mill-baħar kif ukoll mill-art. Il-viċi-kap ta’ Ħassem, Candelissa, kellu jattakka lil Senglea mill-baħar waqt li Ħassem jaħbat għas-swar min-naħa tal-art. Fl-istess ħin il-Ġannizzeri kellhom jattakkaw lill-ponta ta’ Senglea min-naħa l-oħra tal-baħar fuq il-Qala tat-Tarzna.

Madankollu, issa li kien hemm il-palizzata, Mustafà xtaq jeqridha qabel jibda tal-attakk. L-ewwel bagħat xi għawwiema armati b’mannari biex jippruvaw jaqalgħu xi ftit miz-zkuk. Malli lemħuhom is-suldati Nsara bdew jisparawlhom minn fuq is-swar waqt li xi Maltin qabżu fil-baħar biex jilqgħuhom. Dawn tqabdu mat-Torok fil-baħar sakemm imbuttawhom lura. Waqt din it-taqbida miet Tork u bosta oħra sfaw feruti. Għalhekk Mustafà pprova mod ieħor.

Din id-darba bagħat xi suldati fuq dgħajjes. Rabtu ħbula kbar ma’ xi zkuk tal-palizzata u ttantaw jiġbduhom biex jaqalgħuhom minn mal-qiegħ. Irenxxielhom jaqalgħu xi ftit minnhom, imma sadattant l-Insara reġgħu bdew jisparawlhom minn fuq is-swar, u l-għawwiema Maltin reġgħu ħarġu biex jimbuttawhom lura u jsewwu l-ħsara li għamlu.

Nhar il-15 ta’ Lulju Mustafà beda l-attakk il-kbir billi bbumbardja l-ponta ta’ Senglea fejn kien hemm par imtieħen u fejn l-Insara kienu għadhom qed jaħdmu biex itejbu d-difiżi. F’din il-parti l-protezzjoni kienet għadha dgħajfa, u mietu ħafna Nsara waqt il-bumbardamant. Sadattant, armata Alġerina mmexxija minn Ħassem telqet mill-kamp tal-Marsa u rħitilha lejn Bormla, fejn setgħu jsibu kenn fil-bini waqt li jattakkaw. Hawnhekk de Valette intebaħ bl-iżball li kien sar meta ma qerdux id-djar fir-raħal. Il-kanuni ta’ Senglea u tal-Birgu sparaw lejn l-avvanz, imma m’għamlux ħafna effett. Qtajja’ żgħar ta’ Nsara ħarġu biex ifixklu l-avvanz, u kien hemm taqtigħa li damet xi tliet sigħat. Madankollu l-avvanz kien qawwi wisq, u l-Insara kellhom jirtiraw.

Dan wera biċ-ċar kemm kien perikoluż li ħallew il-bini f’Bormla wieqaf. Għaldaqstant de Valette bagħat grupp ta’ suldati ma’ numru ta’ bennejja Maltin, armati bi bqaqen u vireg tal-ħadid biex iħottu kemm jistgħu mill-bini li kien qrib tas-swar u li t-Torok kienu għadhom ma laħqux. Malli t-Torok raw x’kien qed jiġri fis marru għall-attakk. L-Insara żammew sod hekk kif bdew jisparaw lura mill-kenn ta’ xi bini, u t-taqbid baqa’ sejjer għal xi sitt siegħat. Fl-aħħar il-porvli għall-ixkubetti li kellhom spiċċa, u l-Insara kellhom jerġgħu jirtiraw lejn is-swar. Minn fuq il-ħitan il-kanuni tal-Kavallieri baqgħu jisparaw lejn it-Torok sakemm is-suldati u l-Maltin sabu l-kenn. Madankollu, għalkemm kien irnexxielhom iħottu xi ftit bini, ma setgħux jagħmlu biżżejjed ħsara waqt li t-Torok kienu qed jisparaw fuqhom, u l-għadu żamm postu sod fir-raħal, viċin ħafna tas-swar.

Ħassem issa ta l-ordni biex jattakkaw il-ħitan bil-qawwa. L-Alġerini użaw slielem biex jixxabbtu mal-ħitan, u malli waslu fil-quċċata kien hemm taqbid qalil hekk kif id-difensuri laqgħuhom bis-saħħa tagħhom kollha.

Fl-istess waqt li Ħassem beda l-attakk mill-art, numru kbir ta’ frejgatini, kollha mballati b’suldati Alġerini, u mmexxija minn Candelissa, telqu mill-port tal-Marsa u qadfu tul il-Port il-Kbir lejn San Mikiel u Senglea. Dawk il-frejgatini kollha, resqin qajla qajla lejn Senglea, kienu bla dubju ta’ xejn dehra spettakolari, imma għall-Insara li kienu qed jarawhom resqin lejhom kienet ukoll dehra tal-biża’ hekk kif lestew biex jilqgħuhom. Il-kanuni fuq is-swar bdew jisparaw fuq id-dgħajjes bla waqfien. Qerdu ħafna minnhom u mietu ħafna Alġerini. Madankollu dawn xorta waħda rnexxielhom jilħqu x-xatt, u permezz ta’ slielem bdew jitilgħu mal-ħitan.

Fuq in-naħa tal-art, maħżen tal-porvli wara s-swar ta’ Senglea sploda, u parti żgħira mis-swar waqgħet. It-Torok sabu x-xoqqa f’moxtha biex jiġru lejn il-fetħa u jippruvaw jidħlu. L-Insara għamlu kontrattakk, imma malli l-Kavallier li kien qed imexxihom, Zanoguerra, inqatel, it-Torok għamlu sforz akbar u dik il-parti ta’ Senglea kienet fil-periklu li taqa’ f’idejn it-Torok għal kollox. Mill-Birgu de Valette seta’ jara x’kien qed jiġri, u minnufih bagħat numru ta’ Kavallieri u suldati biex jgħinu. Dawn qasmu l-puntun mill-Birgu għal Senglea, waslu fuq il-post malajr, u rnexxielhom jimbuttaw lit-Torok lura.

Waqt dan l-attakk doppju, Mustafà ta l-ordni biex isir it-tielet avvanz. Permezz ta’ aktar frejgatini, bagħat elf Ġannizzeru jattakkaw il-ponta ta’ Senglea fuq ix-xaqliba fejn ma kienx hemm palizzata. Qassam il-forza tiegħu f’għaxar frejgatini b’mitt Ġannizzeru fuq kull waħda. Biss it-Torok ma kinux jafu bil-batterija ta’ kanuni ta’ de Guiral, moħbija fil-parti l-baxxa tal-forti Sant’ Anġlu, u l-frejgatini għaddew inqas minn mitejn metru ’l bogħod minnha. De Guiral fis ta l-ordni biex jisparaw. Il-frejgatini ma kellhomx ċans jevitaw dak l-isprar daqshekk qrib. Tista’ tgħid inqerdu għal kollox, u l-Ġannizzeri tilfu mat-800 ruħ.

Ma’ dawn, l-Ottomani tilfu 2,200 ruħ oħra taħt is-swar ta’ Senglea u fil-frejgatini fil-Port.

9: Aktar ħbit fuq Sant’ Anġlu u San Mikiel

Waqt l-attakki fuq Senglea l-Insara tilfu madwar 250 ruħ. Fosthom kien hemm il-Kavallier Federiku ta’ Toledo. Dan kien iben il-Viċi-Re ta’ Sqallija. Madwar is-swar ta’ Senglea u fil-baħar tal-Port, issa kien hemm mijiet ta’ iġsma. Xi Maltin niżlu fl-ilma u bdew jiġbru minn fuqhom armi u anki xi ġojjelli u tiżjin prezzjuż li kellhom fuqhom xi uffiċjali mejtin.

Għall-attakk li kien imiss Mustafà ried ibiddel l-istrateġija, u jattakka minn kullimkien bħalma kien għamel għal Sant’ Iermu. Biex jilħaq lill-Birgu poġġa kanuni wkoll fuq l-Għolja tas-Salvatur. Mit-tagħlima li kien ħa meta żgiċċawlu l-Kavallieri ta’ de Robles, żied aktar xwieni biex jimblokka d-daħla tal-Port kif ukoll aktar trunċieri mill-quċċata tal-għolja ’l isfel sal-Bajja tal-Kalkara. Permezz tal-ispiji tiegħu kien saħansitra qorob lejn xi Maltin biex jikkonvinċihom jitilqu lis-sidien tagħhom Ewropej u jiġġieldu miegħu biex ikeċċuhom minn Malta. Imma l-fidi tal-Maltin kienet qawwija wisq, u ma rnexxielux idawwarhom. Barra minn dan it-Torok kienu fi żvantaġġ għaliex il-Maltin kienu jafu sew kull rokna u toqba fil-gżira, u minħabba f’hekk de Valette seta’ jwassal faċilment messaġġi anki lill-kavallieri li kellu l-Imdina minn taħt imnieħer it-Torok.

Mustafà qassam lill-uffiċjali tiegħu b’tali mod li Pjalì jieħu l-kmand tal-attakk fuq il-Birgu, waqt li Candelissa jieħu postu bħala kmandant tal-flotta. Mustafà nnifsu kien se jmexxi l-ħbit fuq Senglea u San Mikiel.

Naturalment de Valette kien qed jara ħafna minn dawn it-tħejjijiet min-naħa tat-Torok, u f’dan iż-żmien ma baqax b’idu f’idu. Seta’ jobsor li issa kien imiss attakk fuq il-Birgu u ra kif jagħmel biex isaħħaħ id-difiżi hemm, kemm fuq in-naħa tal-baħar kif ukoll dik tal-art. Fuq in-naħa tal-baħar, biex jagħmel ostakli bħalma sar bil-palizzata fuq in-naħa ta’ Senglea, ordna li jpoġġu ħafna ġebel fuq dgħajjes tat-tagħbija biex dawn jgħarrquhom mat-tul tal-Bajja tal-Kalkara. Qabbad ukoll ħafna lsiera jwaqqfu barrieri tal-ġebel f’xi toroq tal-belt. Dan ix-xogħol beda jsir fil-beraħ, u l-miraturi Torok li kienu moħbijin wara t-trunċieri fuq l-Għolja tas-Salvatur setgħu jarawhom sew, u qatlu ħafna minnhom.

Qorob il-bidu ta’ Awwissu, u sadattant de Valette kien għadu qed jistenna r-rinforzi ta’ Don Garcia de Toledo li kienu wegħduh il-mexxejja Ewropej...

L-attakk beda b’bumbardamenti qawwija minn kull naħa. Għalkemm l-attakki kienu ġejjin minn kullimkien, Sant’ Anġlu u l-Birgu qalgħu l-aktar billi kienu attakkati mill-għolja tas-Salvatur, il-Ponta tal-Forok, l-Għolja Xiberras u saħansitra mit-tifrik tal-forti Sant’ Iermu. Il-bumbardament tant kien qalil u kontinwu li ntqal li seta’ jinstama’ minn xi partijiet ta’ Sqallija. Ma kienx hemm rokna waħda fil-belt ħielsa mill-bombi, u mietu ħafna Maltin – irġiel, nisa u tfal.

Waqt dan il-bumbardament it-Torok ħabtu għas-swar fuq in-naħa tal-art. Il-ħbit baqa’ sejjer għal madwar sitt sigħat, bit-Torok il-ħin kollu jimxu ftit ’il quddiem u d-difensuri jimbuttawhom lura. Il-bumbardamenti baqgħu sejrin għal ħamest ijiem sħaħ. Meta fl-aħħar Mustafà ordnalhom jieqfu, u d-dħaħen u t-trab bdew joqogħdu, l-Insara setgħu jaraw li kienu kompletament imdawrin mill-għadu, u li issa ftit li xejn kellhom ċans isalvaw.

Il-bumbardament kontinwu kien għamel ħafna ħsara lis-swar. Fuq in-naħa tal-Bastjun ta’ Kastilja issa dehret fetħa kbira fis-swar, u t-Torok minnufih daru għal hemm. It-tifrik tas-swar kien kważi mela sa fuq il-fossa li kien hemm bejn il-ħitan, tant li t-Torok setgħu jgħaddu minn fuqu. Id-difensuri rtiraw minn hemm u t-Torok imxew ’il quddiem. Sabu ruħhom quddiem ħajt għoli ieħor u ntebħu li issa kienu magħluqin u ma setgħux jimxu lura, għaliex sħabhom warajhom kienu qed jippressawhom ’il quddiem. L-Insara xeħtu fuqhom kull ma kellhom: xkubettati, ċrieki tan-nar u granati. Fl-aħħar it-Torok kellhom jirtiraw, imma l-Insara ma ġrewx warajhom. Minflok, baqgħu f’posthom u minnufih bdew isewwu l-bini mġarrab.

Sadattant l-attakk qalil fuq Senglea kien sejjer favur it-Torok. Il-forti San Mikiel kien għoddu se jaqa’, imma din id-darba de Valette ma kellux rinforzi x’jibgħat min-naħa tal-Birgu. Mustafà seta’ jara dan, u biex iktar iqawwi qalb niesu, mexxa l-attakk tal-Ġannizzeri personalment. Żgur mhux forsi kien jirnexxilhom jinfiltraw is-swar ta’ San Mikiel li kieku ma nstemgħux it-trombi biex it-Torok jirtiraw ħesrem. It-truppi ma setgħux jifhmu għaliex kellhom jirtiraw, inkluż Mustafà nnifsu, li ma kienx ta l-ordni. X’kien qed jiġri? Għall-ewwel ħasbu li kienu waslu r-rinforzi ta’ Don Garcia minn Sqallija. Imma ma kienx hekk.

Billi l-bumbardament qalil kien qed jinstama’ minn madwar il-gżira kollha, il-Gvernatur tal-Imdina, il-Kavallier don Mesquita, basar li kien qed isir attakk qalil fuq iż-żewġt ibliet tal-Port il-Kbir. Dan tah x’jifhem li l-parti l-kbira tal-armata Ottomana kienet ikkonċentrata fuq il-Birgu u Senglea, u li minħabba f’hekk x’aktarx il-kamp ewlieni tat-Torok fil-Marsa ma kienx daqstant imħares. Qatagħha li jirriskjaha, u ta ordni lill-Kavallier de Lugny joħroġ mill-Imdina b’kontinġent ta’ kavallerija u jattakka l-kamp Tork. Skartaw il-pattulji ta’ Torok li kien hemm ippostjati tul it-triq mill-Imdina għall-Port il-Kbir sakemm waslu fuq in-naħa tal-lbiċ tal-kamp fil-Marsa, u attakkaw minn hemm. Kif kien basar il-gvernatur, in-numru ta’ għassiesa mal-kamp kien żgħir, u l-kavallieri malajr setgħu jeħilsu minnhom. Ħarqu t-tined kollha li sabu u ħadu magħhom kemm setgħu żwiemel. Għalhekk meta Mustafà reġa’ lura mill-attakk fuq Senglea, sab ħerba sħiħa. Għall-ewwel ma fehemx minn fejn kien ġie l-attakk. Hekk kif intebaħ li l-assalt kien ġie mill-Imdina, dan saħħaħlu d-deċiżjoni tiegħu li joqtol lil kull Kavallier tal-Ordni – minbarra ’l de Valette li ried jieħdu miegħu ħaj quddiem Sulejman.

10: Id-Dilemma ta’ Don Garcia

Fil-fatt de Valette kien għaqli biżżejjed biex jobsor x’kien se jiġrilu kieku kellu jaqa’ taħt idejn il-Musulmani. Xi ftit jiem wara rċieva messaġġ ieħor mingħand il-Viċi-Re ta’ Sqallija, fejn qallu li sal-aħħar tax-xahar kellu jibgħatlu 16,000 suldat. Dan ma impressjonax ħafna lil de Valette wara l-ħafna wegħdiet li kien irċieva u li kienu sfaw fix-xejn. Sejjaħ lill-uffiċjali biex ikellimhom.

“Se ngħidilkom ċar u tond li minn issa ’l quddiem se nafda biss f’Alla u fin-nies li għandna hawn magħna fuq il-gżira. Miniex qed nistenna li mill-Ewropa se jaslu aktar truppi fil-ħin biex isalvawna. Dan ifisser li ma nistgħux inżommu kontra l-Ottomani għal ħafna aktar żmien. Tistgħu tobsru li t-Torok żgur se jittrattawna bħalma għamlu lil ħutna ta’ Sant’ Iermu, għalhekk nistgħu nistennew biss mewta atroċi.”

“Jew nispiċċaw priġunieri biex jeħduna Kostantinopli,” qabeż wieħed mill-uffiċjali.

“Tistenniex xi unuri,” wieġeb de Valette. “Jiġri x’jiġri se nispiċċaw maqtulin xorta. U jien żgur mhux se naċċetta li nħallihom ikaxkruni fil-ktajjen quddiem Sulejman. Le, Sinjuri. Jien biħsiebni nilbes uniformi ta’ suldat normali biex jekk jidħlu u jsibuni ma jagħrfunix, u joqtluni mas-suldati komuni. Aħjar immut waqt il-ġlied milli naqa’ priġunier.”

Fit-tweġiba tiegħu lill-Viċi-Re, de Valette saħaq il-fatt li jiġri x’jiġri, Don Garcia kellu jħalli lill-Kavallieri li kien hemm Sqallija jagħmlu li jridu, u jitilqu minn rajhom għal Malta biex jingħaqdu ma’ ħuthom hawnhekk. “Mhuwiex xieraq li parti mill-Ordni teħles mill-jasar waqt li l-kumplament qed jissagrifikaw ħajjithom.”

Li ma kienx jaf de Valette f’dan il-waqt kien il-fatt li fi Sqallija – u f’ħafna partijiet oħra tal-Ewropa – kien għaddej dibattitu politiku aħrax dwar is-sitwazzjoni f’Malta. F’qasir żmien Malta kienet se taqa’ taħt idejn l-Imperu Ottoman. Ħafna kienu diġà qed iqisuha b’mitlufa. U x’kien se jiġri wara? Bla dubju ta’ xejn għajnejn l-Imperu Ottoman kienu se jaqgħu fuq il-kumplament tal-Ewropa Nisranija, speċjalment Sqallija u l-Italja t’Isfel kif ukoll Vjenna fiċ-ċentru tal-Ewropa. Għalhekk ħafna mexxejja Ewropej kienu tal-idea li ma ‘jaħlux’ aktar suldati f’Malta ħalli dawn ikunu jistgħu jiddefendu ’l pajjiżi tal-Ewropa meta l-Imperu Ottoman javvanza fuqhom. Fuq kollox, Malta lanqas kienet proprjetà ta’ Don Garcia. Għalfejn jibagħtulu suldati biex jiddefendu post li lanqas kien tiegħu?

Mill-banda l-oħra, Don Garcia kien konxju tal-fatt li Karlu V, kap tal-Imperu Qaddis Ruman, kien ta ’l Malta lill-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530 bħala rigal. Kien sew li issa, li l-Ordni kien qed ibati taħt attakki tal-għadu u li kellu bżonn daqstant għajnuna, l-Imperatur t’issa, Filippu II, jabbandunhom?

Għalhekk Don Garcia kien f’dilemma liema bħalha, u kellu bżonn jiddeċiedi x’jagħmel mill-aktar fis qabel ma l-Ordni ta’ San Ġwann jaqa’ għal kollox, b’Malta miegħu.

11: Mini u torrijiet

Mustafà ma żammx lura milli juża strateġiji tradizzjonali tal-assedjar, u ordna li jinbnew torrijiet tal-injam u jitħaffru xi mini taħt is-swar. Dawn iż-żewġ strateġiji kienu komuni ħafna waqt l-assedjar ta’ bliet, u kienu ilhom jintużaw anki fiż-żminijiet antiki. Għalkemm fi żmien l-assedju ta’ Malta kienu saru strateġiji kemxejn antikwati, it-Torok minn dejjem kienu jħobbu jużawhom, u għalihom kienu għadhom effettivi.

Torri tal-injam kien jista’ jinbena malajr. L-idea kienet li jagħmluh għoli aktar mis-swar, ħalli l-miraturi mill-quċċata jkunu jistgħu jisparaw fuq id-difensuri fuq is-swar. Barra minn hekk, kien ikun mibni b’turġien biex is-suldati jkunu jistgħu jitilgħu minn isfel. Is-‘sular’ li kien eżatt livell mal-quċċata tas-swar kien ikollu bieba li setgħet titniżżel u sservi bħala pont. B’hekk il-Ġannizzeri kienu jkunu jistgħu jaqsmu minn ġot-torri għal fuq is-swar. Il-wiċċ tat-torri kollu kien ikun miksi b’ġild oħxon, u dan kienu jżommuh imxarrab il-ħin kollu biex jekk l-għadu jixħet bombi tan-nar fuqu dan ma jaqbadx malajr. Qiegħ it-torri kien ikun bir-roti, għalhekk kienu jkunu jistgħu jmexxuh malajr lejn il-partijiet l-aktar dgħajfa tas-swar.

Fl-istess ħin li beda jinbena t-torri, Mustafà kien ordna wkoll li tibda titħaffer mina taħt il-ħitan ta’ Senglea. Fil-fatt it-Torok kienu diġà ħaffru numru ta’ mini ftit ’il barra mill-ħitan ta’ San Mikiel, biex ikunu jistgħu jaħżnu hemm il-materjal tal-gwerra u l-munizzjon. Kull ma kellhom jagħmlu kien li jagħżlu dik il-waħda li kienet l-aktar viċin tal-ħitan u jtawluha biex tgħaddi minn taħt is-swar.

Ilsir li rnexxielu jaħrab minn idejn il-Musulmani u jilħaq il-forti San Mikiel għarraf lill-Kavallieri b’dan il-pjan. Madankollu ma kienx jaf eżatt il-post minn fejn kienet għaddejja l-mina taħt l-art, u għaldaqstant de Valette ma setax jagħmel ħafna dwar dan. Ix-xorti għenet lill-Insara meta suldat li kien għassa fuq parti tas-swar osserva l-ponta ta’ lanza ħierġa minn taħt l-art. L-inġiniera Torok kienu ħaffru ’l fuq wisq viċin ta’ wiċċ l-art. De Valette ordna li jħalluhom sejrin iħaffru. Fl-istess ħin qabbad lill-inġiniera tiegħu jibdew iħaffru ħofra maġenb il-mina Torka. Minn hemm xeħtu bomba tan-nar ġol-mina. Kif rawha l-inġiniera Torok lebbtu ’l barra kemm jifilħu, u ħallew il-mina – u l-apparat kollu li kellhom – f’idejn il-Kavallieri.

Biss din ma kenitx l-unika mina li t-Torok kienu qegħdin iħaffru.

Sakemm dan kollu kien qed jiġri fuq in-naħa ta’ Senglea, il-Birgu wkoll kienet qed tiġi attakkata mis-suldati ta’ Pjalì. Bħalma kienu biħsiebhom jagħmlu bil-mina taħt San Mikiel, dik ta’ taħt il-Birgu kienet miżgħuda bi btieti mimlija porvli biex itajruha. Malli Mustafà ra li l-Kavallieri kienu skoprew il-mina taħt Senglea, ordna lil Pjalì biex ma jistenniex aktar u jfittex itajjar dik tal-Birgu. Kien hemm splużjoni enormi, u l-art taħt parti mis-swar ċediet u sfronda kollox. Malli d-dħaħen u trab qagħdu, l-Insara lemħu t-truppi ta’ Pjalì jiġru lejn il-qasma li kienet infetħet fis-swar.

L-attakk kien qalil u l-Insara ma setgħux jimbuttaw lit-Torok lura kif ġieb u laħaq. Malli de Valette, li kien pożizzjonat fil-pjazza ewlenija tal-Birgu, ra li niesu kienu se jirtiraw, inxteħet fit-taqtigħa personalment. It-Torok kienu diġà waqqfu l-bnadar fuq it-tiġrib tas-sur imwaqqa’ meta l-Insara, malli raw lil de Valette, qawwew qalbhom u bdew jimbuttaw lit-Torok lura. Granata waqgħet viċin de Valette u ferietu f’siequ. Għalkemm il-Kavallieri madwaru bdew iħeġġuh jirtira, de Valette żamm sod u pponta lejn il-bnadar Torok fuq it-tifrik tas-sur. “Mhux qabel ma nneħħu dawk minn hemm!” għajjat.

Minħabba l-preżenza ta’ de Valette il-folja nqalbet malajr u l-Insara reġgħu imbuttaw lit-Torok ’il barra mit-tifrik tas-sur. Issa de Valette ħalliehom idewwulu l-ferita. Biss kien ċert li t-Torok ma kinux se jieqfu hawn u li l-attakki tagħhom kienu se jkomplu f’qasir żmien.

Sadattant ix-xogħol fuq it-torri tal-injam kien lest, u Mustafà qatagħha li issa kien il-waqt li jużawh. Bil-qajla, it-Torok bdew imexxu t-torri viċin tal-Bastjun ta’ Kastilja. Naturalment de Valette u l-uffiċjali l-oħra kien qed jaraw lit-Torok ipoġġu t-torri fl-aħjar pożizzjoni biex jużawh. De Valette sejjaħ lill-mastru inġinier tiegħu.

“Kif taħseb li nistgħu nattakkawh?” staqsieh.

“Għalxejn nippruvaw bil-granati u bombi tan-nar,” wieġeb l-inġinier. “Miksi sew bil-ġild imxarrab biex jagħmlu effett. Il-parti l-aktar dgħajfa tiegħu hija l-qiegħ, il-bażi fejn hemm ir-roti.”

De Valette qagħad jaħseb ftit dwar dan, u fl-aħħar ta l-istruzzjonijiet. “Ikkalkulaw fejn hi dik il-parti tal-ħitan fejn se jkun qed jiffaċċja t-torri. Ħaffru ħofra fis-sur hemmhekk.”

F’qasir żmien it-torri kien resaq viċin biżżejjed biex miraturi fuq il-quċċata tiegħu setgħu jibdew jisparaw ’l isfel fuq id-difensuri tas-swar. L-Insara setgħu jaraw ukoll Torok telgħin it-taraġ tat-torri biex jilħqu l-pont u jaqsmu għal fuq is-swar. Imma ma laħqu għamlu xejn minn dan kollu. It-torri kien issa wieqaf eżatt quddiem it-toqba fis-swar li kien ordna de Valette. Fiha tfaċċa kanun kbir, u bi sparatura waħda tajjar il-bażi tat-torri. Il-kanun spara dik li tissejjaħ balla bil-ktajjen. Din kienet magħmula minn żewġ balal tal-ġebel marbutin b’katina. Malli tiġi sparata, il-balal kienu jduru b’qawwa liema bħalha minħabba l-katina li kienet iżżommhom flimkien. Malli ħabtu mat-travi tal-injam li kienu qed iżommu t-torri wieqaf, dawn għamluhom trietaq, u s-sisien tat-torri inqerdu għal kollox. It-torri f’daqqa waħda beda jitbandal u f’leħħa ta’ berqa waqa’ biċċiet, bis-suldati Torok kollha li kien hemm fuqu.

12: Il-Qagħda fuq iż-żewġ naħat

Kien f’dan iż-żmien li t-Torok bdew jibżgħu li x’aktarx setgħu jitilfu l-battalja. Sa issa kienu qed jemmnu li Allaħ kien magħhom u li l-gżira kienet se taqa’ taħt idejhom. Imma issa bdew jaraw kif kull sforz li kienu qed jagħmlu kien qed jisfa fix-xejn. Il-pika bejn Mustafà u Pjalì issa kienet qed tidher aktar fil-beraħ hekk kif bdew iwaħħlu f’xulxin għall-aħħar fjask li sar. Pjalì baqa’ jinsisti li l-prijorità tiegħu kienet il-flotta, għaliex barra milli kellha fuqha l-apparat kollu li kellhom bżonn, kienet ukoll l-unika triq lura lejn Kostantinopli. Mustafà kien qed jinkwieta aktar minħabba t-temp. Qatt ma kien basar li l-assedju kien se jdum daqshekk, u issa li l-ħarifa kienet qed toqrob u dalwaqt kien se jkun żmien il-baħar imqalleb, ma xtaqx li l-armata tibqa’ mwaħħla f’Malta tul ix-xitwa kollha.

Il-moral tal-armata kien niżel ħafna. Xi merċenarji kienu telqu, u ħafna mis-suldati bilkemm riedu jkomplu jiġġieldu, jew għax kienu feruti jew minħabba l-mard. Kien hemm biża’ li tfaqqa’ l-pesta minħabba l-fatt li kienu damu ħafna żmien fit-trunċieri mal-iġsma ta’ sħabhom mejtin, li kienu bdew jintnu bis-sħana taħt ix-xemx qalila. Kien hemm saħansitra każijiet meta l-uffiċjali kellhom jużaw il-bsaten biex iżommu lis-suldati f’posthom. Mustafà qabbadhom iħottu l-arbli tax-xwieni mkissrin u jpoġġuhom fl-ilma biex jagħlqu d-daħla tal-Port ta’ Marsamxett biex ma jkunx hemm min jaħrab fuq l-iġfna ankrati hemm.

Mill-banda l-oħra l-Kavallieri ma kinux qed iħossuhom ħafna aħjar, u l-ħeġġa tagħhom kienet qed tmajna wkoll, speċjalment minħabba l-fatt li rinforzi minn Sqallija kienu għadhom ma tfaċċawx.

Sadattant Mustafà kompla l-bumbardamenti fuq iż-żewġt ibliet fil-Port. Nhar il-11 t’ Awwissu nqatel il-Kavallier de Robles. Jumejn wara t-Torok taw assalt qawwi ieħor fuq Senglea u San Mikiel. L-ewwel kien hemm bumbardament bla waqfien fuq id-djar ta’ ġewwa s-swar, u wara attakkaw il-ħitan b’tant qilla li rnexxielhom imexxi t-trunċieri aktar ’il quddiem. Issa l-għedewwa tant kienu viċin xulxin li kien hemm biss ċint żgħir qed jifridhom.

Fuq in-naħa tal-Birgu t-Torok ittantaw attakk b’torri tal-injam ieħor. Din id-darba, wara t-tagħlima li ħadu mill-ewwel torri, użaw ġebel tqil bħala bażi, u mexxewh lejn il-fdalijiet tal-Bastjun ta’ Kastilja. De Valette reġa’ ordna li titħaffer ħofra oħra fil-ħitan faċċata tat-torri. Iżda din id-darba, minflok kanuni, ħareġ grupp ta’ Kavallieri. Dawn dlonk bdew jitilgħu mal-bażi tal-ġebel tat-torri sakemm waslu ħdejn it-taraġ tal-injam. Fi ftit żmien ħakmu t-torri. Il-pont fil-livell għoli użawh biex imexxu xi kanuni mis-swar għal fuq it-torri stess, u minn hemm setgħu jisparaw fuq il-linji Torok.

Bejn is-16 u l-20 t’ Awwissu komplew il-bumbardamenti fuq il-bliet. Baqgħu sejrin bla waqfien tant li kważi kważi fl-aħħar lanqas kien għad baqa’ bini x’iwaqqgħu. Malli waqaf il-bumbardament, Mustafà nnifsu mexxa offensiva oħra fuq il-forti San Mikiel. Waqt l-attakk intlaqat u kellu jibqa’ mistoħbi qalb it-tifrik sa nżul ix-xemx qabel ma seta’ jitkaxkar lura sal-linji tiegħu mingħajr ma jinqabad.

Fit-23 t’Awwissu l-uffiċjali kollha tal-Ordni ltaqgħu biex jiddiskutu l-qagħda tagħhom. Billi kienu tilfu t-tama li jirċievu għajnuna minn Sqallija, kienu qed jobsru li f’qasir żmien it-Torok kienu se jirbħu l-assedju. It-Torok kienu qed iħaffru aktar mini. Għalkemm kien hemm każijiet fejn il-Kavallieri irnexxielhom iwaqqfu t-tħaffir, issa tant kien hemm mini li kienu qed jistennew is-swar jaqgħu għal kollox. Xi ftit mill-Kavallieri riedu li l-Ordni jirtira, jaqbad l-arkivji u r-relikwi li kien hemm fil-knisja konventwali tal-Birgu, u jitilqu l-belt u jingħalqu f’Sant’ Anġlu.

Imma dan kien ifisser li jabbandunaw lill-poplu Malti, li kien iġġieled u bata tant magħhom u li issa kien assedjat fil-Birgu magħhom. De Valette irrifjuta li jagħmel dan. Kien jemmen li jekk jabbandunaw il-Birgu, Senglea kienet taqa’ wkoll wara ftit, għax il-post kien issa dgħajjef wisq biex jiddefenduh sew. Barra minn hekk, Sant’ Anġlu kien żgħir wisq biex iżomm kemm lill-Kavallieri kif ukoll il-poplu Malti kollu, inklużi nisa u tfal. Għalhekk de Valette qatagħha li jibqgħu jżommu l-Birgu sal-aħħar. F’Sant’ Anġlu ħalla biss ftit li xejn truppi, biżżejjed biex ikunu jistgħu jħaddmu l-kanuni. Il-bqija, kulħadd kellu jibqa’ l-Birgu. Din kienet ukoll ta’ messaġġ lil Maltin biex jurihom li ma kienx biħsiebu jabbandunhom.

13. l-Imdina

Għat-Torok ir-rifornimenti kienu qed jonqsu wkoll: porvli, kanuni, munizzjon, u naturalment nies. Barra minn hekk il-kavallerija tal-Ordni kienet għamlet ħerba mill-kamp li kellhom il-Marsa, u ma kienx hemm kenn biżżejjed għas-suldati kollha li kien għad baqa’. Dan l-aħħar fatt qanqlu jipprova jattakka l-Imdina, l-ewwelnett biex ipattiha lill-kavallerija talli kienet attakkat il-Marsa, u t-tieni biex juża l-Imdina bħala kenn lill-armata minflok il-kamp meqrud.

Il-forza militari li kien hemm l-Imdina ma kenitx qawwija daqs dik tal-Port il-Kbir, u malli don Mesquita rċieva l-bxara li forza Torka kienet riesqa lejn il-belt, kien jaf li ma kenitx se ddum tirreżisti jekk l-għadu jattakkhom bis-saħħa. Punt favur don Mesquita kien li l-Imdina kienet mibnija fuq għolja u t-Torok setgħu jattakkaw min-naħa waħda biss, għalhekk seta’ jikkonċentra d-difiża tiegħu kollha fuq dik in-naħa. Kellu wkoll ħafna uniformijiet. Biex forsi jagħti lit-Torok x’jaħsbu li l-forza li kellu kienet waħda qawwija aktar milli kienet tassew, qabbad liċ-ċittadini tal-belt – rġiel, nisa u tfal – biex jilbsu l-uniformijiet u jmorru fuq is-swar mas-suldati. Dan seta’ jġiegħel lit-Torok jaħsbu li kien hemm ħafna aktar suldati qed jiddefendu l-Imdina.

Għall-ewwel Mustafà ttanta joħroġ lill-Kavallerija tal-Ordni u jiffaċċjaha wiċċ-imb-wiċċ fl-għelieqi barra mill-belt. Biex jagħmlu dan it-Torok sabu merħla baqar li kienet tħalliet timraħ barra s-swar tal-belt, dawruha, u ttantaw jeħduha magħhom. Il-kavallerija minnufih ħarġet minn wara s-swar biex jieħdu l-baqar lura, u ntebħu li kienu mdawrin minn kull naħa. Għalhekk telqu l-baqar u daru lejn it-Torok. Sadattant, minn fuq is-swar tal-Imdina, il-kanuni bdew jisparaw lejn dawk il-Musulmani li kienu qed jittantaw jaħtfu l-baqar. Fl-aħħar it-Torok irtiraw, u l-kavallieri rnexxielhom isalvaw il-baqar. Madankollu tilfu xi kavallieri u żwiemel.

Għalhekk Mustafà bagħat li xi suldati quddiem biex jistudjaw is-swar tal-belt. Dawn raw il-gżuż ta’ nies fuq is-swar, u kif basar don Mesquita, ħasbu li kien hemm ħafna aktar difensuri milli basru fil-bidu. Is-suldati Torok marru lura għand Mustafà b’dan it-tagħrif. Fl-istess ħin don Mesquita ordna l-kanuni jisparaw, biex aktar jagħtu x’jifhmu li kienu armati sa snienhom. Għat-Torok kien jidher ċar li l-Imdina kellha difiża soda. Dan m’għoġobx lil Mustafà. Ftakar kemm Sant’ Iermu kien swielu żmien, armamenti u nies, u ma xtaqx li jkollu f’idejh Sant’ Iermu ieħor. Għalhekk ta l-ordni biex l-attakk ma jsirx.

Il-bxara malajr waslet għand de Valette, u għall-ewwel darba beda jaħseb li fil-fatt kien hemm ċans kbir li jirbħu wara kollox.

Sadattant bdew jagħmlu l-ewwel ħalbiet ta’ xita, u Mustafà ntebaħ li kien se jiġri dak li minn dejjem kien qed jibża minnu...

U fi Sqallija, l-affarijiet kienu mixjin ukoll. Il-Kavallieri li kienu hemm kienu tilfu l-paċenzja jistennew lil Don Garcia jieħu deċiżjoni, u kienu ġabru 400 Kavallier bis-suldati tagħhom lesti biex isalpaw lejn Malta anki mingħajr il-kunsens tal-Viċi-Re. Fl-aħħar Don Garcia ċeda, u flimkien mal-Kavallier Don Cardona telaq b’9,000 suldat li salpaw nhar il-25 t’Awwissu. Minħabba maltempata kbira kellhom jerġgħu jduru għal Sqallija biex isewwu xi ħsara f’ħafna mix-xwieni. Hawn Don Garcia wasallu l-aħħar messaġġ mingħand de Valette. Wissieh li l-portijiet fuq in-naħa tax-xlokk ta’ Malta kienu kollha okkupati mit-Torok, għalhekk kellu jniżżel lis-suldati tiegħu l-Imġarr jew il-Mellieħa.

Il-flotta salpat nhar l-4 ta’ Settembru. Reġgħu ltaqgħu ma’ maltempata. Don Garcia reġa’ dar lura, imma Don Cardona baqa’ jinsisti u qabad rotta lejn Għawdex.

L-għajnuna tant mistennija fl-aħħar kienet fi treqitha...

14: L-Aħħar taqbida

Nhar is-6 ta’ Settembru, minn fuq is-swar tal-Birgu u ta’ San Mikiel, id-difensuri bdew jaraw ħafna tħarrik qalb il-linji Torok. Osservaw li l-armati li kienu madwar il-bliet bdew jirtiraw. Kien hemm ukoll xi ċaqliq fil-flotta. Il-barriera ta’ arbli li kien poġġa Mustafà fid-daħla ta’ Marsamxett kienet tneħħiet, u l-iġfna li kien hemm ankrati hemm bdew ħerġin mill-port. Imma issa dehru xwieni oħra resqin lejn il-port, u l-Insara ntebħu li kienu x-xwieni ġejjin minn Sqallija. In-nies infexxet f’għajjat ta’ ferħ waqt li l-qniepen madwar il-port u dawk tal-Imdina bdew jinstemgħu idoqqu bla waqfien.

Naturalment de Valette kien diġà jaf li l-armata minn Sqallija kienet waslet, imma ma kienx xandar l-aħbar lis-suldati u liċ-ċivili. Kien jaf li l-armata kienet waslet b’xi 10,000 ruħ – li ma kinux ħafna, imma setgħu jaqilbu s-sitwazzjoni favurihom. Għalhekk irranġa biex xi uffiċjali jitkellmu bejniethom qrib xi priġunieri Torok. Dawn ħallew lill-priġunieri jisimgħuhom jgħidu li l-għajnuna minn Sqallija kienet ta’ madwar 16,000 suldat. Wara, ħallew lil wieħed mill-priġunieri jaħrab. Dan dlonk mar javża lil sħabu bin-numru ta’ suldati li kienu niżlu l-Mellieħa u li issa kienu qed jimmarċjaw lejn il-Port il-Kbir.

Din l-aħbar falza qatgħet qalb Mustafà aktar, u fl-aħħar iddeċieda li jagħti l-ordni biex l-armata tibda tirtira lejn ix-xwieni ħalli jmorru lura Kostantinopli.

De Valette ma rċeviex informazzjoni dwar x’kienet qed tagħmel l-armata minn Sqallija. Seta’ jisma’ biss il-ħsejjes tax-xogħol qalb it-trunċieri waqt li t-Torok bdew iżarmaw biex jitilqu. Dawk l-affarijiet li ma setgħux iġorru ħallewhom warajhom, inklużi torrijiet u xi kanuni kbar li kienu tqal wisq.

Ascanio de la Corna kien il-kap tal-armata minn Sqallija. Kien kmandant ta’ esperjenza kbira, u ma kienx lest li jirriskja l-armata tiegħu qabel ma kien jaf eżatt fejn kienet l-armata Ottomana. L-ewwel mexxa l-armata sal-Imdina u n-Naxxar, iżda mbagħad waqaf hemm u stenna sa l-għada filgħodu biex jiddeċiedi x’kien imissu jagħmel.

Fl-għodwa tat-8 ta’ Settembru, id-difensuri tal-Birgu u ta’ San Mikiel ħarsu ’l barra minn fuq it-tifrik tal-fortifikazzjonijiet u raw xena ta’ deżolazzjoni. Ma kienx jidher Tork wieħed jew bandiera Torka waħda. Minflok, raw biss trunċieri abbandunati u postazzjonijiet tal-artillerija mitluqin. Ma semgħux kannunati u fanfari tat-trumbuni u tnabar Ottomani. Kwiet biss.

Wara erba’ xhur sħaħ ta’ taqbid, it-Torok fl-aħħar kienu telqu.

L-ewwel ħaġa li għamlu l-Kavallieri kien li jmorru fil-ponta tal-Għolja Xiberras u jwaqqfu l-bandiera tal-Ordni fuq it-tifrik ta’ Sant’ Iermu. It-Torok, li issa kienu kollha fuq ix-xwieni tagħhom, setgħu jaraw sew li l-ħbit kollu li kienu għamlu kien safa fix-xejn. Xi spiji li Mustafà kien ħalla wara avżawh li l-armata li kienet niżlet minn Sqallija fil-fatt ma kenitx daqshekk kbira daqs kemm kienu ħasbu, u li fil-fatt kienet tgħodd biss madwar xi 8,000 ruħ.

Bit-tama li forsi jkollu rebħa tal-aħħar, ordna x-xwieni jieqfu u jniżżlu 9,000 suldat l-art biex jattakka lill-għadu. Pjalì m’għoġbux il-pjan issa li kienu diġà salpaw, u qamet diskussjoni taħraq bejniethom. Fl-aħħar ftehmu li wara li jniżżlu s-suldati l-flotta tibqa’ miexja u tiġborhom aktar tard minn San Pawl il-Baħar.

L-ispiji ta de Valette avżawh b’dan, u minnufih bagħat messaġġ lil de la Corna biex ikun jaf x’kienu se jagħmlu t-Torok. De Valette intebaħ li l-battalja kienet għadha ma spiċċatx. Jekk Mustafà kien jirnexxilu jeqred l-armata ta’ Sqallija, seta’ faċilment jaqtagħha li jibqa’ fuq il-gżira tul ix-xitwa u l-assedju kien jiġbed aktar fit-tul.

De la Corna żamm it-truppi tiegħu fil-għoli, ħalli jkollu l-għadu dejjem taħtu. Imma xi Kavallieri tant kienu fuq ix-xwiek li jattakkaw lit-Torok, li malli lemħuhom għamlu għalihom mingħajr ma stennew ebda ordni. Malli rawhom jaħbtu għall-għadu xi truppi ġrew warajhom, u billi de la Corna ma setax iwaqqafhom ta l-ordni lill-kumplament tal-armata biex jattakkaw ukoll. Malli l-kavallerija fl-Imdina raw dan, ħarġu huma wkoll u għamlu għall-armata Torka.

Hekk kif il-forza kollha tal-Insara waqgħet fuq il-Musulmani, dawn ippanikkjaw u ma żammewx ir-ringieli. F’qasir żmien kull suldat beda jiġri għal rasu. Mustafà ntebaħ li din it-taqbida kienet mitlufa wkoll, u l-unika ħaġa li seta’ jagħmel issa kien li jsalva dak li kien baqa’ mill-armata billi jilħqu San Pawl il-Baħar. Waqt li s-suldati l-oħra lebbtu lejn il-bajja, il-Ġannizzeri baqgħu madwar Mustafà u ppruvaw iżommu kemm jista’ jkun. Darbtejn wara xulxin Mustafà qatlulu ż-żiemel li kien riekeb, imma l-Ġannizzeri rnexxielhom isalvawh minn taħt idejn il-kavallerija tal-Ordni. Ħassem ukoll baqa’ fuq wara, jagħti l-ordnijiet lill-miraturi jippruvaw iwaqqfu l-avvanz tal-Insara. Imma kien għalxejn.

Hekk kif l-fdalijiet tal-armata Ottomana waslet fil-bajja, l-Insara ma tawhomx nifs, u baqgħu jattakkawhom u jisparawlhom anki meta t-Torok niżlu fil-baħar. Miraturi fuq ix-xwieni li kienu qed jistennewhom bdew jisparaw fuq il-Kavallieri. L-Insara bdew jisparaw lura. Mustafà kien wieħed mill-aħħar li rikeb dgħajsa u salva.

Hekk kif il-flotta bdiet bil-qajla titbiegħed minn Malta, Mustafà u Pjalì taw l-aħħar ħarsa lejn il-gżira li kien irnexxielha żżommilhom. Għall-Imperu Ottoman, l-akbar imperu fid-dinja f’dak iż-żmien, din kienet umiljazzjoni kbira. Kienet ukoll umiljazzjoni personali. Kif kienu se jiffaċċjaw lil Sulejman malli jaslu Kostantinopli? X’kien merfugħ għalihom?

15: Wara l-Assedju

Waqt li l-flotta Torka kienet qed tbaħħar lejn Kostantinopli, Mustafà u Pjalì bagħtu xini ħafif biex jasal Kostantinopli qabilhom ħalli jagħti l-bxara ħażina lil Sulejman, bit-tama li sakemm jaslu huma l-burdata ħażina tkun niżlitlu xi ftit. Ir-reazzjoni ta’ Sulejman madankollu ma kenitx terribbli daqskemm beżgħu.

“Jien biss nista’ nqered lill-Ordni,” qal. “Ikolli mmur jien b’armata taħt il-kmand tiegħi. U ma nħalli l-ebda persuna ħajja f’dik il-gżira!”

Madankollu dan ma laħaqx għamlu, għax fil-15 ta’ Settembru 1566 miet fl-età ta’ 72, waqt li kien qed imexxi assedju fuq belt fl-Ungerija. It-Torok b’hekk tilfu wieħed mill-aqwa slaten fl-istorja tal-Imperu Ottoman. Fl-1571 l-Ammirall Taljan Andrea Doria, li kien ħa sehem fl-assedju ta’ Malta, qered għal kollox il-flotta Torka fil-battalja ta’ Lepanto, u minn dak iż-żmien is-setgħa tal-Imperu Ottoman bdiet tmajna. Kaxkar għal ħafna żmien wara, imma qatt ma laħaq il-quċċata li gawda fi żmien Sulejman il-Kbir. L-Imperu sfaxxa uffiċjalment għal kollox mat-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1918.

It-telf kien enormi fuq iż-żewġ naħat, għalkemm qatt ma nistgħu ngħidu bl-eżatt kemm mietu nies. Minn dokumenti varji huwa kkalkulat li l-Ottomani tilfu bejn l-24,000 u t-30,000 ruħ, minbarra l-ħafna li mietu fuq il-baħar waqt attakki minn xwieni Ewropej waqt l-assedju. L-Ordni tilef 250 Kavallier, u dawk li kien għad baqa’ kienu kollha feruti jew immankati għal għomorhom. Barra minn dawn tilfu ħajjithom 7,000 ruħ bejn suldati u ċittadini Maltin.

Ma’ tmiem l-assedju ma kienx hemm lok għal mistrieħ. De Valette kien konvint li l-Ottomani minn mument għall-ieħor setgħu jerġgħu jibagħtu armata oħra lejn Malta, għalhekk talab lill-mexxejja Kattoliċi Ewropej biex jagħtuh il-finanzi li kien hemm bżonn biex jerġa’ jsaħħaħ il-fortifikazzjonijiet madwar il-port. Ma kienx biħsiebu biss jirranġa Sant’ Iermu, il-Birgu u Senglea, imma ppjana wkoll li jibni fortifikazzjoni aktar b’saħħitha fuq l-Għolja Xiberras, ħalli t-Torok ma jkunux jistgħu jużawha jekk jaħbtu għal Malta mill-ġdid. Għalhekk beda minnufih il-bini tal-belt Valletta, imsemmija għalih. Illum hemm monument tiegħu fi Pjazza de Valette, Triq in-Nofsinhar, li kien inawgurat fl-2012.

Il-Papa Piju V offra lil de Valette il-ħatra ta’ kardinal, imma de Valette irrifjuta għax ma xtaqx idaħħal lill-Ordni fil-ħafna intriċċi politiċi tal-Ewropa. Baqa’ sempliċement il-Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann sa mewtu nhar il-21 t’Awwissu tal-1568. Huwa midfun fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-belt Valletta. Hawn storiċi li jsostnu li miegħu mietet epoka storika, hekk kif l-era tal-kruċjati – it-taqbida tal-Insara biex jaħtfu lil Ġerusalemm minn taħt idejn il-Musulmani – spiċċat miegħu.

Illum il-ġurnata, għalkemm l-Ordni Ospedalier ta’ San Ġwann għadu jeżisti u huwa bbażat f’Ruma (wara li tkeċċa minn Malta mill-Franċiżi fl-1798), il-fratellanza m’għadhiex għaqda ta’ ġellieda, iżda istituzzjoni li tgħin permezz ta’ voluntiera mediċi, għandha l-apparat tagħha għas-salvataġġi u għajnuna oħra waqt emerġenzi madwar id-dinja, u waqqfet ħafna sptarijiet f’ħafna pajjiżi.

Fl-Armerija tal-Palazz tal-Granmastru fil-belt Valletta wieħed jista’ jara ħafna oġġetti (uħud minnhom kopji, mhux oriġinali) li kienu ntużaw waqt l-assedju miż-żewġ naħat. Hemm l-armaturi li kienu jilbsu l-Kavallieri waqt il-battalja, armi ta’ kull għamla u daqs, kanuni u saħansitra l-balal tal-ġebel enormi li t-Torok kienu użaw biex ikissru s-swar. Għal aktar tagħrif tista’ żżur dan is-sit. Il-ġrajja tal-assedju l-kbir hija mfakkra b’monument li jinsab fi Triq ir-Repubblika faċċata tal-bini tal-Qorti.

Nhar it-8 ta’ Settembru hija mfakkra f’Malta bħala Jum il-Vitorja, u hija festa nazzjonali. Fiha niftakru l-Assedju l-Kbir tal-1565, imma hija tifkira wkoll ta’ ġrajjiet oħra fl-istorja ta’ Malta: l-imblokk tal-Franċiżi fl-1800 u t-Tieni Assedju tal-1943, waqt it-Tieni Gwerra Dinjija (imma dawn huma stejjer oħra). F’dan il-jum issir ukoll ir-Regatta fil-Port il-Kbir. Din tinkludi tlielaq varji bid-dgħajjes li jsiru darbtejn fis-sena, f’Jum il-Ħelsien (31 ta’ Marzu) u f’Jum il-Vitorja. Fiha jipparteċipaw dawk il-bliet u rħula li jmissu mal-Port il-Kbir, fosthom Bormla, il-Birgu, Birżebbuġa, il-Marsa, il-Kalkara u Senglea. Dawn it-tlielaq huma popolari ħafna u eluf ta’ nies isegwuhom kull sena, minn madwar il-Port.

***** ***** ***** TMIEM ***** ***** *****

Noti

Batterija: Grupp ta' kanuni. [Lura]

Ċrieki tan-nar: Ħbula ħoxnin marbutin f’forma ta’ ċirku u mgħaddsin fiż-żift ħalli jaqbdu malajr. Jagħtuhom in-nar u jixħtuhom fuq l-għadu. [Lura]

Diżertur: Suldat li jaħrab mill-armata, ġeneralment bil-għan li ma jibqax jiġġieled. [Lura]

Frejgatina: Dgħajsa mdaqqsa li kienet tesa’ numru kbir ta’ suldati. [Lura]

Furban: Kelma oħra għal pirata. [Lura]

Granati: Bombi tan-nar, magħmulin minn vażetti mimlija porvli. Kellhom niċċa li s-suldat kien iqabbad qabel ma jwaddab il-granata fuq l-għadu. [Lura]

Laħam immellaħ: F’dawk iż-żminijiet ma kinux jeżistu friġġijiet u freezers, u l-aħjar metodu biex ma jħallux il-laħam jitħassar malajr kien li jżommuh fil-melħ. [Lura]

Malta bħala rigal: Fil-fatt Karlu V kien ta ’l Malta lill-Ordni bir-renta ta’ bies (falkun tal-kaċċa) kull sena. Kienet renta simbolika. [Lura]

Il-Mekka: Belt fl-Arabja Sawdita li hija l-aktar post qaddis għar-reliġjon tal-Iżlam, u fejn jingħad li kien twieled il-profeta Mawmettu. Il-Musulmani jridu bilfors jagħmlu pellegrinaġġ għall-Mekka mill-inqas darba f’ħajjithom. [Lura]

Merċenarju: Suldat li kien jiġġieled mhux għar-reliġjon jew għall-politika, imma sempliċement biex jaqla’ x’jiekol. Għalhekk ma jkun marbut mal-ebda armata jew gvern, u jista’ jitlaq meta jrid. [Lura]

Palizzata kienet ringiela ta’ zkuk ippuntati li setgħu jservu ta’ barriera fuq l-art jew taħt wiċċ l-ilma. [Lura]

Pattulja: Grupp żgħir ta’ suldati li xogħolhom hu li jgħassu biċċa art jew post. [Lura]

Peniżola: Biċċa art imdawra bil-baħar fuq tliet naħat. L-Għolja Xiberras, il-Birgu u Senglea t-tlieta huma peniżoli. [Lura]

Puntun: Numru ta’ dgħajjes ċatti marbutin flimkien u pjanċa twila tal-injam poġġuta fuqhom biex isservi ta’ pont. [Lura]